Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

22 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2017/1496 – Nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil) – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ urġenza – Ibbilanċjar tal-interessi”

Fil-Kawża T‑719/17 R,

FMC Corp., stabbilita f’Philadelphia, Pennsylvania (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Waelbroeck, I. Antypas u A. Accarain, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Koleva, A. Lewis u I. Naglis, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandu bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE u intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1496 tat‑23 ta’ Awwissu 2017 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva DPX KE 459 (flupirsulfuron-metil), skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2017, L 218, p. 7),


IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet (1)

 

[omissis]

 Id-dritt

 

[omissis]

 Fuq l-urġenza

[omissis]

26      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ikun hemm urġenza biss jekk id-dannu gravi u irreparabbli ssusspettat mill-parti li tkun qegħda titlob il-miżuri provviżorji jkun tant imminenti li t-twettiq tiegħu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti. Din il-parti tibqa’, fi kwalunkwe każ, meħtieġa tipprova l-fatti li huma meqjusa li jipprovdu l-bażi tal-probabbiltà ta’ tali dannu, bil-premessa li dannu ta’ natura purament ipotetika, inkwantu huwa bbażat fuq is-seħħ ta’ avvenimenti futuri u inċerti, ma jistax jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri provviżorji (ara d-digriet tat‑23 ta’ Marzu 2017, Gollnisch vs Il‑Parlament, T‑624/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:243, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet għal miżuri provviżorji “għandhom jinkludu l-provi u l-provi proposti kollha li jkunu disponibbli u li jkunu intiżi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji”.

28      B’hekk, talba għal miżuri provviżorji għandha, fiha nfisha, tippermetti lill-konvenut jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi fuq din it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tagħha, peress li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom din hija bbażata għandhom jirriżultaw mit-test innifsu ta’ din it-talba (ara d-digriet tas‑6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑378/16 P-R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Skont ġurisprudenza stabbilita wkoll, sabiex ikun jista’ jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-punti 25, 26 u 28 iktar ’il fuq humiex issodisfatti, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu indikazzjonijiet konkreti u preċiżi, sostnuti minn provi dokumentali ddettaljati u ċċertifikati, li juru s-sitwazzjoni li fiha tinsab il-parti li qegħda titlob il-miżuri provviżorji u li jippermettu li jiġu evalwati l-konsegwenzi li probabbilment jirriżultaw mill-assenza tal-miżuri mitluba. Minn dan isegwi li l-imsemmija parti, b’mod partikolari meta hija tinvoka l-okkorrenza ta’ dannu ta’ natura finanzjarja, għandha tipproduċi, flimkien ma’ dokumenti ta’ sostenn, stampa preċiża u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tad‑29 ta’ Frar 2016, ICA Laboratories et vs Il‑Kummissjoni, T‑732/15 R, mhux ippubblikat, EU:T:2016:129, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Fl-aħħar nett, għalkemm it-talba għal miżuri provviżorji tista’ tkun issupplimentata, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal dokumenti annessi magħha, dawn tal-aħħar ma jistgħux jikkumpensaw għall-assenza ta’ informazzjoni essenzjali fl-imsemmija talba. Ma huwiex l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu jfittex, minflok il-parti kkonċernata, l-informazzjoni li tinsab fl-annessi tat-talba għal miżuri provviżorji, fir-rikors prinċipali jew fl-annessi tar-rikors prinċipali li hija ta’ natura li tikkorrabora t-talba għal miżuri provviżorji. Tali obbligu impost fuq l-Imħallef għal miżuri provviżorji jkun barra minn hekk ta’ natura li jirrendi bla effett l-Artikolu 156(5) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprevedi li t-talba relatata ma’ miżuri provviżorji għandha titressaq permezz ta’ att separat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal‑20 ta’ Ġunju 2014, Wilders vs Il‑Parlament et, T‑410/14 R, mhux ippubblikat, EU:T:2014:564, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti rnexxilhiex turi l-eżistenza ta’ dannu gravi u irreparabbli.

32      Ir-rikorrenti tallega li l-implimentazzjoni immedjata tar-regolament ikkontestat tista’ tikkawża dannu gravi u irreparabbli minħabba t-telf tal-partijiet tas-suq li hija għandha fis-suq Ewropew tal-erbiċidi għaċ-ċereali.

33      F’dan ir-rigward, hija tidher li tqis li hija tista’ ssofri dannu minħabba, minn naħa, it-telf tal-partijiet tas-suq li hija attwalment għandha fis-suq Ewropew tal-erbiċidi għaċ-ċereali u, min-naħa l-oħra, it-telf ta’ dawk li hija jkollha ladarba jinkisbu l-attivitajiet relatati mal-FPS.

 Fuq in-natura gravi tad-dannu allegat minħabba t-telf tal-partijiet tas-suq

[omissis]

59      Fir-raba’ u fl-aħħar lok, għandu jiġi enfasizzat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li ma jistax jiġi eskluż li dannu finanzjarju oġġettivament kunsiderevoli u li allegatament jirriżulta mill-obbligu li tiġi definittivament eżerċitata għażla kummerċjali importanti f’terminu inopportun, jista’ jitqies li huwa “gravi” jew saħansitra li l-gravità ta’ tali dannu tista’ titqies li hija evidenti, anki fl-assenza ta’ informazzjoni dwar id-daqs tal-impriża kkonċernata (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas‑7 ta’ Marzu 2013, EDF vs Il‑Kummissjoni, C‑551/12 P(R), EU:C:2013:157, punt 33)

60      Madankollu, din il-ġurisprudenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-qasam li fih ir-rikorrenti teżerċità l-attività tagħha. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest ta’ suq irregolat ħafna, bħal dak f’dan il-każ hekk kif tirrikonoxxi r-rikorrenti, u li jista’ jkun is-suġġett ta’ intervent rapidu mill-awtoritajiet kompetenti meta jkun hemm riskji għas-saħħa pubblika, għal raġunijiet li mhux dejjem ikunu prevedibbli, huma l-impriżi kkonċernati, ħlief fil-każ li jkollom ibatu huma stess id-dannu li jirriżulta minn dan l-intervent, li għandhom jipproteġu ruħhom kontra l-konsegwenzi ta’ dan l-intervent permezz ta’ politika adatta (ara d-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2016, ICA Laboratories et vs Il‑Kummissjoni, C‑170/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:462, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, l-iktar kmieni fis‑6 ta’ Novembru 2014, meta ngħataw il-konklużjonijiet tal-EFSA li jipproponu l-klassifikazzjoni tal-FPS fil-kategorija tal-prodotti karċinoġeniċi u reprotossiċi preżunti (C2 u R2) (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), jew, għall-inqas, fit‑18 ta’ Marzu 2015, meta l-Kummissjoni ppubblikat l-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni tagħha li jipproponi n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza, (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), DuPont kellha informazzjoni li abbażi tagħha kienet taqa’ taħt id-diliġenza tagħha li tieħu l-miżuri xierqa, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 60 iktar ’il fuq, sabiex tipproteġi ruħha kontra r-riskji regolatorji eventwali li jistgħu jinqalgħu fir-rigward tal-projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta-FPS. Dawn ir-riskji regolatorji ġew, barra minn hekk, ikkonfermati fil-pubblikazzjoni, min-naħa, mill-EFSA tal-verżjoni rriveduta tal-konklużjonijiet tagħha fit‑3 ta’ Ottubru 2016 u, min-naħa l-oħra, mill-Kummissjoni tal-verżjoni rriveduta tal-abbozz tar-rapport ta’ reviżjoni tagħha fit‑22 ta’ Diċembru 2016 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq).

62      Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha huma iktar u iktar rilevanti fiċ-ċirkustanzi speċifiċi relatati ma’ din il-kawża sa fejn huwa evidenti li din l-informazzjoni kollha kellha tkun is-suġġett ta’ eżami ddettaljat mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tranżazzjoni tagħha ta’ xiri tal-attivitajiet ta’ DuPont relatati mal-FPS.

63      Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda informazzjoni speċifika f’dan ir-rigward. Issa, ma huwiex l-Imħallef għal miżuri provviżorji li għandu jfittex, minflok il-parti kkonċernata, din l-informazzjoni, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 26 sa 30 iktar ’il fuq.

64      Għaldaqstant, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ din it-talba għal miżuri provviżorji, ma jistax jiġi konkluż li l-allegat telf tal-partijiet tas-suq fis-suq Ewropew tal-erbiċidi għaċ-ċereali jista’ jiġi kklassifikat bħala “dannu finanzjarju oġġettivament kunsiderevoli” fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 59 iktar’ il fuq.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit‑22 ta’ Ġunju 2018.

E. Coulon

 

M. Jaeger

Ir-Reġistratur

 

Il-President


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Qegħdin jiġu rriprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.