31.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 206/6


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tal-25 ta’ Marzu 2021 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad – Il-Bulgarija) – BT vs Balgarska Narodna Banka

(Kawża C-501/18) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Skemi ta’ garanzija għal depożiti - Direttiva 94/19 - Punt 3(i) tal-Artikolu 1 - Artikolu 7(6) - Artikolu 10(1) - Kunċett ta’ “depożitu mhux disponibbli” - Konstatazzjoni ta’ indisponibbiltà tad-depożitu - Awtorità kompetenti - Dritt għal kumpens tad-depożitant - Klawżola kuntrattwali kuntrarja għad-Direttiva 94/19/KE - Prinċipju tas supremazija tad-dritt tal-Unjoni - Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja - Awtorità Bankarja Ewropea (ABE) - Regolament (UE) Nru 1093/2010 - Artikolu 1(2) - Punt 2(iii) tal-Artikolu 4 - Artikolu 17(3) - Rakkomandazzjoni tal-ABE lil awtorità bankarja nazzjonali dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu sabiex tikkonforma ruħha mad-Direttiva 94/19 - Effetti legali - Validità - Riorganizzazzjoni u likwidazzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu - Direttiva 2001/24/KE - Is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 - Kunċett ta’ “miżuri ta’ riorganizzazzjoni” - Kompatibbiltà mal-Artikolu 17(1) u mal Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Responsabbiltà tal-Istati Membri f’każ ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni - Kundizzjonijiet - Ksur suffiċjentement serju tad-dritt tal-Unjoni - Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri - Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali - Artikolu 4(3) TUE - Prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività)

(2021/C 206/08)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Administrativen sad Sofia-grad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: BT

Konvenut: Balgarska Narodna Banka

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 7(6) tad-Direttiva 94/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 1994 dwar skemi ta’ garanzija għal depożiti, kif emendata bid-Direttiva 2009/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt għal kumpens tad-depożitant li huwa jipprevedi jkopri biss il-ħlas lura, mill-iskema ta’ garanzija tad-depożiti, tad-depożiti mhux disponibbli ta’ dan id-depożitant, fl-ammont stabbilit fl-Artikolu 7(1a) ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, wara l-konstatazzjoni tal-indisponibbiltà, mill-awtorità nazzjonali kompetenti, tad-depożiti miżmuma mill-istituzzjoni ta’ kreditu kkonċernata, b’tali mod, skont il-punt 3(i) tal-Artikolu 1 ta’din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, li l-Artikolu 7(6) tal-istess direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, ma jistax jifforma l-bażi, għall-benefiċċju tal-imsemmi depożitant, ta’ dritt għal kumpens tad-dannu kkawżat mill-ħlas lura tardiv tal-ammont iggarantit tad-depożiti kollha tiegħu jew minn sorveljanza ineffettiva min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fir-rigward tal-istituzzjoni ta’ kreditu li d-depożiti fiha saru indisponibbli.

2)

Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1, tal-Artikolu 7(6) u tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew klawżola kuntrattwali li permezz tagħha depożitu ma’ istituzzjoni ta’ kreditu li l-ħlasijiet tiegħu jkunu ġew sospiżi jsir pagabbli biss wara r-revoka, mill-awtorità kompetenti, tal-awtorizzazzjoni bankarja maħruġa lil din l-istituzzjoni u bil-kundizzjoni li d-depożitant ikun talab espressament il-ħlas lura ta’ dan id-depożitu. Skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, kull qorti nazzjonali adita b’rikors għal kumpens għad-dannu allegatament ikkawżat mill-ħlas lura tal-ammont iggarantit ta’ tali depożitu lil hinn mit-terminu previst fl-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, kif emendata bid-Direttiva 2009/14, hija obbligata twarrab din il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew din il-klawżola kuntrattwali, sabiex tiddeċiedi dan ir-rikors.

3)

L-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE, moqri fid-dawl tal-premessa 27 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni rakkomandazzjoni tal-Awtorità Bankarja Ewropea adottata abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, bil-għan li taqta’ t-tilwima mressqa quddiemha, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors intiż li jistabbilixxi r-responsabbiltà ta’ Stat Membru għal danni kkawżati lil individwu minħabba n-nuqqas ta’ applikazzjoni jew l-applikazzjoni żbaljata jew l-applikazzjoni insuffiċjenti tad-dritt tal-Unjoni fl-oriġini tal-proċedura ta’ investigazzjoni li tkun wasslet għall-adozzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni. L-individwi leżi mill-ksur tad-dritt tal-Unjoni kkonstatat minn tali rakkomandazzjoni, anki jekk ma jkunux id-destinatarji tagħha, għandhom ikunu jistgħu jibbażaw ruħhom fuq din ir-rakkomandazzjoni sabiex tiġi kkonstatata, quddiem il-qrati nazzjonali kompetenti, ir-responsabbiltà tal-Istat Membru kkonċernat minħabba l-imsemmi ksur tad-dritt tal-Unjoni.

Ir-Rakkomandazzjoni EBA/REC/2014/02 tal-Awtorità Bankarja Ewropea tas-17 ta’ Ottubru 2014, indirizzata lill-Balgarska Narodna Banka (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) u lill-Fond za garantirane na vlogovete v bankite (Fond ta’ garanzija għal depożiti bankarji), fuq il-miżuri neċessarji sabiex jikkonformaw ruħhom mad-Direttiva 94/19/KE, hija invalida, sa fejn hija assimilat id-deċiżjoni tal-Balgarska Narodna Banka (il-Bank Nazzjonali Bulgaru) li jqiegħed il-Korporativna Targovska Banka AD taħt sorveljanza speċjali u li jissospendi l-obbligi tiegħu għal konstatazzjoni tal-indisponibbiltà tad-depożiti, fis-sens tal-punt 3(i) tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 94/19, kif emendata bid-Direttiva 2009/14.

4)

Is-seba’ inċiż tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ April 2001 fuq ir-riorganizzazzjoni u l-istralċ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, moqri fid-dawl tal-Artikolu 17(1) u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li miżura ta’ sospensjoni tal-pagamenti applikata minn bank ċentrali nazzjonali għal istituzzjoni ta’ kreditu, bħala miżura ta’ ristrutturazzjoni intiża sabiex tippreżerva jew li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ din l-istituzzjoni, tikkostitwixxi ndħil inġustifikat u sproporzjonat fl-eżerċizzju tad-dritt tal-proprjetà ta’ depożitanti mal-imsemmija istituzzjoni jekk hija ma tosservax il-kontenut essenzjali ta’ dan id-dritt u jekk, fid-dawl tar-riskju imminenti ta’ telf finanzjarju li għalih id-depożitanti jkunu ġew esposti f’każ ta’ falliment tagħha, miżuri oħra inqas vinkolanti kienu jippermettu li jintlaħqu l-istess riżultati, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.

5)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-Istati Membri għad-danni kkawżati lill-individwi minħabba l-ksur tad-dritt tal-Unjoni, kif ukoll il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għall-annullament minn qabel tal-att amministrattiv jew tal-ommissjoni amministrattiva li tikkawża d-dannu, sakemm dan l-annullament, anki jekk ikun meħtieġ għal talbiet simili bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali, ma jkunx, fil-prattika, eskluż jew limitat ħafna;

jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għall-kundizzjoni bbażata fuq in-natura intenzjonali tad-dannu kkawżat mill-awtorità nazzjonali inkwistjoni;

ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta d-dritt tal-individwi li jiksbu kumpens għad-dannu subit minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni għall-kundizzjoni li jipproduċu l-prova ta’ dannu reali u ċert fil-mument tal-preżentata tar-rikors, bil-kundizzjoni li din il-kundizzjoni, minn naħa, ma tkunx inqas favorevoli minn dawk applikabbli għat-talbiet simili bbażati fuq ksur tad-dritt nazzjonali u, min-naħa l-oħra, ma tkunx strutturata b’mod li tirrendi impossibbli jew eċċessivament diffiċli, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-każijiet konkreti, l-eżerċizzju ta’ tali dritt.

6)

Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jobbligawx lil qorti adita b’rikors għal kumpens formalment ibbażat fuq dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali dwar ir-responsabbiltà tal-Istat għal danni li jirriżultaw minn attività amministrattiva, iżda li insostenn tagħha jiġu invokati motivi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni bħala konsegwenza ta’ tali attività, li tikklassifika ex officio dan ir-rikors bħala li huwa bbażat fuq l-Artikolu 4(3) TUE, sakemm din il-qorti ma hijiex imwaqqfa, mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli, milli teżamina l-motivi bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni invokati insostenn ta’ dan ir-rikors.


(1)  ĠU C 364, 08.10.2018.