DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

11 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem – Direttiva 2001/83/KE – Sospensjoni ta’ awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ kuntrast li fihom il-gadolinium għall-użu mill-bniedem – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ urġenza”

Fil-Kawża T‑783/17 R,

GE Healthcare A/S, stabbilita f’Oslo (in-Norveġja), irrappreżentata minn D. Scannell, barrister, G. Castle u S. Oryszczuk, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Mifsud-Bonnici u A. Sipos, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE u intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 7941 finali, tat-23 ta’ Novembru 2017, li tikkonċerna, fil-kuntest tal-Artikolu 31 tad-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament u tal-Kunsill, l-awtorizzazzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti ta’ kuntrast li fihom il-gadolinium għall-użu mill-bniedem li fihom waħda jew iktar mis-sustanzi attivi gadobenic acid, gadobutrol, gadodiamide, gadopentetic acid, gadoteric acid, gadoteridol, gadoversetamide u gadoxetic acid,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet ( 1 )

[omissis]

Id-dritt

[omissis]

Fuq l-urġenza

22

Sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżuri provviżorji mitluba humiex urġenti, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-qorti tal-Unjoni. Sabiex jintlaħaq dan il-għan, l-urġenza għandha, b’mod ġenerali, tiġi evalwata fid-dawl tan-neċessità li tingħata deċiżjoni provviżorja sabiex jiġi evitat li jkun hemm dannu gravi u irreparabbli kkawżat lill-parti li titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna t-tmiem tal-proċedura dwar il-rikors fuq il-mertu mingħajr ma ssofri dannu gravi u irreparabbli (ara d-digriet tal-14 ta’ Jannar 2016, AGC Glass Europe et vs Il-Kummissjoni, C‑517/15 P-R, EU:C:2016:21, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ikun hemm biss urġenza jekk id-dannu gravi u irreparabbli li tissuspetta l-parti li titlob il-miżuri provviżorji jkun tant imminenti li t-twettiq tiegħu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti. Din il-parti tibqa’, fi kwalunkwe każ, obbligata tipprova l-fatti li huma meqjusa li juru l-probabbiltà ta’ tali dannu, bil-premessa li dannu ta’ natura purament ipotetika, peress li huwa bbażat fuq is-seħħ ta’ avvenimenti futuri u inċerti, ma jistax jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri provviżorji (ara d-digriet tas-16 ta’ Frar 2017, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑624/16 R, mhux ippubblikat, EU:T:2017:94, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet għal miżuri provviżorji “għandhom jinkludu l-provi u l-provi proposti kollha li jkunu disponibbli u li jkunu intiżi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji”.

25

B’hekk, talba għal miżuri provviżorji għandha, fiha nfisha, tippermetti lill-parti konvenuta tipprepara l-osservazzjonijiet tagħha u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi fuq it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tagħha, filwaqt li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom din hija bbażata għandhom jirriżultaw mit-test innifsu tat-talba (ara d-digriet tas-6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni, C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li, sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-punti 22, 23 u 25 iktar ’il fuq humiex issodisfatti, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jiddisponi minn provi konkreti u preċiżi, sostnuti minn dokumenti ddettaljati u awtentikati, li juru s-sitwazzjoni li tinsab fiha l-parti li qed titlob il-miżuri provviżorji, u li jippermettu li jiġu evalwati l-konsegwenzi li probabbilment jirriżultaw mill-assenza tal-miżuri mitluba. Għaldaqstant l-imsemmija parti, b’mod partikolari meta tinvoka l-okkorrenza ta’ dannu ta’ natura finanzjarja, għandha tipproduċi, bis-sostenn ta’ dokumenti, stampa fidila u ġenerali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha (ara d-digriet tad-29 ta’ Frar 2016, ICA Laboratories et vs Il-Kummissjoni, T‑732/15 R, mhux ippubblikat, EU:T:2016:129, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Finalment, għalkemm it-talba għal miżuri provviżorji tista’ tkun issupplimentata fuq punti speċifiċi permezz ta’ riferimenti għal dokumenti annessi magħha, dawn ma jistgħux jikkumpensaw in-nuqqas tal-elementi essenzjali fl-imsemmija talba. Ma huwiex l-obbligu tal-Imħallef għal miżuri provviżorji li jfittex, minflok il-parti kkonċernata, l-elementi li jinsabu fl-annessi tat-talba għal miżuri provviżorji, fir-rikors ippreżentat fil-kawża prinċipali jew fl-annessi ta’ din tal-aħħar li huma ta’ natura li jikkorroboraw it-talba għal miżuri provviżorji. L-għoti ta’ tali obbligu lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jkun barra minn hekk ta’ natura li jċaħħad l-effett tal-Artikolu 156(5) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li t-talba għal miżuri provviżorji għandha titressaq permezz ta’ att separat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Ġunju 2014, Wilders vs Il-Parlament et, T‑410/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:564, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti rnexxilhiex tipprova l-urġenza.

Fuq in-natura gravi tad-dannu

22

Bħala prova tal-gravità tad-dannu allegat, ir-rikorrenti tressaq, essenzjalment, minn naħa, it-telf inevitabbli tal-ishma tagħha fis-suq attwalment miżmuma fis-suq tal-AK bil-Gd fl-Istati Membri kkonċernati u, min-naħa l-oħra, il-preġudizzju għar-reputazzjoni tagħha.

23

Fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna l-gravità tad-dannu kkawżat mit-telf tas-sehem mis-suq, ir-rikorrenti tindika li, fl-2016, is-sehem tas-suq tagħha tal-AK bil-Gd u ta’ aġenti ta’ kuntrast għall-X-ray kienu rispettivament ta’ madwar 8.2 % u 36.8 %. Ir-rikorrenti tindika li l-kompetituri ta’ GE Healthcare qegħdin jippreparaw biex jieħdu sehem mis-suq li ma kinux jistgħu jiksbu fin-nuqqas tad-deċiżjoni kkontestata.

24

F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li d-dannu allegat huwa ta’ natura purament finanzjarja. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li s-sehem mis-suq ta’ impriża juri biss il-perċentwali tal-prodotti kollha preżenti fis-suq inkwistjoni li nbiegħu minn din l-impriża lill-klijenti matul perjodu ta’ riferenza partikolari. Konsegwentement, it-telf ta’ dan is-sehem mis-suq jikkonsisti fit-telf tad-dħul li jista’ jirriżulta fil-futur mill-bejgħ tal-prodott inkwistjoni. Għalhekk, sehem mis-suq jinftiehem, evidentement, f’termini finanzjarji, fejn id-detentur tiegħu ma jistax jibbenefika minnu ħlief sa fejn dan irendilu dħul (ara d-digriet tat-30 ta’ April 2010, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T‑71/10 R, mhux ippubblikat, EU:T:2010:173, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Fir-rigward tal-gravità tad-dannu finanzjarju invokat, hija ġurisprudenza stabbilita sew li l-miżura provviżorja mitluba tkun iġġustifikata biss jekk ikun jidher li, fl-assenza ta’ tali miżura, il-parti li titlobha ssib ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-periklu l-eżistenza tagħha qabel l-intervent tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura prinċipali (ara d-digriet tat-30 ta’ April 2010, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T‑71/10 R, mhux ippubblikat, EU:T:2010:173, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

F’dan il-każ, ir-rikorrenti tindika espressament li hija ma ssostnix li d-dannu li tista’ ssofri jipperikola l-eżistenza tagħha jew dik ta’ kumpannija relatata. Min-naħa l-oħra, din tallega li dan id-dannu jkun gravi fid-dawl tan-natura irreversibbli tat-telf tas-sehem tagħha mis-suq tal-AK bil-Gd f’kull wieħed mill-Istati Membri u mill-pajjiżi taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fejn l-omniscan jibbenefika minn ATS minħabba l-eżistenza ta’ ostakli strutturali u legali li jimpedixxu r-ritorn fis-suq tal-prodott tagħha.

27

Issa, għalkemm, fil-ġurisprudenza, ittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li, fin-nuqqas tal-miżura provviżorja mitluba, l-ishma tas-suq tal-parti li qed titlob il-miżura msemmija kienu ser jinbidlu b’mod irrimedjabbli, għandu jiġi ppreċiżat li dan il-każ jista’ biss jitqiegħed fuq bażi ugwali ma’ dak tar-riskju tal-għejbien tas-suq, u jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba, jekk il-modifika irrimedjabbli tal-ishma tas-suq tkun ukoll ta’ natura serja. Għalhekk ma huwiex biżżejjed li sehem mis-suq jirriskja li jiġi irrimedjabbilment mitluf minn impriża, iżda jeħtieġ li dan is-sehem mis-suq ikun suffiċjentement sinjifikanti fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs ta’ din l-impriża, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-grupp li din tappartjeni għalih permezz tax-shareholding tagħha (ara d-digriet tat-30 ta’ April 2010, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T‑71/10 R, mhux ippubblikat, EU:T:2010:173, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

F’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrenti tipprovdi ċertu numru ta’ indikazzjonijiet dwar l-importanza finanzjarja tal-attività tagħha relattiva għall-omniscan — ir-rikorrenti tindika li, għas-sena 2016, id-dħul mill-bejgħ iġġenerat mill-bejgħ tal-omniscan ammonta għal 80 miljun dollaru Amerikan (USD), u li d-dħul mill-bejgħ totali tal-omniscan u s-swieq relatati tiegħu ammonta għal USD 968 miljun, li jippermetti marġni gross ta’ USD 662 miljun —, madankollu, din ma tispeċifikax l-importanza ta’ din l-attività fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ globali tagħha. Barra minn hekk, ebda informazzjoni preċiża ma ngħatat fir-rigward tad-daqs tal-impriża tagħha jew inkella tal-istruttura tal-grupp tagħha u mal-karatteristiċi ta’ dan tal-aħħar. Issa, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba, il-Kummissjoni tindika li, għas-sena 2016, id-dħul fl-Unjoni dovuti għal l-omniscan kienu inferjuri għal 0.1 % tad-dħul mill-bejgħ tal-grupp GE, li kien jammonta għal madwar USD 124 biljun.

29

Dan in-nuqqas ta’ informazzjoni huwa, barra minn hekk, rikonoxxut u assunt mir-rikorrenti li tqis li ma jkunx wisq utli li tipproduċi dokumenti ta’ kontabbiltà dettaljati li juru d-dħul mill-bejgħ u l-profittabbiltà tal-impriżi marbutin magħha, ladarba huwa ċar li tali dokumenti juru ċifri tajbin taħt kull intestatura.

30

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 25 sa 27 iktar ’il fuq, huwa r-rikorrent li għandu jpoġġi lill-konvenut u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji f’pożizzjoni li jevalwaw il-gravità tad-dannu tagħha billi jipprovdilhom indikazzjonijiet konkreti u preċiżi. Issa, dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża.

31

B’hekk, ir-rikorrenti ma tipprovdix provi ta’ natura li jippermettu li tiġi evalwata l-gravità tad-dannu allegat minħabba t-telf tal-ishma tas-suq tagħha attwalment miżmuma fis-suq tal-AK bil-Gd fl-Istati Membri kkonċernati.

32

Kif tenfasizza r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tagħha tas-16 ta’ Jannar 2018, għandu madankollu jiġi osservat li ġie aċċettat, fid-digriet tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni (T‑95/09 R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:124, punt 69), li, fl-evalwazzjoni tal-gravità tad-dannu, l-Imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax sempliċement jirreferi, b’mod mekkaniku u riġidu, biss għad-dħul mill-bejgħ rilevanti, iżda għandu wkoll jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ u li jpoġġihom f’relazzjoni, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu, mal-ħsara kkawżata f’termini ta’ dħul mill-bejgħ.

[omissis]

49

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li, għalkemm huwa minnu li r-rikorrenti tindika, fl-osservazzjonijiet tagħha tas-16 ta’ Jannar 2018, li, wara l-introduzzjoni tat-talba għal miżuri provviżorji, l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Malasja u l-Emirati Għarab Magħquda ħadu miżuri ta’ sospensjoni tal-awtorizzazzjonijiet tal-omniscan fil-ġurisdizzjoni tagħhom, madankollu, hija ma ġġib l-ebda prova insostenn tal-affermazzjoni tagħha li dawn il-miżuri ttieħdu “biex jirriflettu d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni”. Barra minn hekk, anki jekk din l-allegazzjoni tkun tirriżulta fondata, dan ma jpoġġix indiskussjoni l-fatt li dawn id-deċiżjonijiet ġew adottati minn korpi indipendenti (ara l-punt 46 iktar ’il fuq) u li hija r-rikorrenti li għandha eventwalment tippreżenta r-rikorsi xierqa f’dawn is-sistemi legali sabiex tikkontesta l-legalità tagħhom.

50

Għalhekk, il-konsegwenzi previsti mir-rikorrenti fuq l-attività tagħha marbuta mal-omniscan barra mill-Unjoni ma jikkostitwixxux ċirkustanza partikolari li tippermetti li jiġi konkluż li d-dannu huwa gravi.

51

It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, is-sospensjoni tal-ATS tal-omniscan ma jippermettix iktar lil GE Healthcare li toffri firxa sħiħa ta’ prodotti ta’ kuntrast, liema ħaġa b’hekk twassal biex għadd kbir ta’ sptarijiet u fornituri oħra ta’ servizzi ta’ kura jaqilbu għal fornituri oħra għall-prodotti li ma humiex AK bil-Gd ta’ GE Healthcare. F’dan ir-rigward, din iżżid li hija ser tkun eskluża mill-proċeduri ta’ sejħa għal offerti mnedija mill-isptarijiet u mill-istituzzjonijiet pubbliċi l-oħra għall-provvista tal-prodotti kollha ta’ kuntrast peress li numru kbir minn dawn il-proċeduri jeżigu li l-offerenti jipprovdu sensiela kompluta ta’ prodotti ta’ kuntrast. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza l-fatt li, billi hija attwalment parti għal numru kbir ta’ kuntratti pluriennali konklużi ma’ gruppi ewlenin li jipprovdu servizzi dijanjostiċi f’għadd kbir ta’ Stati Membri u ta’ pajjiżi terzi u li normalment jirrigwardaw il-fornitura ta’ firxiet sħaħ ta’ prodotti ta’ immaġni, din ikollha tikseb provvisti, bi spejjeż addizzjonali għaliha u għall-fornituri tal-kura tas-saħħa kkonċernati, mingħand il-kompetituri tagħha biex tissostitwixxi l-AK bil-Gd tagħha stess sabiex tkun tista’ tonora l-kuntratti msemmija.

52

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-ġurisprudenza msemmija fil-punti 23 sa 26 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ppreżentatx lill-Imħallef għal miżuri provviżorji l-elementi essenzjali li jippermettulu jeżamina l-gravità tal-effetti allegati fir-rigward tal-obbligi kuntrattwali imposti fuqha u l-ispejjeż li jirriżultaw min-neċessità li l-omniscan jiġi ssostitwit f’dan il-kuntest. Ir-rikorrenti tillimita ruħha, f’dan ir-rigward, għal affermazzjonijiet ġenerali, mingħajr ma tippreċiża, pereżempju, l-importanza tal-kuntratti inkwistjoni fir-rigward tal-attività kollha tagħha, l-istima tal-ispejjeż dovuti għas-sostituzzjoni tal-prodott ipprojbit jew is-sanzjoni mġarrba minħabba l-possibbli nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-imsemmija kuntratti.

53

Sussegwentement, jekk in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar l-ispejjeż ta’ sostituzzjoni maħluqa mill-obbligi kuntrattwali msemmija mir-rikorrenti ma jippermettix evalwazzjoni tal-aggravament tad-dannu allegat, l-eżistenza tal-kuntratti inkwistjoni madankollu tippermetti li jiġi dedott li, sa ċertu punt, ir-rikorrenti għandha soluzzjoni biex jiġi mminimizzat id-daqs ta’ dan id-dannu u żżommu l-ishma tas-suq li din tibża’ li ser titlef fis-swieq tal-prodotti relatati fl-Istati Membri kkonċernati u barra mill-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa notevoli li l-kuntratti inkwistjoni huma, kif tippreċiża r-rikorrenti, ta’ natura pluriennali u, għalhekk, jidhru li jiggarantulha, taħt piena ta’ eventwali responsabbiltà kuntrattwali tal-kontraenti tagħha, ċerta stabbiltà fir-rigward tal-pożizzjoni kompetittiva tagħha mal-klijenti tagħha. F’dan il-kuntest, jista’ jitfakkar li, fid-dawl tat-tul medju tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni fil-mertu fil-kawża preżenti probabbilment ser tittieħed fi żmien sentejn (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ Lulju 2017, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il-Kummissjoni, T‑130/17 R, EU:T:2017:541, punt 47). Konsegwentement, skont it-tul tal-kuntratti msemmija, ir-rikorrenti tkun potenzjalment stabbilita fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata qabel il-maturità tagħhom.

54

Finalment, mill-elementi tal-proċess jirriżulta li, mill-2017, ir-rikorrenti żżomm ATS fl-Unjoni ta’ AK bil-Gd ieħor, il-clariscan, li l-kummerċjalizzazzjoni tiegħu ma hijiex affettwata mid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża li l-clariscan ma huwiex sostitut eżatt tal-omniscan minħabba l-fatt li dan il-prodott mediċinali ġeneriku huwa disponibbli biss fi tlettax-il suq tal-Unjoni, li ma jistax jibbaża ruħu fuq il-profil ta’ sikurezza mtejjeb tal-omniscan u li ma jibbenefikax mill-indikazzjoni speċjalizzata tal-omniscan għall-immaġni ta’ perfużjoni mijokardijaka. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tenfasizza li minn naħa, la l-PRAC, u lanqas iċ-CHMP ma setgħu jikkonfermaw jew jiftiehmu li l-omniscan kellu profil ta’ sikurezza mtejjeb u, min-naħa l-oħra, xi kumitati xjentifiċi tal-EMA qiesu li, billi kien awtorizzat għal immaġnijiet tal-ġisem kollu, il-clariscan jista’ jintuża għal immaġnijiet ta’ perfużjoni mijokardijaka. Għalhekk, għalkemm jista’ jkun raġonevolment ammess, f’dan l-istadju, li l-clariscan mhux ser ikun jista’ jissostitwixxi kompletament lill-omniscan, madankollu, dan il-prodott mediċinali ġeneriku ser inaqqas l-intensità tal-iżvantaġġi li tibża minnhom ir-rikorrenti billi jippermettilha, sa ċertu punt, li tipparteċipa f’sejħiet għal offerti li jeħtieġu firxa sħiħa ta’ prodotti ta’ kuntrast.

55

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dan il-każ ma jippreżenta ebda ċirkustanza partikolari li, evalwata fid-dawl taċ-ċifri pprovduti mir-rikorrenti b’mod lakunari (ara l-punti 35 sa 38 iktar ’il fuq), għandha twassal lill-Imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jikkonkludi li d-dannu allegat huwa gravi minħabba t-telf tal-ishma tas-suq tagħha miżmuma fis-suq tal-AK bil-Gd.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

 

1)

It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

 

2)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Magħmul fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Lulju 2018.

Ir-Reġistratur

E. Coulon

Il-President

M. Jaeger


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Huma riprodotti biss il-punti tad-digriet preżenti li l-Qorti Ġenerali tikkunsidra utli l-pubblikazzjoni tagħhom.