|
13.1.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 10/5 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Tal-Ħames Awla) tas-7 ta’ Novembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest, ir-Rumanija) – SC Petrotel-Lukoil SA vs Agenția Națională de Administrare Fiscală - Direcția Generală de Administrare a Marilor Contribuabili, Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală de Soluționare a Contestațiilor
(Kawża C-68/18) (1)
(“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u fuq l-elettriku - Direttiva 2003/96/KE - Artikolu 21(3) - Assenza ta’ fatt taxxabbli - Konsum ta’ prodotti enerġetiċi ġewwa stabbiliment li jipproduċi tali prodotti - Artikolu 2(3) - Obbligu li tinkiseb il-klassifikazzjoni ta’ prodotti enerġetiċi għall-finijiet tal-iffissar ta’ dazji tas-sisa - Rata ta’ taxxa applikabbli għal dawn il-prodotti - Prinċipju ta’ proporzjonalità)
(2020/C 10/06)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Il-Qorti tal-Appell ta’ Bukarest
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: SC Petrotel-Lukoil SA
Konvenuti: Agenția Națională de Administrare Fiscală - Direcția Generală de Administrare a Marilor Contribuabili, Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală de Soluționare a Contestațiilor
Dispożittiv
|
1) |
L-Artikolu 21(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti enerġetiċi u elettriku għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu t-tassazzjoni ta’ prodotti enerġetiċi kkunsmati fiċ-ċentrali termoelettrika tal-istabbiliment fejn dawn ġew immanifatturati sakemm dan il-konsum huwa intiż li jipproduċi prodotti enerġetiċi filwaqt li jiġġenera l-enerġija termika meħtieġa għall-proċess teknoloġiku tal-manifattura tal-imsemmija prodotti. |
|
2) |
Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2003/96 kif ukoll il-prinċipju ta’ proporzjonalità għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu, fin-nuqqas ta’ tressiq ta’ talba quddiem l-awtoritajiet fiskali kompetenti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni fir-rigward tad-dazji tas-sisa ta’ prodotti enerġetiċi, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-livell ta’ tassazzjoni tagħhom ma ġiex iffissat minn din id-direttiva, l-applikazzjoni tar-rata tad-dazji tas-sisa prevista għad-diżil u ż-żamma ta’ din ir-rata, anki jekk tkun inkisbet sussegwentement deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni li permezz tagħha dawn il-prodotti jiġu assimilati maż-żejt għall-magni. |