2.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 68/9


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) tad-19 ta’ Diċembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato - l-Italja) – Arriva Italia Srl, Ferrotramviairia SpA, Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi (CO.TRA.P) vs Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti

(Kawża C-385/18) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Għajnuna mill-Istat - Kunċett - Impriża pubblika ferrovjarja f’diffikultà - Miżuri ta’ għajnuna - Għoti ta’ għajnuna finanzjarja - Għan - Tkomplija tal-attivitajiet tal-impriża pubblika ferrovjarja - Għoti u parteċipazzjoni fil-kapital ta’ din l-impriża pubblika - Trasferiment fil-kapital ta’ impriża pubblika oħra - Kriterju ta’ investitur privat - Obbligu ta’ notifika preliminari tal-għajnuna ġdida)

(2020/C 68/05)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Consiglio di Stato

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Arriva Italia Srl, Ferrotramviairia SpA, Consorzio Trasporti Aziende Pugliesi (CO.TRA.P)

Konvenut: Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti

fil-preżenza ta’: Ferrovie dello Stato Italiane SpA, Gestione Commissariale per Le Ferrovie del Sud Est e Servizi Automobilistici Srl a socio unico, Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 107 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, taħt riżerva tal-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, kemm l-għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika li tkun tinsab f’kundizzjonijiet finanzjarji serji kif ukoll it-trasferiment tal-holding kollu miżmum minn Stat Membru fil-kapital ta’ din l-impriża lil impriża pubblika oħra, mingħajr korrispettiv, iżda bl-obbligu ta’ din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali tal-ewwel impriża, jistgħu jiġu kkwalifikati bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 107 TFUE.

2)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, peress li tali miżuri, bħall-għoti ta’ somma ta’ flus lil impriża pubblika li tkun tinsab f’diffikultajiet finanzjarji serji jew it-trasferiment tal-holding kollu miżmum minn Stat Membru fil-kapital ta’ din l-impriża lil impriża pubblika oħra, mingħajr kontroparti, iżda bl-obbligu għal din tal-aħħar li tirrimedja għall-iżbilanċ patrimonjali tal-ewwel waħda, huma kkwalifikati bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107 TFUE, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiġbed il-konsegwenzi kollha li jirriżultaw mill-fatt li din l-għajnuna ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni Ewropea, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 108(3) TFUE u għandhom għalhekk jiġu kkunsidrati bħala illegali.


(1)  ĠU C 294, 20.8.2018