24.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/28


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Marzu 2017 – Argus Security Projects vs Il-Kummissjoni u SEAE

(Kawża T-131/17)

(2017/C 129/42)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Argus Security Projects Ltd (Limassol, Ċipru) (rappreżentanti: T. Bontinck u A. Guillerme, avukati)

Konvenuti: Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni ta’ tpaċija tal-Kummissjoni li tammonta għal EUR 52 600 li tinsab fl-ittra tagħha tat-13 ta’ Frar 2017;

tannulla d-deċiżjoni ta’ tpaċija tal-Kummissjoni, li qed taġixxi f’isem il-kontabbilista tas-SEAE, li tammonta għal EUR 41 522, li tinsab fl-ittra tagħha tal-15 ta’ Frar 2017;

tannulla d-deċiżjoni ta’ tpaċija tal-Kummissjoni, li qed taġixxi f’isem il-kontabbilista tas-SEAE, li tammonta għal EUR 6 324, li tinsab fl-ittra tagħha tat-28 ta’ Frar 2017;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea u lis-SEAE għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”. Skont ir-rikorrenti l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet ta’ tpaċija unilaterali bħalma huma d-deċiżjonijiet ikkontestati, f’kuntest kuntrattwali u meta l-parti kontraenti l-oħra ressqet rikors għal responsabbiltà kuntrattwali quddiem il-qorti indikata bħala kompetenti mill-kuntratt, għandha titqies illegali u kuntrarja għall-Artikolu 47 tal-Karta.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) sabiex jadottaw deċiżjonijiet ta’ tpaċija f’kuntest kuntrattwali. Il-konvenuti marru lil hinn mis-setgħat tagħhom billi użaw setgħat unilaterali biex jgħalqu tilwima kuntrattwali u għaldaqstant id-deċiżjonijiet ikkontestati għandhom jiġu annullati minħabba nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tagħhom.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”). Ir-rikorrenti tqis li, ladarba l-proċeduri quddiem il-qorti Belġjana għadhom pendenti, il-kontabbilista tal-Kummissjoni ma setgħax legalment iqis li l-kreditu inkwistjoni kien ċert, ta’ ammont fiss u eżegwibbli. Għaldaqstant, dan il-kreditu ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 80 tar-Regolament finanzjarju u konsegwentement ma setgħax jiġi mpaċi.