17.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 231/41


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2017 – Transdev et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-291/17)

(2017/C 231/50)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Transdev (Issy-les-Moulineaux, Franza), Transdev Ile de France (Issy-les-Moulineaux), Transports rapides automobiles (TRA) (Villepinte, Franza) (rappreżentant: F. Salat-Baroux, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

prinċipalment, tippronunzja l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-2 ta’ Frar 2017, dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (ex 2012/NN) eżegwiti minn Franza favur impriżi tat-trasport bix-xarabank fir-reġjun ta’ Île-de-France, sa fejn fl-Artikolu 1 hija tiddikjara li l-iskema ta’ għajnuna reġjonali ġiet eżegwita “b’mod illegali”, filwaqt li din kienet skema ta’ għajnuna eżistenti;

sussidjarjament, tippronunzja l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-2 ta’ Frar 2017, dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (ex 2012/NN) eżegwiti minn Franza favur impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-reġjun ta’ Île-de-France, sa fejn fl-Artikolu 1 tagħha din tiddikjara li l-iskema ta’ għajnuna reġjonali ġiet eżegwita b’mod illegali għall-perijodu ta’ qabel il-25 ta’ Novembru 1998;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, imqajjem b’mod prinċipali, ibbażat fuq il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna reġjonali inkwistjoni ma ġietx implementata b’mod illegali, peress li din ma kinitx suġġetta għall-obbligu ta’ komunikazzjoni minn qabel. L-iskema ta’ għajnuna reġjonali fil-fatt hija skema ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 108(1) TFUE u tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(b) u tal-Kapitolu VI tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 2015/1589”). Skont ir-regoli applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, l-implementazzjoni tagħhom ma hijiex illegali, peress li l-Kummissjoni tista’ biss tippreskrivi, jekk ikun il-każ, miżuri utli intiżi li jġiegħluhom jevolvu jew jgħibu għall-ġejjieni.

2.

It-tieni motiv, imqajjem b’mod sussidjarju, ibbażat fuq il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna reġjonali ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna eżistenti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata b’illegalità meta qieset li l-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin kien ġie interrott minn rikors ippreżentat fl-2004 mis-Syndicat autonome des transporteurs de voyageurs (iktar ’il quddiem is-“SATV”) quddiem il-qorti nazzjonali. Fil-fatt, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2015/1589 jipprovdi li l-perijodu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin jiġi interrott biss permezz ta’ miżura meħuda mill-Kummissjoni jew Stat Membru, li jaġixxi fuq it-talba tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti jsostnu li l-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti nazzjonali mis-SATV ma jikkostitwixxix miżura li tinterrompi l-perijodu ta’ preskrizzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.