29.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 255/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Mejju 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Amtsgericht Norderstedt — il-Ġermanja) — Christian Fülla vs Toolport GmbH

(Kawża C-52/18) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 1999/44/KE - Nuqqas ta’ konformità tal-oġġett ikkunsinnat - Artikolu 3 - Dritt tal-konsumatur li l-oġġett jinġieb f’konformità mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv - Determinazzjoni tal-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed l-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex dan l-oġġett jinġieb f’konformità - Kunċett ta’ oġġett miġjub f’konformità “mingħajr ħlas” - Dritt tal-konsumatur li jħassar il-kuntratt)

(2019/C 255/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Amtsgericht Norderstedt

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Christian Fülla

Konvenuta: Toolport GmbH

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri għadhom kompetenti sabiex jistabbilixxu l-post fejn il-konsumatur huwa meħtieġ iqiegħed oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ, sabiex jinġieb f’konformità b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Dan il-post għandu jkun adegwat sabiex jiġi żgurat li l-oġġett jinġieb f’konformità mingħajr ħlas, fi żmien raġonevoli u mingħajr inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur, fid-dawl tan-natura tal-oġġett u tal-użu mixtieq mill-konsumatur. F’dan ir-rigward, il-qorti nazzjonali għandha tagħti interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 1999/44, inkluż, jekk ikun il-każ, billi tibdel ġurisprudenza stabbilita jekk din tkun ibbażata fuq interpretazzjoni tad-dritt nazzjonali li tkun inkompatibbli mal-għanijiet ta’ din id-direttiva.

2)

L-Artikolu 3(2) sa (4) tad-Direttiva 1999/44 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt tal-konsumatur li oġġett, mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod, jinġieb f’konformità “mingħajr ħlas”, ma jkoprix l-obbligu tal-bejjiegħ li jħallas bil-quddiem l-ispejjeż tat-trasport ta’ dan l-oġġett, sabiex jinġieb f’konformità, lejn is-sede kummerċjali ta’ dan il-bejjiegħ, sakemm il-fatt li dan il-konsumatur iħallas bil-quddiem dawn l-ispejjeż ma jkunx jikkostitwixxi piż ta’ natura li jiddiswadih milli jinvoka d-drittijiet tiegħu, punt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

3)

Id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 3(3) u tat-tieni inċiż tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 1999/44 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-konsumatur li jkun informa lill-bejjiegħ dwar in-nuqqas ta’ konformità tal-oġġett mixtri abbażi ta’ kuntratt mill-bogħod li t-trasport tiegħu lejn is-sede kummerċjali tal-bejjiegħ jista’ jippreżenta inkonvenjent sinjifikattiv għall-konsumatur u li jkun qiegħed dan l-oġġett għad-dispożizzjoni tal-bejjiegħ fir-residenza tiegħu sabiex jinġieb f’konformità, għandu dritt għat-tħassir tal-kuntratt minħabba nuqqas ta’ rimedju fi żmien raġonevoli fil-każ li l-bejjiegħ ma jkun ħa ebda miżura adegwata sabiex iġib l-imsemmi oġġett f’konformità, inkluż il-miżura li jinforma lill-konsumatur dwar il-post fejn dan l-istess oġġett għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jinġieb f’konformità. F’dan id-dawl, il-qorti nazzjonali għandha, permezz ta’ interpretazzjoni konformi mad-Direttiva 1999/44, tiżgura d-dritt ta’ dan il-konsumatur għat-tħassir tal-kuntratt.


(1)  ĠU C 152, 30.4.2018.