|
13.11.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 382/59 |
Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Settembru 2017 – Port autonome du Centre et de l’Ouest et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-673/17)
(2017/C 382/73)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Port autonome du Centre et de l’Ouest SCRL (La Louvière, il-Belġju), Port autonome de Namur (Namur, il-Belġju), Port autonome de Charleroi (Charleroi, il-Belġju), Port autonome de Liège (Liège, il-Belġju) u Région wallonne (Jambes, il-Belġju) (rappreżentant: J. Vanden Eynde, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
|
— |
tiddikjara r-rikors ammissibbli fir-rigward ta’ kull wieħed mir-rikorrenti u, konsegwentement, tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni bir-referenza: SA. 38393 (2016CP, ex 2015/E) – Tassazzjoni tal-portijiet fil-Belġju [C(2017) 5174 finali]; |
|
— |
tiddikjara dan ir-rikors ammissibbli u fondat; |
|
— |
konsegwentement, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tqis bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern il-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet Belġjani, u b’mod partikolari l-portijiet tal-Wallonie, ma humiex suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji; |
|
— |
tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw, essenzjalment, motiv uniku. Fl-opinjoni ta’ dawn tal-aħħar, il-Kummissjoni eskludiet mill-ewwel l-Artikolu 93 TFUE li jistabbilixxi regoli speċifiċi għas-settur tat-trasport u, għaldaqstant, għall-portijiet, u b’hekk naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni r-rieda tal-leġiżlatur Ewropew.
L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata, la fil-fatt u lanqas fid-dritt, u tmur kontra l-kliem tal-Artikolu 1 tal-Kodiċi Belġjan dwar id-dħul (CIR) u l-prerogattivi tal-awtoritajiet pubbliċi li jiddefinixxu l-attivitajiet mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali.
Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni lanqas ma hija koerenti mal-Proposta għal Direttiva tas-16 ta’ Marzu 2011 (COM/2011/0121 finali) dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) li tipprevedi, anki għall-kumpanniji kummerċjali, eżenzjoni mit-taxxa fuq is-sussidji direttament relatati mal-akkwist, mal-kostruzzjoni jew mat-titjib ta’ assi fissi.
Barra minn hekk, billi tintima lill-Belġju sabiex temenda l-leġiżlazzjoni fiskali tagħha, il-Kummissjoni qegħda tipprova taqbeż il-kompetenzi fiskali tal-Istati Membri, bl-impożizzjoni ta’ armonizzazzjoni fiskali li ma taqax taħt il-kompetenza tagħha fis-sens tal-Artikolu 113 TFUE. Hija tonqos milli tieħu inkunsiderazzjoni għalhekk prerogattivi tal-Istati Membri fil-qasam ta’ definizzjoni tal-attivitajiet ta’ servizzi pubbliċi u tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tassazzjoni diretta, tal-obbligu li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-servizzi ta’ interess ġenerali (“SIĠ) neċessarji għall-koeżjoni soċjali u ekonomika kif ukoll tal-organizzazzjoni diskrezzjonali tas-SIĠ. Il-leġiżlatur Ewropew fil-fatt iddelega lill-Istati Membri l-kompetenza sabiex jeżentaw mit-taxxi l-attivitajiet li dawn tal-aħħar jiddefinixxu b’mod sovran li huma ta’ servizz pubbliku.
Skont ir-rikorrenti, l-attivitajiet essenzjali tal-portijiet interni tal-Wallonie huma SIĠ, li ma humiex irregolati, konformement mal-leġiżlazzjoni Ewropea, bir-regoli tal-kompetizzjoni.
Fl-aħħar nett, il-kriterji Ewropej għad-definizzjoni ta’ għajnuna mill-Istat ma humiex issodisfatti f’dan il-każ, b’mod partikolari l-kriterju ta’ selettività.