|
22.5.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 161/39 |
Rikors ippreżentat fil-5 ta’ April 2017 – Alfa Laval Flow Equipment (Kunshan) vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-204/17)
(2017/C 161/55)
Lingwa tal-kawża: l-Isvediż
Partijiet
Rikorrenti: Alfa Laval Flow Equipment (Kunshan) Co. Ltd (Kunshan, Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina) (rappreżentanti: A. Johansson u C. Dackö, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
|
— |
tannulla parzjalment ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/141, tas-26 ta’ Jannar 2017, li jimponi dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni) sa fejn dan jirrigwarda tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx bi ħruxija medja (Ra) tal-wiċċ intern tat-tubu u pajp tal-azzar li ma jissaddadx ta’ inqas minn 0,8 mikrometri, iżda mhux fuq in-naħa esterna; |
|
— |
sussidjarjament, tannulla ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni sa fejn jirrigwarda lir-rikorrenti; |
|
— |
iktar sussidjarjament, tannulla ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni fl-intier tiegħu; u |
|
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċedura. |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.
|
1. |
L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża. Ir-rikorrenti ssostni li l-ambitu tal-prodott tal-investigazzjoni nbidel bejn id-dokument finali ta’ divulgazzjoni rrivedut u l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, għad-detriment tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni sussegwentement spjegat li bidla materjali kienet ġiet prevista. Ir-rikorrenti ma ngħatatx l-opportunità tagħti l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-bidla qabel id-dħul fis-seħħ tar-regolament. Ir-rikorrenti ssostni li, fl-ebda stadju tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni ma informat lill-partijiet ikkonċernati li, sabiex tiġi evitata fir-rigward tal-prodotti l-applikazzjoni tad-dazji doganali, ir-rekwiżit tal-ħruxija tal-wiċċ seta’ japplika kemm għall-uċuħ interni u għal dawk esterni tal-prodotti, b’deroga mill-istandards Ewropej tal-prodotti għal tagħmir sanitarju. Għalhekk, ir-rikorrenti kellha l-aspettattiva leġittima li l-esklużjoni tal-prodott jikkorrispondi għall-għan iddikjarat tal-esklużjoni ta’ tagħmir sanitarju, u b’dan il-mod kienet miċħuda minn kull opportunità konkreta li tikkummenta dwar l-ambitu tal-esklużjoni tal-prodott. |
|
2. |
It-tieni motiv ibbażat fuq allegat nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li fl-ebda stadju ma ngħataw raġunijiet għad-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn tagħmir sanitarju li għandu ħruxija tal-wiċċ intern ta’ inqas minn 0,8 mikrometri u dak li għandu ħruxija tal-wiċċ estern ta’ iktar minn 0,8 mikrometri, minn naħa, u tagħmir sanitarju li għandu kemm ħruxija tal-wiċċ intern kif ukoll ħruxija tal-wiċċ estern ta’ inqas minn 0,8 mikrometri, min-naħa l-oħra. Ir-rikorrenti ssostni li l-introduzzjoni ta’ tali distinzjoni tfisser li r-raġunijiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-esklużjoni tal-prodott huma mingħajr loġika u ma humiex konsistenti mad-definizzjoni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. |
|
3. |
It-tielet motiv ibbażat fuq allegat nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ eżami bir-reqqa u b’imparzjalità tal-aspetti rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Ir-rikorrenti ssostni li d-distinzjoni mwettqa bejn it-tagħmir sanitarju differenti ma jidhirx li kienet ippreċeduta minn eżami bir-reqqa iżda tidher li hija r-riżultat biss ta’ talba mhux sostanzjata mressqa minn parti involuta fi stadju ħafna iktar tard tal-investigazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li, bin-nuqqas ta’ investigazzjoni ulterjuri tal-konsegwenzi ta’ tali distinzjoni u ta’ kif taffettwa t-twettiq tal-għan indikat fil-premessi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, il-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-fatti rilevanti. |
|
4. |
Ir-raba’ motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta, bl-intenzjoni li teskludi tagħmir sanitarju li ma huwiex f’kompetizzjoni mat-tagħmir industrjali tal-industrja tal-Unjoni Ewropea, stabbilixxiet il-kriterji ta’ esklużjoni li waslu għall-esklużjoni ta’ parti żgħira biss mit-tagħmir użat ġewwa l-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, il-parti l-kbira tat-tagħmir sanitarju huwa għalhekk suġġett għal dazji doganali minkejja li ma huwiex f’kompetizzjoni mal-prodotti tal-industrja tal-Unjoni Ewropea. Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wasslet għal konklużjonijiet żbaljati mid-dokumenti irċevuti u bbażat ruħha wkoll fuq informazzjoni żbaljata. |