31.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 287/4


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Lulju 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunalul Specializat Mureş – ir-Rumanija) – SC Raiffeisen Bank SA vs JB (C-698/18), BRD Groupe Société Générale SA vs KC (C-699/18)

(Kawżi magħquda C-698/18 u C-699/18) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 93/13/KEE - Kuntratt ta’ kreditu li jirrigwarda self personali - Kuntratt eżegwit kompletament - Konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali - Azzjoni għall-ħlas lura tal-ammonti indebitament imħallsa fuq il-bażi ta’ klawżola inġusta - Modalitajiet ġudizzjarji - Azzjoni ġudizzjarja ordinarja li ma tistax tiġi preskritta - Azzjoni ġudizzjarja ordinarja personali, patrimonjali u li tista’ tiġi preskritta - Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni - Mument oġġettiv li fih il-konsumatur isir konxju tal-eżistenza ta’ klawżola inġusta)

(2020/C 287/05)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Tribunalul Specializat Mureş

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: SC Raiffeisen Bank SA (C-698/18), BRD Groupe Société Générale SA (C-699/18)

Konvenuti: JB (C-698/18), KC (C-699/18)

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li, filwaqt li tipprevedi n-natura impreskribibbli tal-azzjoni intiża sabiex tiġi kkonstatata n-nullità ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, tissuġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni l-azzjoni intiża sabiex jiġu invokati l-effetti restituttivi ta’ din il-konstatazzjoni, sakemm dan it-terminu ma jkunx inqas favorevoli minn dak li jirrigwarda azzjonijiet simili ta’ natura interna (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma jrendix prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari d-Direttiva 93/13 (prinċipju ta’ effettività).

2)

L-Artikolu 2(b), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza, ta’ effettività u ta’ ċertezza legali għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu interpretazzjoni ġudizzjarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi li l-azzjoni ġudizzjarja għall-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament abbażi ta’ klawżola inġusta li tinsab f’kuntratt konkluż bejn konsumatur u bejjiegħ jew fornitur hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin li jibda jiddekorri mid-data tal-eżekuzzjoni sħiħa ta’ dan il-kuntratt, fejn ikun preżunt, mingħajr bżonn ta’ verifika, li, f’din id-data, il-konsumatur kellu jkun jaf bin-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni jew fejn, għal azzjonijiet simili, ibbażati fuq ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt intern, dan l-istess terminu jibda jiddekorri biss mill-konstatazzjoni tal-kawża ta’ dawn l-azzjonijiet.

3)

Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunalul Specializat Mureş (il-Qorti Speċjalizzata ta’ Mureş, ir-Rumanija), fid-deċiżjoni tagħha tat-12 ta’ Ġunju 2018 fir-rigward tal-Kawża C-699/18.


(1)  ĠU C 54, 11.02.2019.