29.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/39


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Novembru 2017 – UR vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-761/17)

(2018/C 032/53)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: UR (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avocats)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara u tiddeċiedi li

id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-11 ta’ Awwissu 2017, meħuda wara eżami mill-ġdid, li ismu ma jiġix inkluż fil-lista ta’ riżerva tal-kompetizzjoni EPSO/AD/322/16, hija annullata;

il-Kummissjoni hija, f’kull każ, ikkundannata għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Bord tal-Ġħażla allegatament wettaq, meta qies li d-diploma tar-rikorrent ma tissodisfax waħda mill-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni għall-kompetizzjoni.

2.

It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-avviż ta’ kompetizzjoni bbażata fuq l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 27 tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, il-kundizzjoni ta’ ammissjoni kontenzjuża ma hijiex marbuta mar-rekwiżiti tal-pożizzjonijiet li għandhom jimtlew kif deskritti fl-avviż ta’ kompetizzjoni u, għaldaqstant, tmur kontra l-interess tas-servizz.

3.

It-tielet motiv, imqajjem iktar sussidjarjament, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-kriterji stabbiliti mill-Bord tal-Għażla sabiex tiġi evalwata r-rilevanza tad-diploma tar-rikorrent fir-rigward tal-kundizzjoni ta’ ammissjoni kontenzjuża ma ssemmewx, liema fatt jipprekludih milli jiżgura b’mod xieraq id-difiża tiegħu.