26.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 72/41


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Diċembru 2017 – United Parcel Service vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-834/17)

(2018/C 072/52)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: United Parcel Service, Inc. (Atlanta, Georgia, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: A. Ryan, solicitor, F. Hoseinian u W. Knibbeler, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkumpensa lil UPS għad-danni mġarrba, fl-ammont ta’ EUR 1 742 biljun u l-interessi applikabbli;

tikkumpensa lil UPS għat-taxxi li ser jiġu imposti fuq il-kumpens miksub, abbażi tar-rata tat-taxxa applikabbli fid-data li tingħata s-sentenza; u

tikundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti titlob kumpens taħt l-Artikolu 340 TFUE għat-telf imġarrab bħala konsegwenza tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 431, Każ COMP/M.6570 UPS/TNT Express (id-“Deċiżjoni”) li ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Marzu 2017 fil-Kawża T-194/13.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tiddikjara li d-Deċiżjoni hija vvizzjata bi ksur serju ta’ dispożizzjonijiet legali li huma intiżi li jagħtu drittijiet lil UPS. Skont ir-rikorrenti, kull każ ta’ ksur individwalment saħħaħ id-Deċiżjoni u waqqaf lir-rikorrenti milli jakkwista lil TNT u milli jimmaterjalizza l-benefiċċji assoċjati ma’ dik it-tranżazzjoni proposta.

Ir-rikorrenti tiddikjara li dan il-ksur huwa ksur serju tal-liġi li tirregola (1) l-analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet; (2) l-analiżi tal-effiċjenzi; (3) l-evalwazzjoni tal-kapaċità kompetittiva ta’ FedEx; u (4) l-evalwazzjoni tal-prossimità tal-kompetizzjoni magħmula fid-Deċiżjoni.

Skont ir-rikorrenti, kull ksur, ikkunsidrat individwalment jew meħudin flimkien, huwa responsabbli għad-Deċiżjoni illegali u jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-Unjoni taħt l-Artikolu 340 TFUE.

Ir-rikorrenti tiddikjara wkoll li dan il-ksur imbagħad kien ikkawża t-telf tar-rikorrenti għaliex, kieku dan il-ksur ma seħħx, UPS kienet takkwista lil TNT. Mingħajr kwalunkwe waħda mill-analiżi tal-konċentrazzjoni tal-prezzijiet, l-analiżi tal-effiċjenzi, l-evalwazzjoni tal-kapaċità kompetittiva ta’ FedEx u l-evalwazzjoni tal-prossimità tal-kompetizzjoni, li kollha kemm huma kienu żbaljati, kif tiddikjara r-rikorrenti, l-ebda amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti kienet tipprojbixxi t-tranżazzjoni proposta.

Skont ir-rikorrenti, hija għandha għalhekk titqiegħed fil-pożizzjoni li kienet tkun fiha kieku d-Deċiżjoni illegali ma kinitx adottata bħala kumpens abbażi tal-Artikolu 340 TFUE.