16.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/34


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2017 – Haswani vs Il-Kunsill

(Kawża T-477/17)

(2017/C 347/43)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: George Haswani (Yabroud, is-Sirja) (rappreżentant: G. Karouni, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850, tas-27 ta’ Mejju 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/840, tas-27 ta’ Mejju 2016, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/917, tad-29 ta’ Mejju 2017, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/907, tad-29 ta’ Mejju 2017, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1245, tal-10 ta’ Lulju 2017, li timplimenta d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja;

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1241 tal-10 ta’ Lulju 2017, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja;

konsegwentement,

tordna t-tneħħija ta’ isem George Haswani mill-Annessi tal-atti msemmiija hawn fuq;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 100 000 għad-dannu morali tar-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tiegħu kif ukoll għal dawk sostnuti mir-rikorrent, li jirriżerva li jiġġustifikahom matul il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li jirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Ir-rikorrent jikkritika lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li kkuntenta ruħu b’kunsiderazzjonijiet vagi u ġenerali mingħajr ma semma, b’mod speċifiku u konkret, ir-raġunijiet li għalihom, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ta’ evalwazzjoni tiegħu, huwa jqis li r-rikorrent għandu jiġi suġġett għall-miżuri restrittivi inkwistjoni. Għaldaqstant, ma ġie invokat ebda element konkret u oġġettiv li bih huwa kkritikat ir-rikorrent u li jista’ jiġġustifika l-miżuri inkwistjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità fil-ksur tad-drittijiet fundamentali. Ir-rikorrent iqis li l-miżuri kontenzjużi jridu jkunu invalidi sa fejn dawn ikunu sproporzjonati fir-rigward tal-għan indikat, u jkunu jikkostitwixxu interferenza eċċessiva fil-libertà ta’ intrapriża u fid-dritt għall-proprjetà, sanċiti rispettivament fl-Artikoli 16 u 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-isproporzjon jirriżulta mill-fatt li l-miżuri jirrigwardaw kull attività ekonomika influwenti mingħajr ebda kriterju ieħor.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq l-assenza ta’ prova, sa fejn il-Kunsill, fil-motivazzjonijiet suċċessivi tiegħu insostenn għall-miżuri restrittivi, ibbaża ruħu fuq elementi li jsofru manifestament mill-assenza ta’ bażi fattwali, bil-fatti invokati jkunu nieqsa minn bażi serja.

4.

Ir-raba’ motiv, dwar it-talba għal kumpens, sa fejn l-imputazzjoni ta’ ċerti fatti gravi li ma ngħatatx prova tagħhom tesponi lir-rikorrent kif ukoll lil familtu għal xi perikli, u dan juri l-portata tad-dannu sostnut li jiġġustifika t-talba tiegħu għal kumpens.