27.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/40


Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Jannar 2017 – Mellifera vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-12/17)

(2017/C 063/52)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Mellifera eV, Vereinigung für wesensgemäße Bienenhaltung (Rosenfeld, il-Ġermanja) (rappreżentant: A. Willand, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares(2016)6306335, tat-8 ta’ Novembru 2016, innotifikata lir-rikorrenti fil-11 ta’ Novembru 2016;

tordna lill-Kummissjoni tiddeċiedi mill-ġdid fil-mertu t-talba tar-rikorrenti sabiex isir eżami mill-ġdid intern tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1056 f’dak li għandu x’jaqsam mal-estensjoni tal-perjodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat”;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 (1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament u l-Konvenzjoni ta’ Aarhus (2)

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-estensjoni tal-perijodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat” tikkostitwixxi att amministrattiv li jista’ jiġi eżaminat mill-ġdid skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 (3)

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma kellhiex is-setgħa testendi l-perijodu ta’ approvazzjoni tas-sustanza attiva “glifosat” fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni, ladarba din ma kinitx, f’dan il-każ, applikabbli.


(1)  Regolament (KE) no 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU 2006, L 264, p. 13).

(2)  Konvention KEE/ONU dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali.

(3)  Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Ottubru 2009, dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1).