8.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 5/49


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2017 – UP vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-706/17)

(2018/C 005/67)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: UP (rappreżentant: M. Casado García-Hirschfeld, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat;

konsegwentement:

tannulla d-deċiżjoni tas-26 ta’ April li fiha d-DG RRHH oppona t-talba tar-rikorrenti għal żmien parzjali fuq bażi medika;

tippronunzja l-annullament, sa fejn ikun hemm bżonn, tad-deċiżjoni tat-12 ta’ Lulju 2017 li tiċħad it-talba;

tordna l-kumpens għad-dannu finanzjarju u morali ta’ dawn id-deċiżjonijiet, stmat, mingħajr preġudizzju għal evalwazzjoni mill-ġdid, għas-somma ta’ EUR 8 800;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, maqsum f’żewġ partijiet.

L-ewwel parti hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ ksur tad-dritt għal smigħ, sa fejn l-Awtorità tal-Ħatra bbażat ruħha fuq leġiżlazzjoni li tikkonċerna każijiet differenti minn dak tar-rikorrenti mingħajr ma semgħatha u lanqas ippermettietilha tressaq l-osservazzjonijiet tagħha ta’ natura li jinfluwenza il-kontenut tad-deċiżjoni inkwistjoni u, konsegwentement, kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha.

It-tieni parti hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-obbligu ta’ premura, kif ukoll fuq l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti mwettaq mill-Awtorità tal-Ħatra, sa fejn din setgħet qieset il-kumpensi għal inkapaċità mix-xogħol fid-dawl tar-regoli ġenerali ta’ rimbors tar-regoli komuni. Ir-rikorrenti tqis li ebda dispożizzjoni statutorja ma tipprekludi li l-kumpensi msemmija jistgħu jiġu akkumulati mad-dħul derivanti mill-attività professjonali tagħha, minħabba li s-sitwazzjoni medika tagħha u r-rata ta’ inkapaċità għax-xogħol tagħha ma jissodisfawx il-kriterji ta’ invalidità fuq il-livell mediku previst mir-Regolamenti tal-Persunal.