25.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/8


Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 ta’ Settembru 2019 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Fővárosi Ítélőtábla - l-Ungerija) – Ottília Lovasné Tóth vs ERSTE Bank Hungary Zrt

(Kawża C-34/18) (1)

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi - Artikolu 3(1) u (3) - Anness tad-Direttiva 93/13/KEE - Punt 1(m) u (q) - Kuntratt ta’ self ipotekarju - Att notarili - Inklużjoni tal-ordni għal infurzar minn nutar - Inverżjoni tal-oneru tal-prova - Artikolu 5(1) - Tfassil ċar u komprensibbli)

(2019/C 399/08)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Ítélőtábla

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ottília Lovasné Tóth

Konvenuta: ERSTE Bank Hungary Zrt

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jikklassifikax bħala inġusta, b’mod ġenerali u mingħajr eżami addizzjonali, klawżola kuntrattwali li ma tkunx ġiet innegozjata b’mod individwali u li għandha bħala effett jew bħala skop li taqleb l-oneru tal-prova għad-detriment tal-konsumatur.

2)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(q) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li huwa ma jirreferix għal klawżola li għandha bħala skop jew bħala effett li tħalli lill-konsumatur jippreżumi b’mod leġittimu li huwa marbut li jeżegwixxi l-obbligi kuntrattwali kollha tiegħu, anki jekk huwa jqis li ċerti prestazzjonijiet ma humiex dovuti, ladarba din il-klawżola ma tibdilx il-pożizzjoni ġuridika tal-konsumatur fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli u, min-naħa l-oħra, li huwa jirreferi għal klawżola li għandha bħala skop jew bħala effett li tostakola, għall-konsumatur, it-teħid ta’ azzjoni legali jew l-eżerċizzju ta’ rimedji ġudizzjarji, meta l-ammont li jkun għadu dovut jiġi stabbilit permezz ta’ att notarili li għandu s-saħħa probatorja, li jippermetti lill-kreditur itemm it-tilwima b’mod unilaterali u definittiv.

3)

L-Artikolu 5 tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jeżiġix li l-kummerċjant jipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward klawżola li hija mfassla b’mod ċar iżda li l-effetti legali tagħha jistgħu jiġu stabbiliti biss permezz ta’ interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li ma humiex is-suġġett ta’ interpretazzjoni uniformi.

4)

L-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 93/13, moqri flimkien mal-punt 1(m) tal-anness ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jirreferix għal klawżola kuntrattwali li tawtorizza lill-kummerċjant jevalwa b’mod unilaterali jekk il-prestazzjoni li għandha ssir mill-konsumatur ġietx eżegwita b’mod konformi mal-kuntratt.


(1)  ĠU C 240, 9.7.2018.