22.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/34


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2017 – PlasticsEurope vs ECHA

(Kawża T-185/17)

(2017/C 161/48)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: PlasticsEurope (Brussell, il-Belġju) (rappreżentanti: R. Cana, E. Mullier u F. Mattioli, avukati)

Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi

Talbiet

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla d-deċiżjoni tal-ECHA, ippubblikata fit-12 ta’ Jannar 2017, li tinkludi l-Bisphénol A fil-lista tas-sustanzi kandidati inkwantu sustanza ta’ tħassib serju ħafna, skont l-Artikolu 59 tar-Regolament REACH;

tikkundanna lill-ECHA għall-ispejjeż, u

tieħu kull miżura oħra li titlob il-liġi.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur mid-deċiżjoni kkontestata tal-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament REACH.

Id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (ĠU 2006 L 396, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament REACH”) sa fejn l-użi intermedji huma eżenti mit-Titolu VII kollu, skont l-Artikolu 2(8)(b) tar-Regolament REACH u ma jaqgħu la taħt l-Artikoli 57 u 59, u lanqas taħt l-awtorizzazzjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur mid-deċiżjoni kkontestata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn l-inklużjoni ta’ użu intermedji fil-lista tas-sustanzi kandidati teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan segwit u ma hijiex il-miżura l-inqas oneruża li setgħet tirrikorri għaliha l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni li hija kellha fid-dispożizzjoni tagħha u li kienet turi l-użi ta’ BPA bħala sustanza intermedja.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni magħmula disponibbli fil-fajl Anness XV għal BPA skont ir-Regolament REACH.