20.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 392/32


Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2017 – Algebris (UK) et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-570/17)

(2017/C 392/42)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Algebris (UK) Ltd (Londra, ir-Renju Unit), Anchorage Capital Group LLC (New York, New York, l-Istati Uniti), Ronit Capital LLP (Londra) (rappreżentanti: T. Soames, lawyer, R. East, Solicitor, N. Chesaites, Barrister, u J. Vandenbussche, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246, tas-7 ta’ Ġunju 2017, li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni adottata mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni permezz tad-deċiżjoni SRB/EES/2017/08 tas-7 ta’ Ġunju 2017 għall-Banco Popular Español S.A. (1) kollha kemm hija, jew, sussidjarjament, l-Artikolu 1 ta’ din;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ konformità mill-Kummissjoni mal-obbligu legali tagħha li tevalwa kif xieraq, jew għal kollox, l-aspetti diskrezzjonali tal-iskema ta’ riżoluzzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ raġunijiet suffiċjenti mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata tagħha.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegat ksur mill-Kummissjoni Ewropea tal-prinċipji ta’ kunfidenzjalità u ta’ segretezza professjonali, kuntrarjament għall-Artikolu 339 TFUE u għall-Artikolu 88(1) tal-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 (2) u għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’dan il-mod, dan naqas milli jirrispetta d-dritt tar-rikorrenti għal amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea fl-applikazzjoni tal-Artikoli 14, 18, 20, 21, 22 u 24 tar-Regolament Nru 806/2014.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li l-evalwazzjoni tal-Banco Popular, li kienet il-bażi għall-azzjoni ta’ riżoluzzjoni li ttieħdet taħt l-iskema ta’ riżoluzzjoni, ma kinitx ġusta, prudenti jew affidabbli u kienet inkonsistenti mal-“prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur għall-agħar”; dan għalhekk ma kienx jikkostitwixxi prova preċiża u affidabbli u konsistenti li fuqha tista’ tibbaża l-iskema ta’ riżoluzzjoni; u ma kinitx kapaċi ssostni d-deċiżjoni kkontestata. Barra minn hekk u għall-istess raġunijiet, l-iskema ta’ riżoluzzjoni (u għalhekk id-deċiżjoni) kienet manifestament sproporzjonata billi tmur lil hinn mill-miżuri neċessarji għall-ksib tal-għanijiet tar-riżoluzzjoni.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, mill-iskema ta’ riżoluzzjoni hekk kif approvata mid-deċiżjoni kkontestata.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq l-allegat ksur tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti, hekk kif stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minħabba li l-iskema ta’ riżoluzzjoni ġiet adottata u approvata mill-Kummissjoni Ewropea.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1246, tas-7 ta’ Ġunju 2017, li tapprova l-iskema ta’ riżoluzzjoni għall-Banco Popular Español S.A. (notifikata bid-dokument C(2017) 4038) (ĠU 2017, L 178, p. 15).

(2)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2014, li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010.