Edizzjoni Provviżorja

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

22 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva diflubenzuron – Kundizzjonijiet ta’ approvazzjoni għat-tqegħid fis-suq – Talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni – Nuqqas ta’ urġenza – Ibbilanċjar tal-interessi”

Fil-Kawża T‑476/17 R,

Arysta LifeScience Netherlands BV, stabbilita f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), irrappreżentata minn C. Mereu u M. Grunchard, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Lewis, I. Naglis u G. Koleva, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandu bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikoli 278 u 279 TFUE għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/855 tat-18 ta’ Mejju 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva diflubenzuron (ĠU 2017 L 128, p. 10),

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jagħti l-preżenti

Digriet (1)

[omissis]

 Fid-dritt

[omissis]

 Fuq l-urġenza

23      Sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżuri provviżorji mitluba humiex urġenti, għandu jitfakkar li l-għan tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-qorti tal-Unjoni. Sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-urġenza għandha, b’mod ġenerali, tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata ordni interlokutorja sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-protezzjoni provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna t-tmiem tal-proċedura dwar ir-rikors fuq il-mertu mingħajr ma ssofri dannu gravi u irreparabbli (ara d-digriet tal-14 ta’ Jannar 2016, AGC Glass Europe et vsIl-Kummissjoni, C‑517/15 P‑R, EU:C:2016:21, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, ikun hemm biss urġenza jekk id-dannu gravi u irreparabbli li tissuspetta l-parti li titlob l-miżuri provviżorji jkun tant imminenti li t-twettiq tiegħu jkun prevedibbli bi grad ta’ probabbiltà suffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, din il-parti tibqa’ obbligata li tipprova l-fatti li suppost jiġġustifikaw il-prospett ta’ tali dannu, billi hu aċċettat li dannu ta’ natura purament ipotetika, billi huwa bbażata fuq l-okkorrenza ta’ avvenimenti futuri u inċerti, ma jistax jiġġustifika l-għoti ta’ miżuri provviżorji (ara d-digriet tat-23 ta’ Marzu 2017, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑624/16, mhux ippubblikat, EU:T:2017:243, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 156(4) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet għal miżuri provviżorji “għandhom jinkludu l-provi u l-provi proposti kollha li jkunu disponibbli u li jkunu intiżi li jiġġustifikaw l-adozzjoni tal-miżuri provviżorji”.

26      B’hekk, talba għal miżuri provviżorji għandha, fiha nnifisha, tippermetti lill-konvenut jipprepara l-osservazzjonijiet tiegħu u lill-imħallef għal miżuri provviżorji jiddeċiedi fuq it-talba, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra insostenn tagħha, billi l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom din tibbaża ruħha għandhom jirriżultaw mit-test innifsu tat-talba (ara d-digriet tas-6 ta’ Settembru 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni, C‑378/16 P‑R, mhux ippubblikat, EU:C:2016:668, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li, sabiex jiġi evalwat jekk il-kundizzjonijiet kollha msemmija fil-punti 23, 24 u 26 iktar ’il fuq humiex issodisfatti, l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu provi konkreti u preċiżi, sostnuti minn dokumenti ddettaljati u awtentikati, li juru s-sitwazzjoni li fiha tinsab il-parti li qed titlob il-miżuri provviżorji u li jippermettu li jiġu evalwati l-konsegwenzi li probabbilment jirriżultaw mill-assenza tal-miżuri mitluba. Minn dan isegwi li l-imsemmija parti, b’mod partikolari meta hija tinvoka l-okkorrenza ta’ dannu ta’ natura finanzjarja, għandha tipproduċi, b’dokumenti insostenn, stampa fidila u globali tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha (ara d-digriet tad-29 ta’ Frar 2016, ICA Laboratories et vs Il-Kummissjoni, T‑732/15 R, mhux ippubblikat, EU:T:2016:129, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Fl-aħħar nett, għalkemm it-talba għal miżuri provviżorji tista’ tkun issupplimentata fuq punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal dokumenti annessi magħhom, dawn ma jistgħux jikkumpensaw in-nuqqas tal-elementi essenzjali fl-imsemmija talba. Ma huwiex l-obbligu tal-imħallef għal miżuri provviżorji, minflok il-parti kkonċernata, li jfittex l-elementi li jinsabu fl-annessi tat-talba għal miżuri provviżorji, fir-rikors ippreżentat fil-kawża prinċipali jew fl-annessi ta’ dan tal-aħħar li huma ta’ natura li jikkorroboraw it-talba għal miżuri provviżorji. Tali obbligu mqiegħed fuq l-imħallef għal miżuri provviżorji jkun barra minn hekk ta’ natura li jneħħi l-effett tal-Artikolu 156(5) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li t-talba għal miżuri provviżorji għandha titressaq permezz ta’ att separat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-20 ta’ Ġunju 2014, Wilders vs Il-Parlament et, T‑410/14 R, ma huwiex ippubblikat, EU:T:2014:564, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji li għandu jiġi eżaminat jekk ir-rikorrenti jirnexxilhiex turi l-urġenza.

30      Ir-rikorrenti tinvoka, essenzjalment, dannu gravi u irreparabbli minħabba r-riskju ta’ preġudizzju negattiv għad-dħul mill-bejgħ u l-profitti tagħha, ir-riskju ta’ telf ta’ ishma mis-suq, tal-impatti fuq wieħed mis-siti ta’ produzzjoni tagħha u ta’ dannu għar-reputazzjoni tagħha.

 Fuq in-natura gravi tad-dannu

31      Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dannu allegat minħabba r-riskju ta’ effett negattiv fuq id-dħul mill-bejgħ u l-profitti tagħha, ir-rikorrenti tqis li, minħabba r-regolament ikkontestat, hija ser issofri telf sinjifikattiv fid-dħul mill-bejgħ u l-profitti. F’dan ir-rigward, għandu għalhekk jiġi rrilevat li n-natura tad-dannu allegat hija purament finanzjarja.

32      Issa, fir-rigward tal-gravità tad-dannu finanzjarju invokat, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li l-miżura provviżorja mitluba hija ġġustifikata biss jekk jidher li, fl-assenza ta’ din il-miżura, il-parti li titlobha ssib ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha qabel l-intervent tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura prinċipali (ara d-digriet tat-30 ta’ April 2010, Xeda International u Pace International vs Il-Kummissjoni, T‑71/10 R, mhux ippubblikat, EU:T:2010:173, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      L-ewwel nett, hija ġurisprudenza stabbilita li l-analiżi tal-gravità ta’ dan id-dannu għandha ssir fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs u tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża kif ukoll tal-karatteristiċi tal-grupp li għalih hija tappartjeni (ara d-digriet tal-15 ta’ Novembru 2011, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T‑269/11 R, ma huwiex ippubblikat, EU:T:2011:665, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ April 1998, Camar vs Il-Kummissjoni u Il-Kunsill, C‑43/98 P(R), EU:C:1998:166, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, dejjem skont ġurisprudenza stabbilita, ġie deċiż li, minn naħa, fir-rigward ta’ telf li jikkorrispondi għal sehem ta’ inqas minn 10 % tal-dħul mill-bejgħ tal-impriżi attivi fi swieq irregolati ħafna, id-diffikultajiet finanzjarji li dawn tal-aħħar jistgħu jgħaddu minnhom ma jidhrux li huma ta’ natura li jipperikolaw l-istess eżistenza tagħhom (digriet tal-15 ta’ Novembru 2011, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T-269/11 R, mhux ippubblikat, EU:T:2011:665, punt 21; ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ April 2001, Il-Kummissjoni vs Bruno Farmaceutici et, C‑474/00 P(R), EU:C:2001:219, punt 106) u, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ telf li jirrappreżenta madwar żewġ terzi tad-dħul mill-bejgħ ta’ dawn l-impriżi, filwaqt li jiġi ammess li d-diffikultajiet finanzjarji kkawżati lil dawn setgħu kienu ta’ natura li jipperikolaw l-eżistenza tagħhom, ġie madankollu enfasizzat li, f’settur li huwa rregolat ħafna u li ta’ spiss jeħtieġ investimenti kbar u fejn l-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom jintervjenu meta jidhru riskji għas-saħħa pubblika, għal raġunijiet li ma jkunux dejjem prevedibbli mill-impriżi kkonċernati, huwa l-obbligu ta’ dawn tal-aħħar, minbarra li jkollhom iħallsu huma stess d-dannu riżultanti minn tali intervent, li jipproteġu ruħhom kontra l-konsegwenzi tiegħu permezz ta’ politika xierqa (ara d-digriet tas-16 ta’ Ġunju 2016, ICA Laboratories et vs Il-Kummissjoni, C‑170/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:462, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

[omissis]

37      Id-dħul mill-bejgħ bħala l-profitt iġġenerat mill-bejgħ tas-sustanza inkwistjoni għall-użu pprojbit mir-regolament ikkontestat għalhekk jirrappreżenta parti żgħira tal-dħul mill-bejgħ jew tal-profitt gross tar-rikorrenti jew ta’ dak il-grupp li tappartjeni għalih (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, id-digriet tal-11 ta’ April 2001, Il-Kummissjoni vs Bruno Farmaceutici et, C‑474/00 P(R), EU:C:2001:219, punt 105).

38      Għaldaqstant, l-uniku telf għad-dħul mill-bejgħ tagħha jew għall-profitti ġġenerati minn dan il-bejgħ ma jistax ikun suffiċjenti sabiex dannu allegat jitqies bħala wieħed gravi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 36 iktar ’il fuq.

39      It-tieni nett, kif enfasizzat mir-rikorrenti, ġie madankollu aċċettat, fid-digriet tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni (T‑95/09R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:124, punt 69), li, fl-evalwazzjoni tal-gravità tad-dannu, l-imħallef għal miżuri provviżorji ma jistax sempliċement joqgħod, b’mod mekkaniku u riġidu, biss fuq id-dħul mill-bejgħ rilevanti, imma għandu jqis ukoll iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u li dawn jiġu relatati, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu, mad-dannu kkawżat f’termini ta’ dħul mill-bejgħ.

40      Fil-kuntest tal-analiżi tal-gravità tad-dannu f’dik il-kawża, ġiet għalhekk ikkunsidrata importanti l-kriżi ekonomika u finanzjarja li l-ekonomija dinjija kienet qed issofri għal xhur u li affettwat il-valur tal-grupp li għalih tappartjeni r-rikorrenti. Minn dan, l-imħallef għal miżuri provviżorji wasal għall-konklużjoni li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ir-rikorrenti kienet stabbilixxiet il-gravità tad-dannu li kienet issofri kieku l-miżuri provviżorji mitluba ma ngħatawx.

41      Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tinvokax sitwazzjoni eċċezzjonali bħal din.

42      Madankollu, għalkemm ir-rikorrenti ma tagħmilx identifikazzjoni ċara taċ-ċirkustanzi li, f’dan il-każ, jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-gravità tad-dannu tagħha, jidher li, fi ħdan l-argumenti tagħha dwar dan l-aspett tad-dannu, hija tressaq numru ta’ elementi li jistgħu jitqiesu bħala parti mill-imsemmija ċirkustanzi stess tal-każ inkwistjoni.

43      Għalhekk, għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-konsegwenzi previsti fuq l-attività tagħha marbuta mad-diflubenzuron minħabba, minn naħa, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Brażiljana 7.802/89 u, min-naħa l-oħra, l-iffissar ta’ limitu massimu ġdid ta’ residwi (iktar ’il quddiem l-“LMR”).

[omissis]

45      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, b’mod ġenerali, it-tnaqqis fil-bejgħ f’pajjiżi li ma humiex pajjiżi membri tal-Unjoni bħala konsegwenza tal-adozzjoni ta’ regolament li jipprojbixxi jew jillimita l-użu ta’ sustanza minħabba l-fatt li ċerti pajjiżi terzi jsegwu l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-gravità tad-dannu allegat, peress li miżuri bħal dawn huma l-konsegwenza diretta mhux tar-regolament ikkontestat, imma ta’ deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet ta’ kull pajjiż terz fl-eżerċizzju tal-poter sovran tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni, T‑95/09 R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:124, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma stabbilixxietx li l-miżuri provviżorji mitluba, jekk wieħed jassumi li jingħataw, jipprekludu lill-awtoritajiet Brażiljani milli jipprojbixxu l-bejgħ tad-diflubenzuron għal finijiet ta’ konsum fit-territorju tagħhom. Għaldaqstant, hija ma wrietx li s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-regolament ikkontestat huwa ta’ natura li jimpedixxi t-twettiq tad-dannu allegat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni, T‑95/09R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:124, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      Fl-aħħar nett, jidher li l-konkretizzazzjoni ta’ din il-biża’ hija ipotetika billi r-rikorrenti għandha studju tat-28 ta’ Frar 2017, li sar skont l-aħħar rakkomandazzjonijiet, li jikkonferma n-nuqqas ta’ potenzjal ġenotossiku tal-PCA (“Test ta’ mutazzjoni in vivo locus cII fuq firien transġeniċi F344 Big Blue® u analiżi mikronuklejka tad-demm periferiku”). Għalhekk, jista’ jkun hemm dubji raġonevoli fir-rigward tal-evalwazzjoni finali mill-awtoritajiet Brażiljani dwar il-ġenotossiċità tad-diflubenzuron sa fejn wieħed jista’ jaħseb li, fid-dawl ta’ dan l-istudju, dawn tal-aħħar jipprevedu li r-riżultati aġġornati mal-komunità xjentifika ma humiex favur projbizzjoni. L-aspett tad-dannu allegat f’dan ir-rigward jista’ jkun biss ta’ natura inċerta, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 24 iktar ’il fuq.

48      Għalhekk, il-konsegwenzi previsti mir-rikorrenti fuq l-attività tagħha marbuta mad-diflubenzuron minħabba l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Brażiljana 7.802/89 ma jikkostitwixxux ċirkustanza partikolari li tippermetti li jiġi konkluż li hemm il-gravità tad-dannu.

[omissis]

52      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li dan il-każ ma jippreżenta ebda ċirkustanza partikolari li, evalwata fid-dawl tad-dħul mill-bejgħ rilevanti, twassal lill-imħallef għal miżuri provviżorji sabiex jikkonkludi li hemm gravità tad-dannu allegat minħabba r-riskju ta’ effett negattiv għad-dħul mill-bejgħ u l-profitti tagħha.

[omissis]

61      Fit-tielet lok, għal dak li jirrigwarda l-gravità tad-dannu allegat minħabba r-riskju ta’ impatt fuq wieħed mis-siti ta’ produzzjoni tagħha, ir-rikorrenti tippreċiża li hija timmanifattura esklużivament is-sustanza inkwistjoni fuq sit ta’ produzzjoni li jinsab f’Ankerweg (il-Pajjiżi l-Baxxi), li fil-biċċa l-kbira hu ddedikat għall-produzzjoni tas-sustanza inkwistjoni għal użu ġewwa u barra mill-Unjoni. It-telf tat-tikketta “għal uċuħ tar-raba’ li jittieklu” tad-diflubenzuron fl-Unjoni jfisser telf ta’ EUR 618 859 ta’ assorbiment tal-ispejjeż tal-produzzjoni, li jirrappreżenta 89.7 % tat-total tal-assorbiment tal-ispejjeż u telf ta’ volum ta’ 36 735 kg, jew 95 % tal-volum fl-Unjoni. Għalhekk, l-impatt tat-telf tal-volumi tad-diflubenzuron għal uċuħ tar-raba’ li jittieklu jfisser li l-prodotti kollha li jifdal għandhom jassorbu din l-ispiża ta’ EUR 618 859, u dan iżid l-ispejjeż u jnaqqas l-kompetittività fis-suq tal-Unjoni u s-swieq l-oħra dinjija għall-prodotti l-oħrajn kollha.

62      Barra minn hekk, fil-kuntest tal-argumenti tagħha fir-rigward tan-natura irreparabbli tad-dannu allegat minħabba r-riskju ta’ impatt fuq wieħed mis-siti ta’ produzzjoni tagħha, ir-rikorrenti tinvoka numru ta’ elementi li effettivament jirrigwardaw l-evalwazzjoni tal-gravità tad-dannu. Fil-fatt, hija tenfasizza li madwar 25 impjegat fl-impjant ta’ produzzjoni attwali huma assenjati mas-sustanza inkwistjoni u prodotti fformulati b’bażi tad-diflubenzuron, li l-vijabbiltà ta’ dan is-sit hija mhedda minħabba li l-prodotti intiżi għall-uċuħ tar-raba’ li jittieklu fl-Unjoni jassorbu EUR 618 859 (jew 16.7 %) tat-total ta’ EUR 3 699 373 fl-ispejjeż tal-produzzjoni tad-diflubenzuron tas-sit ta’ Ankerweg, anki jekk il-volum tagħhom jirrappreżenta 8.4 % tal-volum totali. Barra minn hekk, hija tfakkar b’mod partikolari li r-reviżjoni tal-LMR għal prodotti li jittieklu jkollha impatt sinjifikattiv fuq il-prodotti mibjugħa fis-swieq ewlenin fid-dinja u li, peress li l-produzzjoni totali tad-diflubenzuron tirrappreżenta madwar 30 % tal-volum u tassorbi madwar 30 % tal-ispejjeż tas-sit ta’ Ankerweg, tnaqqis jew telf tal-prodotti mibjugħa fis-suq dinji jkollu impatt sinjifikattiv fuq il-vijabbiltà tas-sit imsemmi.

63      Għalhekk, jirriżulta minn dak li ngħad iktar ’il fuq li d-dannu allegat minħabba l-impatt previst tar-regolament ikkontestat fuq is-sit ta’ produzzjoni li jinsab f’Ankerweg huwa ta’ natura pekunjarja.

64      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 32 iktar ’il fuq, għal dak li jirrigwarda l-gravità ta’ tali dannu, il-miżura provviżorja mitluba hija ġġustifikata biss jekk jidher li, fl-assenza ta’ din il-miżura, il-parti li titlobha ssib ruħha f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha qabel l-intervent tad-deċiżjoni li ttemm il-proċedura prinċipali.

65      Issa, l-ewwel nett, il-biża’ tar-rikorrenti ma tikkonċernax it-tqegħid fil-perikolu tal-eżistenza tagħha, imma l-vijabbiltà ta’ sit ta’ produzzjoni. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-ġurisprudenza msemmija fil-punti 24 sa 27 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tipprovdi ebda element li jista’ jwassal għall-konklużjoni ta’ kwalunkwe theddida għas-sopravvivenza tagħha minħabba r-riskji allegati fir-rigward tal-vijabbiltà tas-sit.

66      It-tieni nett, is-sit ikkonċernat jipproduċi s-sustanza inkwistjoni mhux biss għal użu ġewwa l-Unjoni, imma wkoll barra mill-Unjoni. Sa fejn ir-rikorrenti tenfasizza l-effetti eventwali tal-iffissar ta’ LMR ġdid għal prodotti li jittieklu fuq il-bejgħ tagħha fid-dinja, huwa biżżejjed li jsir riferiment għall-motiv espost fil-punt 50 iktar 'il fuq sabiex titwarrab ir-rilevanza ta’ dan l-argument.

67      It-tielet nett, kuntrarjament għall-ġurisprudenza msemmija fil-punti 24 sa 27 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tipprovdix lill-imħallef għal miżuri provviżorji elementi essenzjali li jippermettulu jeżamina l-gravità tal-effetti allegati, bħal informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ riallokazzjoni tal-persunal ikkonċernat jew ta’ rikonverżjoni ta’ proċessi ta’ manifattura tal-katina tagħha tal-produzzjoni f’dak is-sit. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tirrileva, ġustament, li r-rikorrenti ma wrietx li dan is-sit ta’ produzzjoni ma setax jintuża fil-manifattura ta’ xi wieħed mill-bosta prodotti oħra għall-protezzjoni tal-pjanti li l-grupp tar-rikorrenti jipproduċi.

68      Għaldaqstant, l-uniċi impatti fuq wieħed mis-siti ta’ produzzjoni tagħha ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex id-dannu allegat jitqies bħala wieħed gravi fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 64 iktar ’il fuq.

[omissis]

71      Ir-raba’ nett, f’dak li jirrigwarda l-gravità tad-dannu allegat minħabba r-riskju ta’ effett negattiv għar-reputazzjoni tagħha, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat se joħloq effett negattiv iġġeneralizzat għar-reputazzjoni tagħha, għar-reputazzjoni tal-prodotti tagħha bbażati fuq id-diflubenzuron u għar-reputazzjoni tat-trade mark prinċipali tagħha Dimilin kif ukoll għat-tip ta’ formulazzjoni relatata ma’ dawn il-prodotti.

72      L-ewwel nett, sa fejn ir-rikorrenti tibża’ li r-regolament ikkontestat, minn naħa, jikkomprometti r-reputazzjoni tagħha b’mod ġenerali, ir-reputazzjoni tal-prodotti tagħha abbażi ta’ diflubenzuron u tat-trade mark prinċipali tagħha Dimilin kif ukoll tat-tip tal-formulazzjoni relatata ma’ dawn il-prodotti bl-istigmatizzazzjoni tad-diflubenzuron, u min-naħa l-oħra, ipoġġi iktar fid-dubju l-esperjenza tagħha fil-qasam tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, il-kapaċità tagħha li tipprovdi prodotti siguri ta’ kwalità għolja u jwassal għal effett konsegwenzjali negattiv fuq ir-reputazzjoni ta’ prodotti oħrajn immanifatturati minnha, b’mod partikolari fil-qasam tal-protezzjoni tal-pjanti, għandu jiġi rrilevat li l-irtirar ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti tas-suq – u, a fortiori, l-impożizzjoni ta’ limitazzjoni fil-kamp ta’ użu tiegħu – ma huwiex neċessarjament ta’ ħsara għar-reputazzjoni tal-impriża kkonċernata fl-intier tagħha. F’dan ir-rigward, huwa magħruf li ħafna impriżi attivi fis-suq inkwistjoni diġà raw prodotti tagħhom jiġu rtirati mis-suq, mingħajr ma dawn l-impriżi jew il-prodotti tagħhom jiġu minħabba f’hekk stigmatizzati. L-awtoritajiet regolatorji u l-operaturi tas-settur ikkonċernat, li huma familjari mal-qafas regolatorju, għandhom pjuttost it-tendenza li jqisu deċiżjoni għal nuqqas ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti bħala parti normali minn proċedura regolatorja. Fil-fatt, deċiżjoni bħal din tista’ tiġi kkunsidrata bħala s-sempliċi riżultat tal-evoluzzjoni xjentifika u t-titjib tal-metodi ta’ riċerka (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Novembru 2011, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T‑269/11 R, mhux ippubblikat, EU:T:2011:665, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, jekk effett negattiv għar-reputazzjoni tar-rikorrenti kien effettivament irriżulta mill-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, dan kien diġà ġie pprovokat fil-mument tal-adozzjoni ta’ dan ir-regolament u jdum sakemm ma jiġix annullat permezz ta’ deċiżjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Novembru 2011, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T‑269/11 R, mhux ippubblikat, EU:T:2011:665, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      It-tielet nett, ir-rikorrenti tinvoka s-sensittività partikolari tas-settur tas-saħħa. Madankollu, peress li r-regolament ikkontestat ġie adottat fi tmiem ta’ proċedura amministrattiva kumplessa li damet diversi snin, li fiha ħadu sehem esperti xjentifiċi u professjonisti tas-settur ikkonċernat, is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dan ir-regolament ordnata mill-imħallef għal miżuri provviżorji fuq bażi purament provviżorja u fil-kuntest ta’ proċedura sommarja ma tantx tkun ta’ natura li tneħħi kull dubju fir-rigward tal-fondatezza tan-nuqqas ta’ perikolu tad-diflubenzuron fis-suq tal-uċuħ tar-raba’ li jittieklu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-15 ta’ Novembru 2011, Xeda International vs Il-Kummissjoni, T‑269/11 R, mhux ippubblikat, EU:T:2011:665, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-ġurisprudenza msemmija fil-punti 24 sa 27 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tispjegax sa fejn dan il-każ iċaħħad dawn il-konstatazzjonijiet mir-rilevanza tagħhom u, b’mod partikolari, hija ma tippreċiżax sa fejn sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-regolament ikkontestat tista’ ttemm il-biżgħat li setgħu jiġu ġġenerati bil-pubblikazzjoni tal-evalwazzjoni tad-diflubenzuron mill-Istat Membru relatur u mill-EFSA u l-konklużjonijiet b’mod partikolari fir-rigward tal-ġenotossiċità tal-PCA, dokumenti konsultabbli għal diversi snin.

75      Bl-istess mod, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li huwa probabbli ħafna li r-regolament ikkontestat iħalli impatt serju fuq il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti abbażi tad-diflubenzuron u jkun sors ta’ tħassib serju f’moħħ il-konsumaturi dwar s-sigurtà tiegħu, ma jirriżultax mill-elementi tal-proċess li sospensjoni provviżorja ordnata mill-imħallef għal miżuri provviżorji hija miżura li tista’ tipprekludi tali telf ta’ fiduċja. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tillimita ruħha biex issostni li, jekk iż-żamma tal-imsemmi regolament ikun awtorizzat, l-istigma marbuta mas-sustanza inkwistjoni minħabba l-limitazzjoni imposta minn dan ir-regolament tiżdied biż-żmien. Issa, kif ġie enfasizzat fil-punt 73 iktar ’il fuq, l-identifikazzjoni tal-perikolu tad-diflubenzuron fis-suq tal-uċuħ tar-raba’ li jittieklu u l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni lill-pubbliku jippreċedu l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

76      Fil-ħames u l-aħħar lok, għandu jiġi enfasizzat li, kif ġie indikat fil-punt 34 iktar ’il fuq, fil-kuntest ta’ suq irregolat ħafna, bħal dak f’dan il-każ, u li jista’ jkun is-suġġett ta’ intervent rapidu mill-awtoritajiet kompetenti fil-każ ta’ riskji għas-saħħa pubblika, għal raġunijiet li mhux dejjem ikunu prevedibbli, hija r-responsabbiltà tal-impriżi kkonċernati, ħlief li huma stess ikollhom isostnu d-dannu riżultanti minn tali intervent, li jipproteġu ruħhom kontra l-konsegwenzi ta’ dan permezz ta’ politika xierqa (ara d-digriet tas-16 ta’ Ġunju 2016, ICA Laboratories et vs Il-Kummissjoni, C‑170/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2016:462, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      F’dan il-każ, l-iktar kmieni fis-7 ta’ Settembru 2012, meta l-konklużjonijiet tal-EFSA li identifikat diffikultà ġdida, dwar l-espożizzjoni potenzjali għall-PCA bħala residwu (ara l-punt 5 iktar ’il fuq), jew, tal-inqas, fit-18 ta’ Lulju 2013, meta l-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bid-deċiżjoni li teżamina mill-ġdid l-approvazzjoni tas-sustanza inkwistjoni skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1107/2009 (ara l-punt 7 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti kellha informazzjoni li abbażi tagħha kien jiddependi mid-diliġenza tagħha sabiex tieħu l-miżuri adegwati sabiex tkopri lilha nnifisha kontra r-riskji potenzjali ta’ limitazzjonijiet tal-użu tad-diflubenzuron, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 76 iktar ’il fuq. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din it-talba għal miżuri provviżorji ma fiha ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, dawn il-kunsiderazzjonijiet flimkien huma rilevanti anki jekk jitqies, kif ir-rikorrenti ssostni, fit-talba tagħha, li kien biss minn Lulju 2015 li hija seta’ kellha raġunijiet sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-ġenotossiċità tal-metabolit.

78      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti ma stabbilixxietx il-gravità tad-dannu allegat.

 Fuq in-natura irreparabbli tad-dannu

79      Barra minn hekk, lanqas ma jidher li d-dannu allegat inkwistjoni jista’ jiġi kklassifikat bħala irreparabbli.

80      L-ewwel nett, skont ġurisprudenza stabbilita sew, dannu ta’ natura pekunjarja ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jitqies li huwa irreparabbli, peress li kumpens pekunjarju huwa, bħala regola ġenerali, ta’ natura li jreġġa’ lura lill-parti leża għas-sitwazzjoni qabel ma seħħ id-dannu. Tali ħsara tista’ tissewwa, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għad-danni mressaq taħt l-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE (ara d-digrieti tat-28 ta’ Novembru 2013, EMA vs InterMune UK et, C‑390/13 P(R), EU:C:2013:795, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni, T‑95/09 R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:124, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Fl-ipoteżi ta’ tali dannu, il-miżura provviżorja mitluba hija ġġustifikata biss jekk jidher li, fin-nuqqas ta’ tali miżura, ir-rikorrenti tkun f’sitwazzjoni li tista’ tqiegħed fil-perikolu l-eżistenza tagħha qabel ma tingħata d-deċiżjoni li ttemm il-proċedura prinċipali (digriet tat-3 ta’ Diċembru 2002, Neue Erba Lautex vs Il-Kummissjoni, T‑181/02 R, EU:T:2002:294, punt 84). Billi l-imminenza tal-għejbien tas-suq tikkostitwixxi effettivament dannu kemm irrimedjabbli kif ukoll serju, l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba tidher iġġustifikata f’ipoteżi bħal din (ara d-digriet tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni, T‑95/09 R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:124, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      F’dan il-każ, jirriżulta mill-analiżi magħmula mill-imħallef għal miżuri provviżorji fil-punti 31 sa 52 iktar ’il fuq, fir-rigward tad-dannu allegat minħabba r-riskju ta’ effett negattiv fuq id-dħul mill-bejgħ u l-profitti tagħha, li r-rikorrenti ma tinsabx f’sitwazzjoni bħal din.

83      Bl-istess mod, f’dak li jirrigwarda l-argumenti mressqa fir-rigward tal-vijabbiltà tas-sit ta’ produzzjoni li jinsab f’Ankerweg, diġà ġie konkluż li din it-talba għal miżuri provviżorji ma għandhiex elementi essenzjali bħal informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ riallokazzjoni tal-persunal ikkonċernat jew ta’ rikonverżjoni tal-proċessi tal-katina ta’ produzzjoni fi ħdan dak is-sit. Issa, tali informazzjoni hija neċessarja għall-eżami mill-imħallef għal miżuri provviżorji tan-natura irreparabbli tad-dannu allegat. Fi kwalunkwe każ, hija biss is-sopravivenza tar-rikorrenti li hija rilevanti fl-ambitu tal-evalwazzjoni tan-natura irreparabbli tad-dannu, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 81 iktar ’il fuq. Issa, kif ġie indikat fil-punt 65 iktar ’il fuq, il-biża’ tar-rikorrenti ma tikkonċernax it-tqegħid fil-perikolu tal-eżistenza tagħha, imma l-vijabbiltà ta’ sit ta’ produzzjoni.

84      It-tieni nett, kif ġie mfakkar fil-punt 58 iktar ’il fuq, għalkemm ġie ikkunsidrat ukoll il-fatt li, fl-assenza tal-miżura provviżorja mitluba, l-ishma mis-suq tar-rikorrenti jinbidlu b’mod irrimedjabbli, għandu jiġi ppreċiżat li dan il-każ ma jistax jitqiegħed fuq bażi ugwali ma’ dik tar-riskju ta’ għejbien tas-suq u jiġġustifika l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba ħlief jekk il-bidla irrimedjabbli tal-ishma mis-suq tkun ukoll ta’ natura serja. Għalhekk ma huwiex biżżejjed li sehem mis-suq jirriskja li jiġi irrimedjabbilment mitluf minn impriża, iżda jeħtieġ li dan is-sehem mis-suq ikun suffiċjentement sinjifikattiv fid-dawl, b’mod partikolari, tad-daqs ta’ din l-impriża, wara li jitqiesu l-karatteristiċi tal-grupp li miegħu hija relatata permezz tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha. Rikorrenti li tinvoka t-telf ta’ tali sehem mis-suq għandha turi, barra minn dan, li l-ostakoli ta’ natura strutturali jew legali jipprekluduha milli tikseb mill-ġdid parti kunsiderevoli ta’ dan is-sehem mis-suq (ara d-digriet tat-28 ta’ April 2009, United Phosphorus vs Il-Kummissjoni, T‑95/09 R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:124, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

85      F’dan il-każ, kien ġie konkluż li ma kinux sinjifikattivi l-ishma mis-suq li r-rikorrenti kienet qed tibża’ li titlef (ara l-punt 38 iktar ’il fuq). Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma wrietx, suffiċjentement skont il-liġi, l-eżistenza ta’ ostakoli ta’ natura strutturali jew legali li ma jippermettulhiex li tikseb mill-ġdid parti sostanzjali ta’ dan is-sehem mis-suq.

86      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel nett, li, jekk ir-rikors prinċipali jintlaqa’, kampanja ta’ reklamar ma tistax raġonevolment tippermetti li jiġi stabbilit mill-ġdid is-sehem mis-suq li hija għandha fil-preżent u hija “jkollha tegħleb il-pubbliċità negattiva” maħluqa mir-regolament ikkontestat. Hija tqis li ma hijiex f’pożizzjoni li timplimenta kampanja ta’ reklamar b’baġit kbir (jew azzjoni ekwivalenti) sabiex tiġi missielta kwalunkwe perċezzjoni negattiva peress li la hija u lanqas il-grupp kollu kemm hu li tappartjeni għalih ma għandhom mezzi suffiċjenti sabiex jiffinanzjaw attività bħal din.

87      Madankollu, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 24 sa 27 iktar ’il fuq, hija l-parti li titlob il-miżuri provviżorji lill-imħallef għal miżuri provviżorji li għandha tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għall-evalwazzjoni li għandu jagħmel b’mod partikolari fir-rigward tan-natura irreparabbli tad-dannu allegat. B’hekk, sempliċi allegazzjonijiet ma jistgħux ikunu suffiċjenti sabiex jissodisfaw dawn il-kriterji li jirriżultaw mill-ġurisprudenza. Issa, f’dan il-każ, l-ebda wieħed mid-dokumenti disponibbli għall-imħallef għal miżuri provviżorji ma jsostnu, prima facie, l-affermazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-impossibbiltà tagħha li tirkupra l-imsemmija ishma mis-suq. Ir-rikorrenti tillimita ruħha, fil-fatt, sabiex tallega diffikultajiet biex tirkupra ishma mis-suq minħabba l-eventwali telf ta’ fiduċja fil-prodotti tagħha mingħajr madankollu ma tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ostakoli ta’ natura strutturali jew ġuridika li tipprekludiha milli tikseb mill-ġdid il-fiduċja kemm fost il-klijenti tagħha kif ukoll fost il-konsumaturi u, b’hekk, tikseb mill-ġdid parti sinjfikattiva ta’ dawn l-ishma mis-suq wara l-implimentazzjoni, b’mod partikolari, ta’ miżuri adegwati ta’ reklamar magħhom (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-11 ta’ April 2001, Il-Kummissjoni vs Gerot Pharmazeutika, C‑479/00 P(R), EU:C:2001:224, punt 92). B’hekk, ir-rikorrenti sempliċement issostni purament u sempliċement l-assenza ta’ mezzi suffiċjenti kemm fir-rigward tagħha kif ukoll tal-grupp li tappartjeni għalih sabiex tiġi ffinanzjata attività bħal din.

88      Barra minn hekk, sabiex turi r-reazzjoni neċessarjament negattiva tal-klijenti, ir-rikorrenti tiddeduċi argument mill-konsegwenzi preżunti tal-komunikazzjoni ta’ posta elettronika tal-kumpannija Audax, wara l-pubblikazzjoni tar-regolament ikkontestat, li jikkonsistu fl-inklużjoni tas-sustanza inkwistjoni fil-lista negattiva għas-supermarkets li Audax issostni. Madankollu, hija lanqas ma tipprevedi il-konsegwenzi, fil-każ li jintlaqa’ r-rikors tagħha fil-kawża prinċipali, li tintbagħat posta elettronika simili sabiex l-istess klijenti jiġu mgħarrfa bl-annullament tar-regolament ikkontestat. Issa, jekk s-sempliċi fatt li tintbagħat posta elettronika bħal din jista’ jkollu l-konsegwenzi negattivi msemmija mir-rikorrenti, jidher li komunikazzjoni simili li tagħti tagħrif dwar il-fondatezza tar-rikors tar-rikorrenti jista’ jkollha konsegwenzi ta’ natura li jeliminaw l-imsemmija konsegwenzi.

89      Sussegwentement, ir-rikorrenti tqis li, anki jekk din setgħet tivvinta sustanza alternattiva ġdida, hija jkollha taffaċċja ostakoli legali u regolatorji sinjifikattivi fid-dawl tar-regoli applikabbli, bħar-rekwiżit li l-persuna għandha tippreżenta fajl xjentifiku ta’ data komplet li juri s-sigurtà tas-sustanza ta’ sostituzzjoni, l-eżami ta’ dan il-fajl u l-proċedura għall-approvazzjoni regolatorja, bit-tul totali tal-proċedura ikun ta’ madwar għaxar snin. Barra minn hekk, ir-reġistrazzjoni ta’ prodott tiswa madwar bejn EUR 1.5 u 2 miljun bħala medja, skont id-diversità tal-uċuħ tar-raba’ mixtieqa għat-tikketta tal-prodott u l-istadju taċ-ċiklu ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza(i) attiva(i) fil-prodott.

90      F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li, fid-dawl tat-tul medju tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali, id-deċiżjoni fil-mertu f’din il-kawża tingħata probabbilment fi żmien sentejn (ara, f’dan is-sens, id-digriet tal-21 ta’ Lulju 2017, Polskie Górnictwo Naftowe i Gazownictwo vs Il-Kummissjoni, T‑130/17 R, EU:T:2017:541, punt 47). Għaldaqstant, ir-rikorrenti tkun ċerta dwar il-legalità tar-regolament ikkontestat ħafna qabel iż-żmien meħtieġ għall-approvazzjoni ta’ xi sustanza alternattiva. F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma talbitx l-applikazzjoni tal-proċedura mħaffa prevista fl-Artikoli 151 et seq tar-Regoli tal-Proċedura. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3 tar-regolament ikkontestat, hija potenzjalment tibbenefika minn “perjodu ta’ grazzja” sat-8 ta’ Settembru 2018 li matulu l-Istati Membri jistgħu jżommu l-awtorizzazzjonijiet tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom id-diflubenzuron. Barra minn hekk, kif tenfasizza fit-talba tagħha, proċedura ta’ tiġdid, suġġetta għal limiti stretti ta’ żmien, għadha għaddejja u tista’ twassal, sa mis-sena 2018, għall-konklużjoni tal-assenza ta’ potenzjal ġenotossiku tal-metabolit. Fil-fehma tal-Kummissjoni, id-data tal-għeluq ta’ dik il-proċedura għandha tkun ftit qabel it-30 ta’ Ġunju 2019. Konsegwentement, l-assenza ta’ prodott alternattiv fil-portafoll ta’ sustanza tar-rikorrenti ma tidhirx li hija element rilevanti fir-rigward tan-natura irreparabbli tad-dannu allegat.

91      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti sempliċement tallega li l-effett negattiv għar-reputazzjoni tagħha huwa impossibbli li jingħeleb peress li, minn naħa, il-kumpannija omm tagħha, Platform Specialty Products, ma tista’ tagħmel xejn biex tistabbilixxi mill-ġdid r-reputazzjoni tagħha sakemm tittieħed deċiżjoni finali f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, dan it-telf ta’ reputazzjoni ma jistax jiġi kkumpensat fuq bażi purament finanzjarja u lanqas ma jista’ jiġi temporanjament mogħti lura mill-kumpannija omm tagħha. Mhux biss, kif ġie indikat fil-punt 74 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma tispeċifikax sa fejn is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba tippermetti li tingħata risposta adegwata għall-allegat ksur, iżda għal darba oħra tali affermazzjonijiet ma jwasslux għall-konvinċiment tal-imħallef għal miżuri provviżorji mingħajr elementi oħra li jappoġġaw dan, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punti 24 sa 27 iktar ’il fuq.

92      It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat, madankollu, li dannu ta’ natura finanzjarja jista’, b’mod partikolari, jitqies irreparabbli jekk dan id-dannu, anki meta dan iseħħ, ma jkunx jista’ jiġi kkwantifikat (ara d-digriet tat-28 ta’ Novembru 2013, EMA vs InterMune UK et, C‑390/13 P(R), EU:C:2013:795, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93      Ċertament, l-inċertezza marbuta mal-kumpens għad-dannu ta’ natura pekunjarja fil-kuntest ta’ rikors għad-danni eventwali ma tistax titqies, fiha nfisha, bħala ċirkustanza ta’ natura li tistabbilixxi n-natura irreparabbli ta’ dan id-dannu, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-fatt, fl-istadju ta’ miżuri provviżorji, il-possibbiltà li jinkiseb iktar tard il-kumpens għal dannu ta’ natura pekunjarja fil-kuntest ta’ rikors għad-danni eventwali, li jista’ jiġi ppreżentat wara l-annullament tal-att ikkontestat, hija neċessarjament inċerta. Issa, il-proċedura għal miżuri provviżorji ma għandhiex l-għan li tieħu post rikors għad-danni sabiex telimina din l-inċertezza, peress li l-iskop tagħha huwa biss li tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura li għandha tingħata fil-proċedura fuq il-mertu li magħha hija marbuta, jiġifieri, f’dan il-każ, rikors għal annullament (ara d-digriet tat-28 ta’ Novembru 2013, EMA vs InterMune UK et, C‑390/13 P(R), EU:C:2013:795, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94      Min-naħa l-oħra, is-sitwazzjoni hija differenti meta jkun jidher ċar, mill-evalwazzjoni magħmula mill-imħallef għal miżuri provviżorji, li d-dannu invokat, minħabba n-natura tiegħu u l-mod prevedibbli ta’ kif dan ser iseħħ, ma jkunx jista’ jiġi identifikat u kkwantifikat b’mod adegwat jekk iseħħ u li, fil-prattika, rikors għad-danni ma jkunx jista’ konsegwentement jirrimedjah (ara d-digriet tat-28 ta’ Novembru 2013, EMA vs InterMune UK et, C‑390/13 P(R), EU:C:2013:795, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95      Madankollu, f’dan il-każ, għalkemm ir-rikorrenti tqis li d-dannu allegat x’aktarx ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat, ma jirriżultax mis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha li, fid-dawl tan-natura u tal-mod prevedibbli tal-okkorrenza tiegħu, mhux ser ikun jista’ jiġi identifikat u kkwantifikat b’mod adegwat jekk iseħħ u li, fil-prattika, rikors għad-danni ma jistax konsegwentement jippermetti li dan jissewwa. Anzi għall-kuntrarju, ir-rikorrenti tippreżenta għadd ta’ elementi ta’ kontabbiltà li jippermettu, prima facie, mhux biss l-identifikazzjoni, imma anki l-kwantifikazzjoni tal-imsemmi dannu b’mod adegwat.

[omissis]

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi

101    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-bilanċ tal-interessi ma jxaqlibx favur is-sospensjoni tar-regolament ikkontestat.

102    Skont il-ġurisprudenza, ir-riskji marbuta ma’ kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli għandhom jiġu bbilanċjati fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji. B’mod konkret, dan jimplika partikolarment li għandu jiġi eżaminat jekk l-interess tal-parti li titlob il-miżuri provviżorji biex tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tal-att ikkontestat jipprevalixxix jew le fuq l-interess tal-applikazzjoni immedjata tiegħu. Matul dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk l-annullament eventwali ta’ dan l-att mill-qorti fil-mertu jippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li tkun ipprovokata bl-eżekuzzjoni immedjata tiegħu u, b’mod invers, sa liema estent is-sospensjoni tkun ta’ natura li tostakola l-għanijiet imfittxija mill-att ikkontestat fil-każ li r-rikors fil-kawża prinċipali jiġi miċħud (digriet tal-1 ta’ Marzu 2017, EMA/MSD Animal Health Innovation u Intervet international, C‑512/16 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2017:149, punt 127).

103    F’din il-kawża, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-ibbilanċjar tal-interessi jxaqleb favur tagħha billi, minn naħa, is-sustanza inkwistjoni ma tippreżentax perikolu magħruf għas-saħħa pubblika u, min-naħa l-oħra, approċċ ieħor għajr is-sospensjoni tar-regolament ikkontestat sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar il-proċedura ta’ tiġdid tas-sustanza inkwistjoni ikun sproporzjonat u jippenalizzaha bla ħtieġa peress li ż-żamma tal-imsemmi regolament twassal għall-impossibbiltà ta’ rimedju, fil-każ ta’ annullament mill-qorti fil-mertu tar-regolament ikkontestat, għall-effetti tal-implimentazzjoni immedjata ta’ dan tal-aħħar.

104    Fl-ewwel lok, f’dak li jirrigwarda l-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ perikolu għas-saħħa pubblika, ir-rikorrenti tenfasizza li s-sustanza inkwistjoni u l-prodotti tagħha ilhom fis-suq għal 40 sena u li l-ebda inċident li jolqot is-saħħa pubblika ma ġie rrapportat sal-lum wara l-kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, hija tippreċiża li d-diflubenzuron huwa awtorizzat barra mill-Unjoni. Fl-aħħar nett, hija tqis li l-kwistjonijiet imqajma mill-Kummissjoni huma iktar spekulattivi milli reali u li, konsegwentement, kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika ma jistgħux jingħataw iktar piż minn dak mogħti lid-dannu kkawżat lir-rikorrenti bir-regolament ikkontestat.

105    Mill-kontenut tal-proċess jirriżulta li r-riskji għas-saħħa tal-bniedem kienu ġew identifikati. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax tislet argument konvinċenti f’dan il-każ minħabba li s-sustanza ġiet użata b’mod sigur fl-Unjoni għal iktar minn 40 sena mingħajr qatt ma ġie rrapportat effett negattiv għas-saħħa tal-bniedem. Fil-fatt, fil-qasam ikkonċernat f’din il-kawża, żviluppi xjentifiċi ma humiex rari u dan jagħti l-opportunità sabiex jiġu evalwati mill-ġdid is-sustanzi fid-dawl ta’ għarfien ġdid u skoperti xjentifiċi. Dan huwa l-bażi tal-proċeduri ta’ tiġdid u r-raġuni ewlenija wara l-limiti taż-żmien għall-awtorizzazzjonijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni. Konsegwentement, l-eżami tal-imħallef għal miżuri provviżorji fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi għandu jkopri r-riskji li huma issa identifikati.

106    F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li d-diflubenzuron huwa sustanza kanċeroġena tal-kategorija 1B u li l-proprjetajiet ġenotossiċi tagħha kienu ġew ipprovati wara evalwazzjoni eżawrjenti magħmula mill-Istat Membru relatur, l-EFSA u l-esperti tal-Istati Membri.

107    L-pożizzjoni tar-rikorrenti li tgħid li ma hemm l-ebda riskju għas-saħħa pubblika hija bbażata prinċipalment fuq l-argumenti li hija tqajjem biex turi l-eżistenza ta’ fumus boni juris, jiġifieri, minn naħa, li d-deċiżjoni li jiġi adottat ir-regolament ikkontestat tirriżulta minn żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’attenzjoni u imparzjalità ċerti elementi ta’ informazzjoni li juri l-ineżistenza ta’ raġuni għal tħassib dwar il-ġenotossiċità tas-sustanza inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li hija ġiet imċaħħda mid-dritt li tiddefendi lilha nnifisha meta ma ngħatatx opportunitajiet biex tippreżenta osservazzjonijiet fuq ċerti dokumenti li jikkonkludu li hemm riskji għas-saħħa kkawżati mid-diflubenzuron.

108    Issa, dawn l-aspetti jaqgħu taħt l-istħarriġ tal-legalità tal-proċedura u ma jistgħux iwasslu, mingħajr provi oħra u bl-eċċezzjoni ta’ rikonoxximent reċiproku possibbli ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, lill-imħallef għal miżuri provviżorji, fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi, sabiex jikkunsidra li l-konklużjonijiet ippreżentati f’dawn id-dokumenti għandhom jipprevalu fuq l-evalwazzjonijiet preċedenti li, bħala prinċipju, huma r-riżultat ta’ analiżi ddettaljata u eżawrjenti. Ma huwiex kompitu tiegħu li fil-fatt jagħmel evalwazzjoni teknika ta’ data xjentifika li tmur lil hinn mill-kompetenza tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ partikolari, ir-riskji għas-saħħa pubblika, kif identifikati fir-regolament ikkontestat, għandhom għalhekk jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl ta’ interessi oħra involuti.

109    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma ssemmix interessi oħrajn ħlief dak li tevita li jseħħ id-dannu li r-regolament ikkontestat qed jikkawżalha. Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li, bħala regola, ir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni tas-saħħa pubblika għandhom inkontestabbilment jingħataw preċedenza fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi (ara d-digriet tal-11 ta’ April 2001, Il-Kummissjoni vs Bruno Farmaceutici et, C‑474/00 P(R), EU:C:2001:219, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tad-19 ta’ April 2012, Artegodan vs Il-Kummissjoni, C‑221/10 P, EU:C:2012:216, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li, fl-assenza ta’ kull interess ieħor li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, id-dannu allegat, li ġie wkoll stabbilit li la juri n-natura ta’ gravità meħtieġa u lanqas natura irreparabbli, ma huwiex biżżejjed biex ixaqleb il-bilanċ tal-interessi favur ir-rikorrenti sa fejn ir-riskji għas-saħħa pubblika identifikati fir-rigward tad-diflubenzuron għandhom jitqiesu bħala rrikonoxxuti (ara l-punt 105 iktar ’il fuq).

111    Fi kwalunkwe każ, anki kieku r-rikorrenti rnexxielha turi l-urġenza marbuta mal-karatteristiċi tad-dannu tagħha, dan kien ikollu jiġi evalwat ukoll fid-dawl tal-prinċipju stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita sew li l-preċedenza ta’ rekwiżiti mandatorji għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika tista’ tiġġustifika restrizzjonijiet b’konsegwenzi negattivi – anki kunsiderevoli – għal ċerti operaturi ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez, C‑570/07 u C‑571/07, EU:C:2010:300, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-kuntest, ġiet enfasizzata wkoll l-importanza li jiġi rrikonoxxut il-prinċipju ta’ prekawzjoni, jiġifieri li meta jkun hemm inċertezzi rigward l-eżistenza ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem jew dwar id-daqs ta’ dawn ir-riskji, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jadottaw miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma għandhom jistennew sakemm dawn ir-riskji jew is-severità tagħhom jidhru (ara, f’dan is-sens, id-digriet tad-19 ta’ Diċembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑426/13 P(R), EU:C:2013:848, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

112    Għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda l-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar is-sigurtà tas-sustanza inkwistjoni sabiex turi li l-kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika ma jistgħux ikollhom iktar importanza minn dawk relatati mad-dannu fil-konfront tagħha.

113    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq in-natura sproporzjonata tal-adozzjoni ta’ kwalunkwe approċċ ieħor li ma jkunx is-sospensjoni tar-regolament ikkontestat sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar il-proċedura ta’ tiġdid tas-sustanza inkwistjoni, ir-rikorrenti tfakkar li s-sustanza inkwistjoni bħalissa hija s-suġġett ta’ evalwazzjoni fl-Unjoni għall-finijiet ta’ tiġdid tal-approvazzjoni skont ir-Regolament Nru 1107/2009 (ara l-punt 8 iktar ’il fuq), li hija suġġetta għal terminu regolamentari li jiskadi fix-xahar ta’ Diċembru 2018. Hija tenfasizza li, f’dan il-kuntest, id-data dwar il-ġenotossiċità tal-PCA u, għaldaqstant, ir-riskju għall-konsumaturi qed jiġu evalwati mir-Repubblika Ellenika, bħala l-Istat Membru relatur, u tindika li r-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni se jkun magħruf f’Ottubru 2017. Hija żżid li l-istudju tat-28 ta’ Frar 2017 rrisponda għat-tħassib marbut mal-PCA (ara l-punt 47 iktar ’il fuq).

[omissis]

116    Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li dan il-każ ma jikkonċernax sitwazzjoni li teħtieġ l-irtirar immedjat tal-prodotti diflubenzuron. Minn naħa, ir-regolament ikkontestat ma jagħmel xejn ħlief li jirrestrinġi l-użu tad-diflubenzuron meta eskludih biss mis-suq tal-uċuħ tar-raba’ li jittieklu u għaldaqstant ma jipprojbixxix għalkollox l-użu tad-diflubenzuron fl-insettiċidi, li b’hekk jippermetti lir-rikorrenti li tkompli tipproduċi u tikkummerċjalizza l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom din is-sustanza għall-użu f’uċuħ tar-raba’ li ma humiex għall-ikel. Min-naħa l-oħra, ir-regolament ikkontestat jipprovdi għal perijodu ta’ grazzja li jintemm fit-8 ta’ Settembru 2018.

117    F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li jiġi ppreċiżat li l-fatt li jingħata perijodu ta’ grazzja ma jeskludix l-eżistenza ta’ riskji għas-saħħa pubblika. Fil-fatt, għalkemm l-Istati Membri ma għandhomx l-obbligu li jaġixxu qabel l-iskadenza tal-imsemmi terminu, madankollu dawn jistgħu minn issa stess jieħdu l-miżuri meħtieġa. Għalhekk, l-impożizzjoni ta’ tali terminu jippermetti ċerta protezzjoni kontra r-riskji identifikati, ħaġa li tipprekludi min-naħa l-oħra l-għoti ta’ sospensjoni tal-eżekuzzjoni. Ir-rilevanza tal-eżistenza ta’ perijodu ta’ grazzja fir-rigward tal-ibbilanċjar tal-interessi mwettaq mill-imħallef għal miżuri provviżorji tidħol fit-teħid inkunsiderazzjoni minn dan l-aħħar tal-intensità tar-riskji identifikati fir-rigward tal-importanza ta’ interessi oħra li l-protezzjoni tagħhom hija mitluba. Issa, f’dan il-każ, jirriżulta mill-analiżi tal-interessi li tipproponi r-rikorrenti, jiġifieri d-dannu li hija tibża’ li ssofri bil-fatt tal-applikazzjoni tar-regolament ikkontestat, li dawn tal-aħħar jidhru li huma ta’ intensità inqas minn dawk marbuta mas-saħħa pubblika (ara l-punti 109 sa 112 iktar ’il fuq), u dan speċjalment peress li dan il-perijodu ta’ grazzja jimminimizza r-riperkussjonijiet mhux mixtieqa tal-effetti tar-regolament ikkontestat fuq is-sitwazzjoni tar-rikorrenti.

118    Imbagħad, kif tenfasizza l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, il-proċedura ta’ tiġdid pendenti tippermetti lir-rikorrenti li tara l-interessi tagħha protetti sa fejn din tista’ tinvoka l-allegata assenza ta’ perikolu tas-sustanza inkwistjoni għas-saħħa pubblika. Issa, skont ir-rikorrenti, l-effetti ta’ dik il-proċedura pendenti jistgħu jiġu osservati diġà matul is-sena 2018.

119    Fl-aħħar nett, għalkemm ir-rikorrenti tinvoka l-eżistenza ta’ terminu regolamentari li jiskadi fix-xahar ta’ Diċembru 2018 għall-awtorizzazzjoni li minnha d-diflubenzuron jibbenefika qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, jidher mhux xieraq li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-effetti tar-regolament ikkontestat anki billi tiġi limitata għal dik id-data, sa fejn ir-riskji għas-saħħa pubblika, li l-imħallef għal miżuri provviżorji għandu jieħu inkunsiderazzjoni (ara l-punti 105 sa 108 iktar ’il fuq), ġew identifikati u meqjusa bħala li jipprevalu fuq l-interessi l-oħra mressqa mir-rikorrenti (ara l-punti 109 sa 112 iktar ’il fuq). A fortiori, il-kundizzjonament ta’ tali miżura provviżorja għal limitu ta’ żmien stabbilit għall-aħħar tal-proċedura ta’ tiġdid, kif intalab mir-rikorrenti, jirrikjedi l-istess oġġezzjonijiet sa fejn din il-proċedura, skont il-Kummissjoni, tista’ testendi ruħha sat-30 ta’ Ġunju 2019.

120    Għalhekk, minn naħa, is-sitwazzjoni li fiha tinsab ir-rikorrenti tippermettilha tkompli tikkummerċjalizza parzjalment l-prodotti tagħha bbażati fuq id-diflubenzuron (ara l-punt 116 iktar ’il fuq) u tidher qrib il-prospettiva ta’ deċiżjoni dwar it-tiġdid tal-awtorizzazzjoni miksuba qabel (ara l-punt 118 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-effetti tar-regolament ikkontestat tiżgura minn issa ċerta protezzjoni tas-saħħa pubblika kontra riskji identifikati ġodda (ara l-punt 119 iktar ’il fuq).

121    Għaldaqstant, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti dwar in-natura sproporzjonata tal-adozzjoni ta’ kwalunkwe approċċ ieħor għajr dak tas-sospensjoni tar-regolament ikkontestat sakemm tkun ittieħdet deċiżjoni finali dwar il-proċedura ta’ tiġdid tas-sustanza inkwistjoni għandhom jiġu miċħuda.

122    Fid-dawl ta’ dak li ntqal preċedentement, għandu jiġi konkluż li, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 102 iktar ’il fuq, l-ibbilanċjar tal-interessi ma jxaqlibx favur l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba.

123    Mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ fumus boni juris hijiex issodisfatta f’dan il-każ, għandu jiġi konkluż li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda billi r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi, fl-ewwel lok, li l-kundizzjoni tal-urġenza kienet ġiet issodisfatta, billi n-natura gravi u irreparabbli tad-dannu allegat hija nieqsa, u, fit-tieni lok, li l-ibbilanċjar tal-interessi jxaqleb favur tagħha.

124    Skont l-Artikolu 158(5) tar-Regoli tal-Proċedura, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI ĠENERALI

jordna:

1)      It-talba għal miżuri provviżorji hija miċħuda.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Magħmul fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ Ġunju 2018.

Reġistratur

 

Il-President

E. Coulon

 

M. Jaeger


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ dan id-digriet li l-pubblikazzjoni tagħhom il-Qorti Ġenerali tqis utli.