201711170471556112017/C 412/546992017TC41220171204MT01MTINFO_JUDICIAL20171011383921

Kawża T-699/17: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2017 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni


C4122017MT3810120171011MT0054381392

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2017 – Il-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-699/17)

2017/C 412/54Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1442, tal-31 ta’ Lulju 2017, li tistabbilixxi l-konklużjonijiet tal-aqwa tekniki disponibbi (BAT), skont id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għall-impjanti kbar tal-kombustjoni (notifikata bid-dokument C(2017) 5225);

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 16(4) u (5) TUE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(2) u (3) tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, anness mat-TUE u mat-TFUE, billi użat metodu mhux xieraq għall-kalkolu tal-maġġoranza kkwalifikata meta adottat id-deċiżjoni kkontestata.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(10) u (13) tad-Direttiva 2010/75/UE, moqri flimkien mal-Anness III ta’ din id-direttiva, kif ukoll id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/119/UE, billi stabbilixxiet il-BAT-AELs abbażi ta’ data mhux eżatta u mhux rappreżentattiva.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ proporzjonalità [Artikolu 5(4) TUE], moqri flimkien mal-Artikolu 191(2) TFUE, billi stabbilixxiet BAT-AELs eċċessivament għoljin li ma humiex xierqa għal, u proporzjonati, mal-ksib tal-benefiċċji u tal-għanijiet intiżi, kif ukoll naqset milli twettaq evalwazzjoni ta’ impatt fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 13(4) u (5) tad-Direttiva 2010/75/UE, moqri flimkien mal-Artikolu 3(12) ta’ din id-direttiva u mal-Artikolu 291(2) TFUE, billi eċċediet il-kompetenzi ta’ eżekuzzjoni mogħtija lilha taħt l-Artikolu 13(5) tad-Direttiva 2010/75/UE, meta introduċiet derogi mill-applikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-BAT permezz tad-deċiżjoni kkontestata pjuttost milli permezz ta’ emendi fid-Direttiva 2010/75/UE.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(3) u (4) tar-Regolament Nru 182/2011, abbużat mill-poteri tagħha, u kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi introduċiet, mingħajr ma ppermettiet diskussjoni minn qabel, emendi kunsiderevoli fl-abbozz tad-deċiżjoni kkontestata fil-jum tal-vot mill-Kumitat li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 75 tad-Direttiva 2010/75/UE fir-rigward tal-opinjoni tiegħu dwar dan l-abbozz.