23.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 357/29


Rikors ippreżentat fil-5 ta’ Settembru 2017 – Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-603/17)

(2017/C 357/38)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: D. Kriaučiūnas, R. Krasuckaitė, R. Dzikovič u M. Palionis)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1144, tas-26 ta’ Ġunju 2017, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR) (1) sa fejn din tapplika fil-konfront tal-Litwanja korrezzjoni finanzjarja ta’ EUR 4 207 894,93;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

Billi applikat korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 % li tammonta għal EUR 4 207 894,93 minħabba nuqqasijet f’kontrolli ewlenin, il-Kummissjoni Ewropea (iktar il-quddiem il-“Kummissjoni”) kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (EU) Nru 1306/2013 (2) sa fejn, meta ddeċidiet dwar il-protata tan-nuqqas ta’ konformità, dwar in-natura tal-ksur u dwar id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni Ewropea:

1.

hija żbaljatament qiest li l-kwalità tal-verifiki fuq il-post imwettqa fil-Litwanja ma kinitx adegwata u kellha titqies bħala li tikkostitwixxi nuqqas f’kontroll ewlieni, għaliex:

1.1

interpretat u applikat ħażin l-Artikolu 26(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 (3) u, billi bbażat ruħha fuq din l-interpretazzjoni, b’mod mhux iġġustifikat stabbiliet li, matul il-verifiki fuq il-post, l-istituzzjonijiet Litwani kienu naqsu milli jivverifikaw jekk l-applikazzjonijiet għal ħlas imressqa mill-benefiċjarji tal-għajnuna kinux sostnuti minn dokumenti tal-kontabbiltà jew minn dokumenti xierqa oħra;

1.2.

interpretat ħażin l-Artikolu 26(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 u, billi bbażat ruħha fuq din l-interpretazzjoni, b’mod mhux iġġustifikat stabbiliet li, matul il-verifiki fuq il-post, l-istituzzjonijiet Litwani kienu naqsu milli jivverifikaw jekk l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-fondi pubbliċi kinux ġew implementati skont, b’mod partikolari, ir-regoli dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi;

1.3.

interpretat ħażin l-Artikolu 25(4) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 u, billi bbażat ruħha fuq din l-interpretazzjoni, iddeċidiet li l-ispetturi li wettqu l-verifiki fuq il-post kienu naqsu milli jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżit li jkunu indipendenti mill-ħaddiema li jwettqu l-verifiki amministrattivi tal-istess operazzjonijiet;

2.

hija żbaljatament qiest li l-kwalità tal-verifiki mwettqa dwar il-kwalità tajba tal-infiq imwettaq fil-Litwanja kellha tiqies bħala li tikkostitwixxi nuqqas f’kontroll ewlieni, għaliex

2.1.

interpretat ħażin l-Artikolu 26(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 u, billi bbażat ruħha fuq din l-interpretazzjoni, b’mod mhux iġġustifikat stabbiliet li r-raġonevolezza tal-ispejjeż li fir-rigward tagħhom tressqet applikazzjoni ma kinitx ġiet ivverifikata b’mod adegwat;

2.2.

f’kull każ, hija b’mod mhux iġġustifikat applikat korrezzjoni finanzjarja ta’ 5 %, peress li l-iskala stabbilita tan-nuqqas ta’ konformità mas-sistema għall-ivverifikar tal-validità tal-ispejjeż hija b’mod sinjifikattiv iżgħar;

3.

hija naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni d-dannu effettivament ikkawżat lill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-infiq relatat ma xogħol volontarju, u żbaljatament qieset li ma kienx hemm verifika adegwata fir-rigward ta’ jekk l-infiq għall-attività relatata ma proprjetà immobbli kienx jissodisfa r-rekwiżiti, u konsegwentement kienet żbaljata meta stabbiliet li kien hemm nuqqas f’kontroll ewlieni, għaliex:

3.1.

hija naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni b’mod xieraq d-data pprovduta mill-istituzzjonijiet Litwani fir-rigward tal-eżami ordnat mill-Aġenzija u mwettaq minn esperti indipendenti, li fil-kuntest tiegħu kien ġie stabbilit x’dannu kien ġie effettivament ikkawżat lill-fondi tal-Unjoni u x’kien l-ammont ta’dan id-dannu, kif ukoll liema dannu kien marbut ma nuqqasijiet fis-sistema ta’ verifiki ta’ kontribuzzjonijiet in natura (xogħol volontarju mhux imħallas), u b’mod mhux iġġustifikat applikat korrezzjoni finanzjarja b’rata fissa ta’ 5 %;

3.2.

hija żbaljatament qieset li l-Artikolu 24(2)(ċ) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011 ma kienx ġie osservat fil-kuntest tat-twettiq tal-verifiki amministrattivi dwar applikazzjonijiet għal għajnuna u tal-verifiki tal-infiq tal-proġett – kontribuzzjonijiet in natura (proprjetà immobbli).


(1)  ĠU 2017 L 165, p. 37.

(2)  Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549).

(3)  Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 65/2011, tas-27 ta’ Jannar 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005, dwar l-implimentazzjoni ta' proċeduri ta' kontroll kif ukoll kundizzjonalità fir-rigward ta' miżuri ta' appoġġ għall-iżvilupp rurali (ĠU 2011 L 25, p. 8).