DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
6 ta’ Novembru 2018 ( *1 )
“Rikors għal annullament – ERCEA – Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni “Orizzont 2020” – Deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba għal reviżjoni ta’ evalwazzjoni tal-proposta ta’ riċerka – Azzjoni amministrattiva quddiem il-Kummissjoni – Ċaħda tal-azzjoni amministrattiva – Identifikazzjoni żbaljata tal-konvenut – Talba għal ordni – Inammissibbiltà manifesta”
Fil-Kawża T‑717/17,
Nicolae Chioreanu, residenti fi Oradea (ir-Rumanija), irrappreżentat minn D.‑ C. Rusu, avukat,
rikorrent,
vs
L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERCEA), irrappreżentata minn F. Sgritta u E. Chacón Mohedano, bħala aġenti,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett, l-ewwel nett, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tal-ERCEA, tat-23 ta’ Marzu 2017, li tiċħad it-talba għar-reviżjoni tal-evalwazzjoni tal-proposta ta’ riċerka Nru 741797-NIP, ERC-2016-ADG “New and Innovative Powertrain – NIP” u, min-naħa l-oħra, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 5190 final tas‑27 ta’ Lulju 2017 li tiċħad l-azzjoni amministrattiva mressqa mir-rikorrent skont l-Artikolu 22(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235), u, it-tieni nett, talba intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tordna lill-ERCEA li tirrevedi l-evalwazzjoni tal-proposta ta’ riċerka msemmija iktar ’il fuq,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),
komposta minn S. Gervasoni, President, K. Kowalik-Bańczyk (Relatur) u C. Mac Eochaidh, Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
Il-kuntest ġuridiku
|
1 |
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 58/2003 tad-19 ta’ Diċembru 2002 li jfassal l-istatut għall-aġenziji eżekuttivi li jridu jiġu fdati b’ċerti kompiti fit-tmexxija tal-programmi tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 235), jawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tistabbilixxi aġenziji eżekuttivi sabiex tiddelega lilhom parti jew l-implimentazzjoni kollha, f’isem il-Kummissjoni jew taħt ir-responsabbiltà tagħha, ta’ programm jew proġett tal-Unjoni Ewropea. |
|
2 |
Skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 58/2003, l-aġenziji eżekuttivi huma organi tal-Unjoni li għandhom rwol fis-servizz pubbliku; huma għandhom il-personalità ġuridika u jgawdu f’kull Stat Membru mill-kapaċità legali l-iktar estensiva rikonoxxuta lill-persuni ġuridiċi mil-liġijiet nazzjonali. |
|
3 |
Skont l-Artikolu 22(1) u (5) tar-Regolament Nru 58/2003, kull att ta’ aġenzija eżekuttiva li jikkawża ħsara lil terzi jista’ jiġi rriferit lill-Kummissjoni għall-istħarriġ tal-legalità tiegħu. Il-Kummissjoni tiddeċiedi dwar l-azzjoni amministrattiviva bil-miktub u timmotiva d-deċiżjoni tagħha, wara li tkun semgħet ir-raġunijiet invokati mill-persuna kkonċernata u mill-aġenzija eżekuttiva. Id-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-azzjoni amministrattiva tista’ tkun suġġetta għal rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
4 |
Skont l-Artikolu 6 tad-Deċiżoni tal-Kunsill tat-3 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE (ĠU 2013, L 347, p. 965), il-Kummissjoni stabbilixxiet, permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Diċembru 2013 (ĠU 2013, C 373, p. 23), Kunsill Ewropew tar-Riċerka (iktar ’il quddiem l-“ERC”). L-ERC huwa kkostitwit minn kunsill xjentifiku indipendenti u minn struttura ta’ implimentazzjoni speċifika. |
|
5 |
L-istruttura ta’ implimentazzjoni speċifika msemmija iktar ’il fuq ġiet stabbilita bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew għar-Riċerka u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2008/37/KE (ĠU 2013, L 346, p. 58). L-Aġenzija Eżekuttiva tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (l-ERCEA), identifikata bħala l-konvenuta f’din il-kawża, irċeviet mingħand il-Kummissjoni delega għat-twettiq tal-għan speċifiku tal-ERC fil-kuntest tal-“Orizzont 2020”, konformement mar-Regolament Nru 58/2003. Din id-delega hija mfassla mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 9428 final tal-20 ta’ Diċembru 2013 dwar delega lill-ERCEA fid-dawl tal-eżekuzzjoni ta’ kompiti marbuta mal-implimentazzjoni ta’ programmi tal-Unjoni fil-qasam ta’ riċerka tal-fruntieri tal-għarfien u li b’mod partikolari tinkludi l-eżekuzzjoni ta’ krediti mniżżla fil-baġit ġenerali tal-Unjoni. |
|
6 |
Ir-regoli ta’ parteċipazzjoni għas-sejħiet għal proposti organizzati, b’mod partikolari, mill-ERCEA, huma ddefiniti fir-Regolament (UE) Nru 1290/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi r-regoli għal parteċipazzjoni u disseminazzjoni f’“Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)” u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1906/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 81). Ir-Regolament Nru 1290/2013 jistabbilixxi, b’mod partikolari, fl-Artikolu 16 tiegħu, proċedura ta’ reviżjoni tal-evalwazzjoni għall-kandidati li jqisu li l-evalazzjoni tal-proposta tagħhom ma twettqitx konformement mal-proċeduri stabbiliti f’dan ir-regolament, fil-programm ta’ xogħol, fil-pjan ta’ xogħol jew fis-sejħa għal proposti korrispondenti. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, talba għal reviżjoni tal-evalwazzjoni għandha tiġi introdotta mill-kandidat ikkonċernat f’terminu ta’ tletin jum mid-data li fiha l-Kummissjoni jew l-organu ta’ finanzjament kompetenti jinforma lill-kandidat bir-riżultati tal-evalwazzjoni. Skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, il-Kummissjoni jew l-organu ta’ finanzjament kompetenti għandhom ikunu responsabbli mill-eżami tat-talba għal reviżjoni tal-evalwazzjoni. Dan l-eżami jirrigwarda unikament l-aspetti proċedurali tal-evalwazzjoni u mhux ir-rilevanza tal-proposta. L-artikolu inkwistjoni ma jistabbilixxix terminu preċiż li fih il-Kummissjoni jew l-organu ta’ finanzjament kompetenti għandhom jagħtu deċiżjoni dwar it-talba għal reviżjoni tal-evalwazzjoni u sempliċement jindika, fil-paragrafu 5 tiegħu, li dawn jieħdu d-deċiżjoni tagħhom mingħajr dewmien żejjed. Fl-aħħar nett, skont il-paragrafu 7 tal-istess artikolu, il-proċedura ta’ reviżjoni ma tipprekludix kwalunkwe azzjoni oħra li l-parteċipant jista’ jieħu konformement mad-dritt tal-Unjoni. |
Il-fatti li wasslu għall-kawża
|
7 |
Fil-25 ta’ Mejju 2016, l-ERCEA ppubblikat sejħa għal proposti relatata mas-sussidji għal riċerkaturi kkonfermati tal-ERC fil-kuntest tal-programm ta’ xogħol 2016 “Orizzont 2020” dwar l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-ERC. |
|
8 |
Fit-30 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrent, Nicolae Chioreanu, li jaġixxi f’isem l-Università ta’ Oradea (ir-Rumanija), ippreżenta proposta ta’ proġett Nru 741797 NIP – New and Innovative Powertrain – sabiex jikseb sussidju (iktar ’il quddiem il-“proposta Nru 741797-NIP”). |
|
9 |
L-evalwazzjoni tal-proposta Nru 741797-NIP ġiet mogħtija lil panel ta’ esperti li ddeċieda li din il-proposta ma ssodisfatx il-kriterji ta’ eċċellenza tal-ERC u, konsegwentement, ma kellhiex tiġi adottata għat-tieni stadju ta’ selezzjoni fid-dawl ta’ finanzjament. B’ittra tat-30 ta’ Jannar 2017, l-ERCEA informat lir-rikorrent bir-riżultat tal-evalwazzjoni. Din l-ittra semmiet ir-rimedji ġudizzjarji disponibbli, jiġifieri t-talba għal reviżjoni tal-evalwazzjoni, l-azzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, kif ukoll ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra l-ERCEA. Minbarra dan, din l-ittra esponiet it-termini għal preżentata ta’ dawn ir-rikorsi, u indikat l-indirizzi elettroniċi li bihom dawn l-ewwel żewġ rikorsi setgħu jiġu ppreżentati u ppreċiżat li r-rikorrent setgħa jintroduċi rikors formali wieħed biss kull darba. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni, li jinkludi l-kummenti individwali tal-esperti, il-kummenti finali u l-punti mogħtija mill-panel, kien jinsab fl-anness ma’ din l-ittra inkwistjoni. |
|
10 |
Fl-14 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent ressaq talba għal reviżjoni tal-evalwazzjoni. |
|
11 |
B’ittra tat-23 ta’ Marzu 2017, id-direttur tal-ERCEA informa lir-rikorrent biċ-ċaħda tal-talba għal revizjoni tiegħu mill-kumitat ta’ reviżjoni tal-ERCEA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017”). Skont il-kumitat, ebda żball ta’ proċedura ma kien twettaq matul il-proċess ta’ evalwazzjoni. F’din l-ittra, id-direttur informa lir-rikorrent biż-żewġ rimedji ġudizzjarji disponibbli, jiġifieri, minn naħa, l-azzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 li kellha tiġi ppreżentata f’terminu ta’ xahar li jiddekorri mir-riċezzjoni tad-deċiżjoni tar-rikorrent fl-indirizz elettroniku indikat u, min-naħa l-oħra, ir-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra d-deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017 li kellu jiġi ppreżentat f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri mir-riċezzjoni tad-deċiżjoni mir-rikorrent. Din l-ittra kienet tinkludi wkoll riferiment għar-Regolament Nru 58/2003 u ppreċiżat li r-rikorrent seta’ jippreżenta rikors wieħed biss kull darba u li, jekk huwa kellu jagħżel li jressaq l-azzjoni amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003, huwa għandu jistenna d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni u jippreżenta rikors għal annullament kontra din l-aħħar deċiżjoni. |
|
12 |
Fit-3 ta’ April 2017, ir-rikorrent ressaq azzjoni amministrattiva quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003. |
|
13 |
Bid-Deċiżjoni C(2017) 5190 finali, tas-27 ta’ Lulju 2017, meħuda abbażi tal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 58/2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017”), il-Kummissjoni ċaħdet l-azzjoni amministrattiva tar-rikorrent bħala infondata u żammet id-deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017 li ċaħdet it-talba għal reviżjoni tal-evalwazzjoni tal-proposta Nru 741797‑NIP. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lir-rikorrent b’ittra tas-16 ta’ Awwissu 2017, iffirmata mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) għar-Riċerka u Innovazzjoni. F’din l-ittra, kien hemm nota li informat lir-rikorrent li huwa seta’ jintroduċi azzjoni għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE kontra l-Kummissjoni f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri mir-riċezzjoni tal-ittra inkwistjoni. |
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
|
14 |
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors. |
|
15 |
B’att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Jannar 2018, l-ERCEA qajmet eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà skont l-Artikolu 130 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din l-eċċezzjoni fil-5 ta’ Marzu 2018. |
|
16 |
Fir-rikors, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
17 |
Fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-ERCEA titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
18 |
Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli. |
Id-dritt
|
19 |
Skont l-Artikolu 130(1) u (7) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-konvenuta titlob dan, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. Minbarra dan, skont l-Artikolu 126 tal-istess regoli, meta rikors ikun manifestament inammissibbli jew manifestament infondat fid-dritt, il-Qorti Ġenerali tista’, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, fi kwalunkwe ħin tagħżel li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat, mingħajr ma tkompli l-proċedura. |
|
20 |
F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li hija ġiet ikkjarifikata suffiċjentement permezz tal-annessi tal-proċess u tiddeċiedi li tagħti deċiżjoni dwar ir-rikors mingħajr ma tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u mingħajr ma tidħol fil-mertu tal-kawża. |
Fuq l-osservanza tar-regoli relatati mal-kontenut tar-rikors
|
21 |
L-ERCEA ssostni li r-rikors ma jidentifikax bil-preċiżjoni meħtieġa s-suġġett tat-tilwima u l-motivi tar-rikors. B’mod partikolari, hija tirrileva li, fil-punti 1 u 21 tar-rikors, ir-rikorrent jirreferi għad-“deċiżjonijiet negattivi” li jikkonċernaw l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-proposta Nru 741797-NIP, mingħajr ma jippreċiża elementi bħad-data jew l-awtur tal-att jew tal-atti kkontestati, li jippermettu l-identifikazzjoni mingħajr ekwivoku tal-att jew tal-atti li huma s-suġġett tar-rikors. |
|
22 |
Fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent isostni li l-argument tal-ERCEA huwa żbaljat, peress li r-rikors jiddeskrivi b’mod ċar ħafna s-suġġett tat-tilwima, li huwa n-nuqqas ta’ osservanza mill-ERCEA tal-proċedura ta’ evalwazzjoni waqt l-evalwazzjoni tal-proposta Nru 741797‑NIP. Fir-rigward tal-forma fil-plural użata fil-punt 21 tar-rikors, huwa jsostni li ma kienx neċessarju li jiġu ppreċiżati l-elementi ta’ identifikazzjoni kollha tad-deċiżjonijiet li huwa jitlob l-annullament tagħhom, peress li dawn id-deċiżjonijiet jinsabu fl-Annessi A.2 u A.3 tar-rikors. |
|
23 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut u skont l-Artikolu 76(d) u (e) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jindika s-suġġett tat-tilwima, il-motivi u l-argumenti invokati u jkun fih espożizzjoni fil-qosor tal-imsemmija motivi u t-talbiet tal-partijiet. Dawn l-elementi għandhom ikunu biżżejjed ċari u preċiżi sabiex jippermettu lill-konvenut li jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċiedi dwar ir-rikors, jekk ikun il-każ mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi, li fuqhom dan huwa bbażat, jirriżultaw, tal-inqas b’mod sommarju, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess (digrieti tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il‑Kummissjoni, T‑85/92, EU:T:1993:39, punt 20; tal-21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor France et vs Il‑Kummissjoni, T‑154/98, EU:T:1999:109, punt 49, u s-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il‑Qorti tal-Awdituri, T‑277/97, EU:T:1999:124, punt 29). |
|
24 |
Fir-rigward iktar partikolarment tat-talbiet tal-partijiet, għandu jiġi enfasizzat li dawn jiddefinixxu s-suġġett tat-tilwima. Għalhekk, huma għandhom jindikaw espressament u mingħajr ekwivoku, dak li l-partijiet jitolbu. B’mod partikolari, meta dan ikun rikors għal annullament, l-att li l-annullament tiegħu ikun mitlub għandu jkun identifikat b’mod ċar (sentenza tal-10 ta’ Lulju 1990, Automec vs Il‑Kummissjoni, T‑64/89, EU:T:1990:42, punt 67). |
|
25 |
F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, fil-punt 1 tar-rikors li jinsab taħt it-titolu “Suġġett tat-tilwima”, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali li tannulla “iċ-ċaħda tat-talba għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-[proposta Nru 741797-NIP], u li tordna lill-[ERCEA] li tevalwa mill-ġdid din il-proposta fl-osservanza stretta tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ekwità u ta’ imparzjalità kif previsti fir-regoli tal-ERC għas-sottomissjoni u għall-evalwazzjoni ta’ proposti” u li, fil-punt 21 tar-rikors li jinsab taħt it-titolu “Konklużjoni”, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali li “tannulla d-deċiżjonijiet li jiċħdu t-talba għal evalwazzjoni mill-ġdid tal-proposta [Nru 741797-NIP] u li tordna lill-[ERCEA] li tevalwa mill-ġdid din il-proposta peress li l-proċedura ta’ evalwazzjoni ma ġietx osservata”. |
|
26 |
Minn dan kollu jirriżulta li, permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent essenzjalment ifittex l-annullament ta’ att li l-awtriċi tiegħu hija l-ERCEA, sabiex din tirrevedi l-evalwazzjoni tal-proposta Nru 741797‑NIP, li permezz tagħha r-rikorrent talba sussidju tal-proġett tiegħu. |
|
27 |
Xorta jibqa’ l-fatt li, fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ir-rikorrent jindika li huwa jfittex l-annullament tal-atti li ġew annetti mal-Annessi A.2 u A.3 tar-rikors. Issa, f’dawn iż-żewġ annessi hemm, rispettivament, id-deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017. |
|
28 |
Ċertament, il-formulazzjoni użata fir-rikors, b’mod partikolari l-użu, fil-punt 21 tiegħu, tal-forma fil-plural sabiex jiġu deskritti l-atti msemmija fir-rikors, kif ukoll il-fatt li la l-awturi ta’ dawn l-atti, la d-dati tal-adozzjoni tagħhom ma huma ppreċiżati fir-rikors jistgħu jagħtu lok għal konfużjoni. Madankollu, peress li l-atti msemmija fir-rikors kienu ġew annetti mar-rikors, huwa possibbli li jiġu identifikati. |
|
29 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, l-ERCEA ppreżentat l-argumenti dwar l-ammissibbiltà, minn naħa, ta’ rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu 2017 u, min-naħa l-oħra, rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017. Għalhekk, minkejja n-nuqqas ta’ preċiżjoni tar-rikors, il-konvenuta setgħet hija stess tidentifika ż-żewġ atti msemmija minn dan ir-rikors u tiddetermina kemm l-awturi tagħhom kif ukoll id-dati tal-adozzjoni tagħhom. |
|
30 |
Minn dan kollu jirriżulta li s-suġġett tat-tilwima, kif huwa ddefinit fir-rikors, jissodisfa r-rekwiżiti mfakkra fil-punti 23 u 24 iktar ’il fuq. Għalhekk hemm lok li jiġi kkunsidrat li, permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament ta’ żewġ atti, jiġifieri d-deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017 u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017. Barra minn hekk, huwa jitlob lill-Qorti Ġenerali li tordna lill-ERCEA li tevalwa mill-ġdid il-proposta Nru 741797-NIP. |
Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017
|
31 |
L-ERCEA ssostni li, sa fejn jirreferi għad-deċiżjoni tagħha tat-23 ta’ Marzu 2017, dan ir-rikors huwa inammissibbli, peress li ġie ppreżentat wara t-terminu ta’ xahrejn iddefinit fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. |
|
32 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li, għal motiv ieħor, ir-rikors huwa manifestament inammissibbli sa fejn jirreferi għad-deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017. Fil-fatt, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li r-rikorrent għażel li jressaq, kontra din id-deċiżjoni, azzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 58/2003 u li l-Kummissjoni ddeċidiet dwar din l-azzjoni amministrattiva permezz tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2017, ukoll imsemmija f’dan ir-rikors. |
|
33 |
Billi r-rikorrent għalhekk għażel ir-rimedju amministrattiv li wassal għall-adozzjoni, fis-27 ta’ Lulju 2017, ta’ deċiżjoni mill-Kummissjoni, li hija l-awtorità ta’ stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-atti tal-ERCEA, huwa ma jistax iktar jikkontesta d-deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017 permezz ta’ rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 263 TFUE, u dan indipendentement mill-kwistjoni ta’ eventwali qbiż tat-terminu għal preżentata ta’ tali rikors, imqajma mill-ERCEA fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tagħha. |
|
34 |
Isegwi li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017 hija manifestament inammissibbli. |
Fuq it-talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017
|
35 |
L-ERCEA ssostni li, sa fejn jirreferi għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017, dan ir-rikors huwa inammissibbli, peress li huwa ppreżentat kontra l-entità li ma hijiex l-awtriċi ta’ din id-deċiżjoni. |
|
36 |
Skont l-Artikolu 22(1) u (5) tar-Regolament Nru 58/2003, meta att ta’ aġenzija eżekuttiva li jippreġudika terzi jiġi rriferit lill-Kummisjoni għall-istħarriġ tal-legalità tiegħu, id-deċiżjoni espliċita jew impliċita ta’ ċaħda mill-Kummissjoni tal-azzjoni amministrattiva tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. |
|
37 |
Skont il-ġurisprudenza, ir-rikorsi bħala prinċipju għandhom jiġu ppreżentati kontra l-awtur tal-att ikkontestat (ara d-digrieti tat-22 ta’ Lulju 2015, European Children’s Fashion Association u Instituto de Economía Pública vs Il‑Kummissjoni u EACEA, T‑724/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:550, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-15 ta’ Novembru 2017, Pilla vs Il‑Kummissjoni u EACEA, T‑784/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:806, punt 54). Dan huwa partikolarment il-każ meta att ma jistax jiġi attribwit lil istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni għajr dak li dan l-att jirriżulta minnu (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tas-16 ta’ Diċembru 2008, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni u KESE, T‑117/08, mhux ippubblikat, EU:T:2008:582, punti 16 sa 19, u tal-15 ta’ Novembru 2017, Pilla vs Il‑Kummissjoni u EACEA, T‑784/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:806, punti 55 sa 60). |
|
38 |
Barra minn hekk, l-identifikazzjoni fir-rikors, bi żball, ta’ konvenut li ma huwiex l-awtur tal-att ikkontestat ma twassalx għall-inammissibbiltà tar-rikors, jekk dan ir-rikors jinkludi elementi li jippermettu li tiġi identifikata mingħajr ambigwità l-parti li kontra tagħha dan ir-rikors huwa ppreżentat, bħall-identifikazzjoni tal-att ikkontestat u tal-awtur tiegħu. F’tali każ, għandu jitqies bħalla konvenut l-awtur tal-att ikkontestat, minkejja li ma jkunx evokat fil-parti introduttiva tar-rikors. Madankollu, din is-sitwazzjoni għandha tiġi distinta minn dik li fiha r-rikorrent jippersisti fl-identifikazzjoni tal-konvenut evokat fil-parti introduttiva tar-rikors, b’għarfien sħiħ tal-fatt li dan ma huwiex l-awtur tal-att ikkontestat. F’dan l-aħħar każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-konvenut identifikat fir-rikors u, skont il-każ, jinsiltu l-konsegwenzi minn din l-identifikazzjoni fir-rigward tal-ammissibbiltà tar-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Novembru 1990, Mommer vs Il‑Parlament, T‑162/89, EU:T:1990:72, punti 19 u 20; ara wkoll id-digriet tas-27 ta’ Marzu 2017, Frank vs Il‑Kummissjoni, T‑603/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:228, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
39 |
F’dan il-każ, l-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni hija l-unika awtriċi tad-deċiżjoni tas-27 ta’ Lulju 2017. Billi adottat din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni eżerċitat il-kompetenza mogħtija lilha mir-Regolament Nru 58/2003 fil-qasam ta’ stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tal-ERCEA. Għalhekk id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017 ma tista’ fl-ebda każ tiġi attribwita lill-ERCEA. |
|
40 |
Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li l-possibbiltà li jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kif ukoll il-bażi legali ta’ dan ir-rikors ġew indikati fid-deċiżjoni tal-ERCEA tat-23 ta’ Marzu 2017 (ara l-punt 11 iktar ’il fuq). Minbarra dan, l-ittra tas-16 ta’ Awwissu 2017 li kienet takkumpanja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017, trażmessa lir-rikorrent mid-Direttur Ġenerali tad-DĠ għar-Riċerka u Innovazzjoni, kienet issemmi espliċitament lill-Kummissjoni bħala l-parti li kontra tagħha kellu jiġi ppreżentat rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE, li jikkonċerna din id-deċiżjoni (ara l-punt 13 iktar ’il fuq). |
|
41 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ippersista fl-identifikazzjoni tal-ERCEA bħala konvenuta fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, minkejja li l-ERCEA kienet indikat fl-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li sa fejn kien jirreferi gad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017, dan ir-rikors kellu jiġi ppreżentat kontra l-Kummissjoni. |
|
42 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li t-talba għal annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Lulju 2017 hija mressqa kontra l-entità li ma hijiex l-awtriċi ta’ dan l-att. Għalhekk l-imsemmija talba hija inammissibbli. |
Fuq it-talba intiża għall-adozzjoni ta’ ordni fir-rigward tal-ERCEA
|
43 |
Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni, ma għandhiex tkun il-Qorti Ġenerali li tindirizzalhom ordnijiet jew li tissostitwixxi lilha nnifisha magħhom (sentenza tal-10 ta’ Ottubru 2012, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑158/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:530, punt 219; ara, ukoll, is-sentenza tat-22 ta’ April 2016, L‑Italja u Eurallumina vs Il‑Kummissjoni, T‑60/06 RENV II u T‑62/06 RENV II, EU:T:2016:233, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
44 |
It-talba intiża għall-adozzjoni ta’ ordni fir-rigward tal-ERCEA fformulata mir-rikorrent hija għalhekk manifestament inammissibbli. |
|
45 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu bħala inammissibbli. |
Fuq l-ispejjeż
|
46 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Billi r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tal-ERCEA. |
|
Għal dawn il-motivi, IL‑QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla) tordna: |
|
|
|
Magħmul fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Novembru 2018. Ir-Reġistratur E. Coulon Il‑President S. Gervasoni |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.