23.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 432/8 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Novembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale ordinario di Roma - l-Italja) – Adriano Guaitoli et vs easyJet Airline Co. Ltd
(Kawża C-213/18) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali - Regolament (UE) Nru 1215/2012 - Artikolu 7(1)(a) - Qorti li għandha ġurisdizzjoni f’materji kuntrattwali - Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet - Regolament (KE) Nru 261/2004 - Artikoli 5, 7, 9 u 12 - Konvenzjoni ta’ Montréal - Ġurisdizzjoni - Artikoli 19 u 33 - Talba għal kumpens u kumpens għad-dannu li jirriżulta mill-kanċellazzjoni u mid-dewmien ta’ titjiriet)
(2019/C 432/08)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale ordinario di Roma
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Adriano Guaitoli, Concepción Casan Rodriguez, Alessandro Celano Tomassoni, Antonia Cirilli, Lucia Cortini, Mario Giuli, Patrizia Padroni
Konvenut: easyJet Airline Co. Ltd
Dispożittiv
1) |
Il-punt 1 tal-Artikolu 7, l-Artikolu 67 u l-Artikolu 71(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, kif ukoll l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li quddiemha titressaq azzjoni intiża sabiex jinkisbu, fl-istess waqt, ir-rispett tad-drittijiet fil-forma ta’ somma f’daqqa u uniformi previsti mir-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, u l-kumpens għal dannu komplementari li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni għandha tevalwa l-ġurisdizzjoni tagħha, għall-ewwel kap tat-talba, fir-rigward tal-punt 1 tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1215/2012 u, għat-tieni kap tat-talba, fir-rigward tal-Artikolu 33 ta’ din il-konvenzjoni. |
2) |
L-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni għall-Unifikazzjoni ta’ Ċerti Regoli għat-Trasport Internazzjonali bl-Ajru, konkluża f’Montréal fit-28 ta’ Mejju 1999, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola, għall-finijiet tal-kawżi għal kumpens għal dannu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-konvenzjoni, mhux biss it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn l-Istati partijiet tagħha, iżda wkoll it-tqassim tal-ġurisdizzjoni territorjali bejn il-qrati ta’ kull wieħed minn dawn l-Istati. |