18.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 121/47


Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Frar 2017 – Consorzio IB Innovation vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-126/17)

(2017/C 121/68)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: Consorzio IB Innovation (Bentivoglio, l-Italja) (rappreżentanti: A. Masutti u P. Manzini, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tikkonstata li l-Kummissjoni interpretat u applikat b’mod żbaljat il-GA CONTAIN u l-GA ICARGO billi aċċettat ir-rapport tal-awditur fir-rigward tal-aspetti kollha enfasizzati fir-rikors;

tikkonstata konsegwentement li r-rikorrent interpreta u applika b’mod korrett il-GA CONTAIN u l-GA ICARGO;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jaqa’ fil-kuntest tal-kwistjoni marbuta mal-Kawża T-84/17, Consorzio IB Innovation vs Il-Kummissjoni. Dak ir-rikors ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Novembru 2016 tad-Direttorat Ġenerali tar-Riċerka u tal-Innovazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (ARES 2016 – 6711369), li permezz tagħha dan tal-aħħar qies li l-IBI kellu jħallas lura s-somma ta’ EUR 294 925,43fir-rigward tal-kuntratt Nru 261679-CONTAIN u s-somma ta’ EUR 155 482,91fir-rigward tal-kuntratt Nru 288383-ICARGO, kif ukoll jivverifika l-eżistenza ta’ żbalji sistematiċi relatati ma’ numru ta’ kuntratti sussegwenti.

Ir-rikorrent jikkontesta l-interpretazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni tal-kuntratti inkwistjoni.

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-interpretazzjoni żbaljata u kontradittorja tal-kunċetti ta’ “benefiċjarji” u ta’ “terzi” bi ksur tal-Grant Agreements (iktar ’il quddiem il-“GA”) u tal-General Conditions (iktar ’il quddiem il-“GC”) li jinsabu fl-Anness II tal-General Agreements.

Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li konsorzju ma huwiex entità unika, iżda grupp ta’ impriżi jew “entità kollettiva”, u li la fil-GA u lanqas fil-GC, li jinsabu fl-Anness II tagħhom, ma hemm iddikjarat li impriża inkluża f’konsorzju hija terz fir-rigward tal-benefiċjarju tal-GA jekk iż-żewġ persuni jkollhom personalita ġuridika differenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tal-GA CONTAIN u tal-Artikolu 9 tal-GA ICARGO mwettqa mill-awditur u mill-Kummissjoni fir-rigward tad-dritt applikabbli għal tali kuntratti u l-applikazzjoni ta’ regoli mhux kuntrattwali u legalment mhux vinkolanti.

Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li r-rapport tal-awditur, aċċettat mill-Kummissjoni, huwa bbażat fuq interpretazzjoni tal-GA li la ma hija sostnuta mit-test tagħhom u lanqas mir-regoli ġuridiċi applikabbli għalihom. Għall-kuntrarju, dan ir-rapport huwa bbażat unikament fuq “manwal ta’ istruzzjonijiet” ippreparat mis-servizzi tal-Kummissjoni. Dan id-dokument, redatt unilateralment, ma jistax jieħu preċedenza fuq ir-regoli miftehma bejn il-partijiet.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu II.15.2.c tal-Anness II tal-GA CONTAIN u ICARGO.

Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li s-sistema ta’ kontabbiltà tal-ispejjeż indiretti relatati ma’ ċerti konsulenti in-house tal-IBI li użaw it-telexogħol ma tistax titqies bħala korretta.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li t-talba għar-reviżjoni tal-kuntratti mhux suġġetti għall-awditu ma hija bbażata fuq ebda klawżola kuntrattwali.

Ir-rikorrent isostni f’dan ir-rigward li bl-ebda mod ma huwa ċar liema mill-klawżoli kuntrattwali tal-GA ICARGO u CONTAIN, inklużi l-annessi kollha tagħhom, tippermetti lill-Kummissjoni titlob lill-IBI verifika preċiża u ddettaljata tal-ftehimiet li fihom ipparteċipa l-IBI fil-kuntest tas-Seba’ programm qafas. Fil-fatt, il-Kummissjoni titlob lill-IBI, billi tibbaża ruħha fuq il-preżunzjoni li l-iżbalji kkonstatati fl-awditu huma sistematiċi, jindika jekk il-lista hijiex kompleta u, jekk ikun il-każ, jikkompleta din il-lista bil-proġetti nieqsa, kif ukoll jivverifika jekk tali żbalji sistematiċi jinsabux fir-rapporti finanzjarji relatati ma’ dawk il-proġetti.