19.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/32


Rikors ippreżentat fit-3 ta’ April 2017 – GY vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-203/17)

(2017/C 195/45)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: GY (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Tiddikjara u tiddeċiedi li:

id-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni EPSO/AD/293/14 tat-23 ta’ Diċembru 2016 li r-rikorrent ma jiġix ammess għaċ-ċentru ta’ evalwazzjoni, hija annullata;

il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas somma stmata ex aequo et bono għal EUR 5 000 għad-dannu morali mġarrab;

il-Kummissjoni Ewropea, fi kwalunkwe każ, hija kkundannata għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni min-naħa tal-Bord tal-Għażla sa fejn huwa ma żvelax lir-rikorrent il-kriterji ta’ evalwazzjoni li huwa adotta sabiex jeżegwixxi s-sentenza tal-20 ta’ Lulju 2016, GY vs Il-Kummissjoni, F-123/15, EU:F:2016:160.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-avviż tal-kompetizzjoni min-naħa tal-Bord tal-Għażla sa fejn huwa rrestrinġa arbitrarjament l-evalwazzjoni tiegħu tal-esperjenza professjonali tar-rikorrent billi bbaża ruħu biss, fir-rigward ta’ tliet mistoqsijiet, fuq it-tul ta’ din l-esperjenza.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni li jivvizzjaw b’illegalità d-deċiżjoni li jingħatawlu biss 17-il punt minn 56 (filwaqt li l-limitu minimu kien iffissat għal 22 punt).