22.5.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/30


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Marzu 2017 – RW vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-170/17)

(2017/C 161/43)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: RW (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Tiddeċiedi u tiddikjara li:

id-deċiżjoni tat-2 ta’ Marzu 2017 li permezz tagħha r-rikorrent ġie rtirat b’mod mhux volontarju b’effett mill-1 ta’ Ġunju 2017, hija annullata;

il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur manifest tal-Artikoli 47 u 52 tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn ir-rikorrent ma kienx għadu laħaq l-età tal-irtirar b’mod mhux volontarju fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 42ċ tar-Regolamenti tal-Persunal, sa fejn il-konvenuta qieset li din id-dispożizzjoni kienet applikabbli għall-uffiċjali li, minkejja li jkunu laħqu l-età tal-irtirar (jiġifieri li jkunu jistgħu jitolbu li jirtiraw mingħajr tnaqqis tad-drittijiet tal-pensjoni tagħhom), madankollu ma jkunux l-età li fiha l-Awtorità tal-Ħatra tkun obbligata li tirtirhom (b’mod mhux volontarju).

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni sa fejn il-konvenuta ma pprovdiet l-ebda indikazzjoni suffiċjenti li tippermetti lir-rikorrent jew lill-Qorti Ġenerali sabiex tistħarreġ il-fondatezza tad-dikjarazzjoni li hija wettqet analiżi approfondit tal-ħtiġijiet tad-dipartimenti l-oħra tal-Kummissjoni, li skontu hija waslet għall-konklużjoni li ma setgħetx tiġi prevista l-okkupazzjoni mir-rikorrenti ta’ post ġdid f’wieħed mid-dipartimenti tagħha li jikkorrispondi mal-kompetenzi attwali tar-rikorrent.