3.8.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/3


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-28 ta’ Mejju 2020 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesverwaltungsgericht – il-Ġermanja) – IL et vs Land Nordrhein-Westfalen

(Kawża C-535/18) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ambjent - Konvenzjoni ta’ Aarhus - Direttiva 2011/92/UE - Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent - Parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-proċess deċiżjonali - Irregolaritajiet li jivvizzjaw il-proċedura ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett - Aċċess għall-ġustizzja - Limiti previsti mid-dritt nazzjonali - Direttiva 2000/60/KE - Politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma - Deterjorament ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art - Modalitajiet ta’ evalwazzjoni - Dritt tal-individwi li jadottaw miżuri għall-prevenzjoni tat-tniġġis - Locus standi quddiem il-qrati nazzjonali)

(2020/C 255/03)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: IL, JK, KJ, LI, NG, MH, OF, PE, Eredi ta’ QD, magħmula minn RC u SB, TA, UZ, VY, WX

Konvenut: Land Nordrhein-Westfalen

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri jipprovdu li, meta difett proċedurali li jivvizzja d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġett ma jkunx ta’ natura li jibdel is-sinjifikat tagħha, it-talba għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tkun ammissibbli biss jekk l-irregolarità inkwistjoni tkun ċaħħdet lir-rikorrent mid-dritt tiegħu li jipparteċipa fil-proċess deċiżjonali fil-qasam tal-ambjent, iggarantit mill-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva.

2)

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-kontroll mill-awtorità kompetenti tal-osservanza tal-obbligi li huwa jipprovdi, fosthom dak li jiġi evitat id-deterjorament tal-istat tal-korpi tal-ilma, kemm tal-wiċċ kif ukoll ta’ taħt l-art, ikkonċernati minn proġett, jista’ jseħħ biss wara li jkun ġie awtorizzat.

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2011/92 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-informazzjoni li għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku matul il-proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett għandha tinkludi d-data neċessarja sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ dan tal-aħħar fuq l-ilma fid-dawl tal-kriterji u tal-obbligi previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2000/60.

3)

L-Artikolu 4(1)(b)(i) tad-Direttiva 2000/60 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandu jitqies bħala deterjorament tal-istat kimiku ta’ korp tal-ilma ta’ taħt l-art minħabba proġett, minn naħa, l-eċċess ta’ mill-inqas wieħed mill-istandards ta’ kwalità jew mill-valuri limitu, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2006/118/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar il-protezzjoni ta’ l-ilma ta’ taħt l-art kontra t-tniġġiż u d-deterjorament, u, min-naħa l-oħra, żieda prevedibbli tal-konċentrazzjoni ta’ inkwinant meta l-limitu stabbilit għal dan ikun diġà nqabeż. Il-valuri mkejla f’kull punt ta’ sorveljanza għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni individwalment.

4)

Il-punt (b) tal-ewwel paragrafu u l-ewwel inċiż tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 kif ukoll l-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2000/60, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 19 TUE u tal-Artikolu 288 TFUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-membri tal-pubbliku kkonċernat minn proġett għandhom ikunu jistgħu jinvokaw, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, il-ksur tal-obbligi ta’ prevenzjoni ta’ deterjorament tal-korpi tal-ilma u ta’ titjib tal-istat tagħhom, jekk dan il-ksur ikun jikkonċernahom direttament.


(1)  ĠU C 427, 26.11.2018