18.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 121/39


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Frar 2017 – Apple Distribution International vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-101/17)

(2017/C 121/58)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Apple Distribution International (Cork, l-Irlanda) (rappreżentanti: S. Schwiddessen, H. Lutz, N. Niejahr, u A. Patsa, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2042 tal-1 ta’ Settembru 2016;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll l-ispejjeż tar-rikorrenti fir-rigward ta’ din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva

L-ewwel nett, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 2(1) u (2) kif ukoll l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva billi kkonstatat li l-pajjiż ta’ oriġini prinċipali ma japplikax għat-taxxa fuq il-films. It-tieni nett, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva billi kkunsidrat li dan l-artikolu jippermetti lill-Istati Membri li jimponu kontribuzzjonijiet finanzjarji għall-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej fuq fornituri ta’ video fuq talba li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 110 TFUE

Il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 110 TFUE billi kkonstatat li l-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-films għal fornituri ta’ video fuq talba li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra ma hijiex diskriminatorja.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 56 TFUE

Il-Kummissjoni Ewropea naqset milli teżamina jekk l-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-films għal fornituri ta’ video fuq talba li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra tiksirx l-Artikolu 56 TFUE.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tad-Direttiva 98/34/KE

Il-Kummissjoni Ewropea naqset milli teżamina jekk l-applikazzjoni tat-taxxa fuq il-films għal fornituri ta’ video fuq talba li huma stabbiliti fi Stati Membri oħra rrikjedietx notifika taħt id-Direttiva 98/34/KE.