18.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 121/43


Rikors ippreżentat fit-18 ta’ Frar 2017 – Jiangsu Seraphim Solar System vs Il-Kummissjoni Ewopea

(Kawża T-110/17)

(2017/C 121/63)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Jiangsu Seraphim Solar System Co. Ltd (Changzhou, iċ-Ċina) (rappreżentant: Y. Melin, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2146, tas-7 ta’ Diċembru 2016, li jirtira l-aċċettazzjoni tal-impenn għal żewġ produtturi esportaturi skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/707/UE li tikkonferma l-aċċettazzjoni ta’ impenn offrut b’rabta mal-proċedimenti ta’ antidumping u antisussidji li jikkonċernaw l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi bis-silikon kristallin u l-komponenti ewlenin (jiġifieri ċ-ċelloli) li joriġinaw jew jintbagħtu mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina għall-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ miżuri definittivi (ĠU 2016, L 333, p. 4), sa fejn dan jirrigwarda lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni, kif ukoll lil kull parti li tiġi awtorizzata tintervjeni insostenn tal-Kummissjoni matul il-proċedura, għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed.

Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 8(1), (9) u (10) u l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (EU) 2016/1036 (1), u l-Artikolu 13(1), (9) u (10) u l- Artikolu 16(5) tar-Regolament (EU) 2016/1037 (2), meta ddikjarat li l-fatturi ta’ impenn ma kinux validi u sussegwentement ordnat lill-awtoritajiet doganali sabiex jimponu d-dazji kollha, bħallikieku l-ebda fattura valida ta’ impenn ma nħarġet u ma ntbagħtet lill-awtoritajiet doganali fil-mument tad-dikjarazzjoni għar-rilaxx tal-oġġetti f’ċirkulazzjoni libera.

Ir-rikorrenti tibbaża dan il-motiv fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013 (3), u tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013 (4), li jagħtu lill-Kummissjoni s-setgħa li tiddikjara li fatturi ta’ impenn huma invalidi.


(1)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).

(2)  Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55).

(3)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1238/2013, tat-2 ta’ Diċembru 2013, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 1).

(4)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1239/2013, tat-2 ta’ Diċembru 2013, li jimponi dazju kumpensatorju definittiv fuq importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw jew li huma kkunsinnati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU 2013, L 325, p. 66).