3.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/53


Rikors ippreżentat fl-20 ta’ Jannar 2017 – DQ et vs Il-Parlament

(Kawża T-38/17)

(2017/C 104/74)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: DQ u tlettax-il parti oħra (rappreżentant: M. Casado García Hirschfeld, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tiddikajara r-rikors odjern ammissibbli;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ħlas ta’ EUR 92 200 għad-danni materjali kkawżati;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż kollha marbuta mar-rikors odjern.

Motivi u argumenti prinċipali

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq diversi nuqqasijiet u omissjonijiet li twettqu mill-amministrazzjoni tal-konvenut u li taw lok għad-dannu materjali subit mir-rikorrenti, senjatament l-ispejjeż kollha tal-avukat kif esposti fil-kuntest tat-talba tagħha għal assistenza li tressqet fl-24 ta’ Jannar 2014 abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq aġir irregolari, b’mod partikolari korruzzjoni li tippreġudika l-interessi tal-Unjoni fil-proċeduri tal-għażla tal-kandidati, abbużiv u intimidanti min-naħa tal-kap tal-unità tar-rikorrenti fl-eżerċizzju ta’ kuljum tal-attivitajiet tagħhom.

3.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq id-dannu naxxenti minn dan l-aġir fir-rigward tad-dinjità tar-rikorrenti, kif ukoll fir-rigward tal-integrità psikika u fiżika tagħhom li ppreġudika l-karrieri professjonali u l-ħajja familjati tagħhom.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq id-dannu materjali reali u attwali li batew ir-rikorrenti u li huwa marbut mill-qrib mal-malevolenza li wera l-Parlament fil-konfront tagħhom, kif ukoll mal-passi numerużi li huma kellhom jadottaw, b’mod partikolari fir-rigward tan-neċessità li jirrikorru għall-parit ta’ avukat.

5.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq l-assenza ta’ reazzjoni mis-superjuri ġerarkiċi tar-rikorrenti minkejja l-urġenża u l-gravità tal-fatti allegati minn dawn tal-aħħar. Ir-rikorrenti jqisu b’mod partikolari li dawn iċ-ċirkustanzi kellhom jipprovokaw aġir min-naħa tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom b’tali mod li jwaqqfu:

l-attivitajiet illegali;

l-aġir abbużiv u intimidanti tal-kap tal-unità tagħhom kif ukoll it-terminu mhux raġjonevoli tal-amministrazzjoni sabiex tadotta miżuri;

il-kundizzjonijiet diffiċli tax-xogħol tagħhom, li setgħu jevitaw l-intervent kontinwu tal-avukat tagħhom.

6.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ċirkustanzi eċċezzjonali li rrendew neċessarju u anki indispensabbli l-intervent ta’ avukat bil-għan li jiġu ppreżervati d-drittijiet tar-rikorrenti u li tinkiseb azzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fil-kuntest tal-allegazzjonijiet tagħhom ta’ fastidju morali u sesswali li huwa kellhom jiffaċċjaw. L-intervent tal-avukat tagħhom kien iġġustifikat ukoll sabiex tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità tax-xhieda tagħhom, u jiġu protetti mill-inkonsistenzi legali u negliġenzi tas-superjuri ġerarkiċi tagħhom, u dan, bil-għan li jintemmu l-kundizzjonijiet inaċċettabbli tax-xogħol tagħhom.