19.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/33


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ April 2017 – Argus Security Projects vs Il-Kummissjoni u EUBAM

(Kawża T-206/17)

(2017/C 195/46)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Argus Security Projects Ltd (Limassol, Ċipru) (rappreżentanti: T. Bontinck u A. Guillerme, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni Ewropea, Missjoni tal-Unjoni Ewropea ta’ Assistenza għall-Fruntieri fil-Libja (EUBAM)

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-EUBAM Libya, tal-24 ta’ Jannar 2017, li tissostitwixxi d-deċiżjoni inizjali tas-16 ta’ Frar 2014 li ma tilqax l-offerta sottomessa mill-kumpannija Argus fil-kuntest ta’ sejħa għal offerti dwar il-provvista ta’ servizzi ta’ sigurtà fil-kuntest tal-missjoni ta’ assistenza tal-Unjoni Ewropea għal ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-Libja (kuntratt EUBAM-13-020) u li tagħti l-kuntratt lil Garda;

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 966/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1), tar-regoli stabbiliti fid-dokumenti tal-kuntratt għall-għoti tal-kuntratt, b’mod partikolari l-punti 4.1 u 12.1 tal-istruzzjonijiet lill-offerenti, u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti u ta’ nondiskriminazzjoni. Dan il-motiv jinqasam fi tliet partijiet:

l-ewwel parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ mobilizzazzjoni tar-riżorsi tekniċi u operattivi konformi mal-kliem tal-kuntratt;

it-tieni parti, ibbażata fuq l-assenza ta’ mobilizzazzjoni tar-riżorsi umani konformi mal-kliem tal-kuntratt;

it-tielet parti, ibbażata fuq in-natura artifiċjali tal-pjan ta’ mobilizzazzjoni u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-esperjenza tal-passat tal-offerenti f’ambjenti ostili.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-modifika sostanzjali tal-kundizzjonijiet inizjali tal-kuntratt u fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet:

l-ewwel parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni tar-riżorsi umani;

it-tieni parti, ibbażata fuq l-evalwazzjoni tar-riżorsi tekniċi u tal-pjan ta’ mobilizzazzjoni.