SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

24 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Għajnuna mill-Istat – Konċessjoni ta’ awtostrada b’tariffa tat-triq – Liġi li tipprevedi eżenzjoni mit-tariffi tat-triq għal ċerti vetturi – Kumpens mogħti lill-konċessjonarju mill-Istat Membru abbażi tat-telf ta’ dħul – Tariffi tat-triq virtwali – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Drittijiet proċedurali tal-partijiet interessati – Obbligu tal-Kummissjoni li teżerċita viġilanza partikolari – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Vantaġġ – Titjib tas-sitwazzjoni finanzjarja mistennija tal-konċessjonarju – Kriterju tal-operatur privat f’ekonomija tas-suq – Artikolu 107(3)(a) TFUE – Għajnuna mill-Istat bi skop reġjonali”

Fil-Kawża T‑778/17,

Autostrada Wielkopolska S.A., stabbilita f’Poznań (il-Polonja), irrappreżentata minn O. Geiss, D. Tayar u T. Siakka, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati, K. Herrmann u S. Noë, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Rzotkiewicz, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/556 tal‑25 ta’ Awwissu 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35356 (2013/C) (ex 2013/NN, ex 2012/N) mogħtija mill-Polonja lil Autostrada Wielkopolska (ĠU 2018, L 92, p. 19),

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni (Relatur), President, L. Madise u R. da Silva Passos, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Ġunju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza ( 1 )

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Kuntest

1

Fl‑10 ta’ Marzu 1997, wara sejħa għal offerti, ir-Repubblika tal-Polonja tat konċessjoni lir-rikorrenti, Autostrada Wielkopolska S.A., sabiex tibni u topera l-parti tal-awtostrada A 2 li tinsab bejn Nowy Tomyśl (il-Polonja) u Konin (il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“parti kkonċernata tal-awtostrada A 2”) għal perijodu ta’ erbgħin sena.

2

Bis-saħħa tal-kuntratt ta’ konċessjoni ffirmat fit‑12 ta’ Settembru 1997, ir-rikorrenti impenjat ruħha li tikseb, bi spejjeż u b’riskji għaliha, finanzjamenti esterni sabiex tibni u topera l-parti kkonċernata tal-awtostrada A 2 u li tibbenifika, bħala korrispettiv, mid-dritt li tirċievi t-tariffi tat-triq imħallsa mill-utenti tal-awtostrada. Dan il-kuntratt kien jippermettilha wkoll li żżid ir-rati tat-tariffi sabiex timmassimizza d-dħul tagħha fil-limitu tat-tariffi massimi ddefiniti skont il-kategorija ta’ vetturi.

3

Wara l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea fl‑2004, ir-Repubblika tal-Polonja kellha tittrasponi fid-dritt Pollakk id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 372). L-Artikolu 7(3) ta’ din id-direttiva jipprevedi li t-tariffi tat-triq u l-ħlasijiet għall-użu tat-triq ma jistgħux jiġu imposti fl-istess ħin għall-użu tal-istess sezzjoni ta’ triq.

4

Konsegwentement, il-Parlament Pollakk adotta l-ustawa o zmianie ustawy o autostradach płatnych oraz o Krajowym Funduszu Drogowym oraz ustawy o transporcie drogowym (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Awtostradi bi Ħlas u l-Fond Nazzjonali tat-Toroq u l-Liġi dwar it-Trasport bit-Triq) tat‑28 ta’ Lulju 2005 (Dz. U. Nru 155, pożizzjoni 1297) (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005”). Din il-liġi eliminat l-intaxxar doppju ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu tal-istess sezzjoni ta’ triq. Għaldaqstant, mill‑1 ta’ Settembru 2005, il-vetturi ta’ merkanzija tqila li għandhom vinjetta (tariffa għall-użu tat-toroq) għall-użu tat-toroq nazzjonali fil-Polonja ġew eżentati mit-tariffi tat-triq fuq l-awtostradi koperti minn kuntratti ta’ konċessjoni.

5

Skont il-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005, il-konċessjonarji kellhom jiġu kkumpensati mill-Fond Nazzjonali tat-Toroq għat-telf ta’ dħul ikkawżat mill-eżenzjoni ta’ tariffi tat-triq. Din il-liġi kienet tipprovdi li l-konċessjonarji kellhom dritt għal rimbors ta’ ammont ekwivalenti għal 70 % tal-prodott miksub billi jiġi mmultiplikat in-numru reali ta’ vjaġġi ta’ vetturi ta’ merkanzija tqila mgħammra b’vinjetta bir-rata tat-tariffa tat-triq virtwali nnegozjata mal-konċessjonarji għal kull kategorija ta’ vettura b’merkanzija tqila. It-tnaqqis għal 70 % stabbilit mill-imsemmija liġi kien intiż sabiex jikkumpensa għaż-żieda prevista tat-traffiku ta’ vetturi b’merkanzija tqila fuq dawn l-awtostradi wara l-eżenzjoni tat-tariffi tat-triq. Il-liġi inkwistjoni kienet tipprevedi wkoll li r-rati tat-tariffi tat-triq virtwali ma setgħux jaqbżu r-rati reali applikati għall-kategorija ta’ vetturi korrispondenti. Fl-aħħar nett hija ppreċiżat li l-metodu ta’ kumpens kellu jiġi ddeterminat f’kull wieħed mill-kuntratti ta’ konċessjoni.

6

Fir-rigward tar-rikorrenti, il-metodu ta’ kumpens u r-rati tat-tariffi virtwali ġew iffissati, wara negozjati mal-awtoritajiet Pollakki, fl-Anness 6 tal-kuntratt ta’ konċessjoni (iktar ’il quddiem l-“Anness 6”), adottat fl‑14 ta’ Ottubru 2005.

[omissis]

14

Permezz ta’ ittra tat‑28 ta’ Novembru 2007, il-Generalna Dyrekcja dróg krajowych i autostrad (id-Direttorat Ġenerali tat-Toroq Nazzjonali u tal-Awtostradi, il-Polonja) għarraf lir-rikorrenti li, minħabba dubji dwar l-eżattezza tal-ipoteżijiet adottati għall-ħtiġijiet tal-Anness 6, huwa ma aċċettax il-proposta għar-reviżjoni tar-rati tat-tariffa tat-triq virtwali. Minkejja din l-ittra, ir-rikorrenti kompliet tirċievi ħlasijiet kull xahar abbażi tat-tariffa tat-triq virtwali, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi anness. Sussegwentement, fit‑13 ta’ Novembru 2008, il-Ministru għall-Infrastruttura Pollakk iddikjara li kien ser jevita l-effett ta’ dan l-anness, fejn afferma b’mod partikolari li kien ikkonkludieh bi żball.

15

Skont ir-Repubblika tal-Polonja, ir-rikorrenti ssopravalutat l-IRR tal-mudell ta’ ġbir effettiv tal-ħlas billi użat previżjonijiet skaduti dwar it-traffiku u d-dħul. Ir-rikorrenti użat l-istudju dwar it-traffiku u d-dħul imwettaq mill-kumpannija ta’ konsulenza Wilbur Smith Associates (WSA) fl‑1999 (iktar ’il quddiem l-“istudju WSA tal‑1999”) filwaqt li kien disponibbli studju iktar riċenti, ta’ Ġunju 2004 (iktar ’il quddiem l-“istudju WSA tal‑2004”). Skont ir-rapport tal‑24 ta’ Settembru 2010 ordnat mill-Ministeru tal-Infrastruttura Pollak u mwettaq mill-kumpannija PricewaterhouseCoopers (iktar ’il quddiem ir-“rapport PwC”), l-applikazzjoni tal-ipoteżijiet ta’ traffiku u ta’ dħul li jinsabu fl-istudju WSA tal‑2004 minflok dawk li jinsabu fl-istudju WSA tal‑1999 kellha l-effett li tnaqqas l-IRR fil-mudell ta’ ġbir effettiv tal-ħlas minn 10.77 % għal 7.42 %.

16

Għalhekk, fl-opinjoni tal-Ministru għall-Infrastruttura Pollakk, ir-rikorrenti rċeviet ammont ta’ kumpens eċċessiv abbażi tat-tariffa tat-triq virtwali. Peress li r-rikorrenti rrifjutat li tirrimborsa l-ħlas żejjed mitlub mir-Repubblika tal-Polonja, l-imsemmi ministru talab il-ftuħ ta’ proċedura ġudizzjarja intiża għall-irkupru ta’ dan il-ħlas żejjed.

17

Fl-istess ħin, ir-rikorrenti kkontestat ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni tal-Anness 6 billi ressqet il-kawża quddiem tribunal ta’ arbitraġġ. Permezz ta’ sentenza tal‑20 ta’ Marzu 2013, it-tribunal ta’ arbitraġġ iddeċieda favur ir-rikorrenti billi kkonstata li l-imsemmi anness kien validu u li r-Repubblika tal-Polonja kellha tosserva d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-anness. Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2018, is-Sąd Okręgowy w Warszawie, I Wydział Cywilny (il-Qorti Reġjonali ta’ Varsavja, l-Ewwel Sezzjoni Ċivili, il-Polonja) ċaħdet ir-rikors tal-Ministru għall-Infrastruttura Pollakk kontra s-sentenza tat-tribunal ta’ arbitraġġ tal‑20 ta’ Marzu 2013. Din is-sentenza kienet is-suġġett ta’ proċedura ta’ appell, li hija pendenti quddiem is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell ta’ Varsavja, il-Polonja).

[omissis]

Il-proċedura amministrattiva u d-deċiżjoni kkontestata

19

Fil‑31 ta’ Awwissu 2012, ir-Repubblika tal-Polonja nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea b’miżura li kienet tikkonsisti fl-għoti lir-rikorrenti ta’ kumpens finanzjarju, fil-forma ta’ tariffa tat-triq virtwali, minħabba t-telf ta’ dħul ikkawżat mil-Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005.

[omissis]

21

Fil‑25 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/556 tal‑25 ta’ Awwissu 2017 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.35356 (2013/C) (ex 2013/NN, ex 2012/N) mogħtija mill-Polonja lil Autostrada Wielkopolska (ĠU 2018, L 92, p. 19, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

[omissis]

38

Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jgħid is-segwenti:

“Artikolu 1

Il-kumpens żejjed għall-perjodu bejn l‑1 ta’ Settembru 2005 u t‑30 ta’ Ġunju 2011 li jammonta għal [EUR 223.74 miljun], li ngħata [mir-Repubblika tal-Polonja lir-rikorrenti] abbażi tal-[Liġi tat‑28 ta’ Lulju 2005] jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat.

Artikolu 2

L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1 hija illegali għaliex ingħatat bi ksur tan-notifika u l-obbligi ta’ sospensjoni li joħorġu mill-Artikolu 108(3) tat-Trattat.

Artikolu 3

L-għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 1 hija inkompatibbli mas-suq intern.

Artikolu 4

1.   [Ir-Repubblika tal-Polonja] għandha tirkupra l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 mingħand il-benefiċjarju […]”

[omissis]

Id-dritt

[omissis]

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt ta’ assoċjazzjoni mal-proċedura amministrattiva

46

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha għal smigħ ġust, il-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tagħha. B’mod iktar preċiż, hija tqis li ġiet imċaħħda mill-possibbiltà li tipparteċipa fil-proċedura ta’ investigazzjoni formali b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ.

[omissis]

51

Skont ġurisprudenza stabbilita sew, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża fil-proċeduri kollha mibdija kontra persuna u li jistgħu jwasslu għal att li jikkawżalha preġudizzju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea u għandu jiġi żgurat anki fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni speċifika (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52

Madankollu, il-proċedura amministrattiva relatata mal-għajnuna mill-Istat hija miftuħa biss kontra l-Istat Membru kkonċernat. Konsegwentement, l-impriżi benefiċjarji mill-għajnuna jitqiesu biss li huma “partijiet interessati” f’din il-proċedura u ma jistgħux jippretendu li huma stess jipparteċipaw fi proċedura kontenzjuża mal-Kummissjoni, bħal dik miftuħa għall-benefiċċju tal-imsemmi Stat Membru (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Din il-konklużjoni tapplika wkoll jekk l-Istat Membru kkonċernat u l-impriżi benefiċjarji mill-għajnuna jista’ jkollhom interessi differenti fil-kuntest ta’ tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53

Huwa b’dan il-mod li l-ġurisprudenza essenzjalment tagħti lill-partijiet interessati r-rwol ta’ sorsi ta’ informazzjoni għall-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva mibdija skont l-Artikolu 108(2) TFUE. Minn dan isegwi li l-partijiet interessati mhux talli ma jistgħux jinvokaw id-drittijiet tad-difiża mogħtija lill-persuni li kontrihom tinfetaħ proċedura, iżda għandhom biss id-dritt li jiġu assoċjati mal-proċedura amministrattiva b’mod adegwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 108(2) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar proġett ta’ għajnuna, hija għandha tagħti l-possibbiltà lill-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Din ir-regola għandha n-natura ta’ formalità essenzjali fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07, EU:C:2008:709, punt 55). Fir-rigward ta’ dan id-dmir, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali kien jikkostitwixxi mezz adegwat sabiex il-partijiet interessati kollha jsiru jafu dwar il-ftuħ ta’ proċedura, filwaqt li jiġi ppreċiżat li din il-komunikazzjoni kienet intiża biss sabiex tinkiseb, min-naħa tal-partijiet interessati, l-informazzjoni kollha intiża sabiex il-Kummissjoni tifhem kif għandha timxi iktar ’il quddiem (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, T‑103/14, EU:T:2016:152, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 659/1999, id-deċiżjoni ta’ ftuħ għandha tiġbor fil-qosor il-punti rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi, tinkludi evalwazzjoni preliminari tal-Kummissjoni u tindika r-raġunijiet li jqiegħdu fid-dubju l-kompatibbiltà tal-miżura mas-suq intern. Peress li l-proċedura ta’ investigazzjoni formali għandha l-għan li tippermetti lill-Kummissjoni li tapprofondixxi u tiċċara l-kwistjonijiet imqajma fid-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura, b’mod partikolari billi tiġbor l-osservazzjonijiet tal-Istat Membru kkonċernat u tal-partijiet interessati l-oħra, jista’ jagħti l-każ li matul l-imsemmija proċedura elementi ġodda jiġu f’idejn il-Kummissjoni u li b’hekk l-analiżi tagħha tevolvi. F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li d-deċiżjoni finali tal-Kummissjoni tista’ tippreżenta ċerti diverġenzi mid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali, mingħajr ma dawn jivvizzjaw din id-deċiżjoni finali (sentenza tat‑2 ta’ Lulju 2015, Franza u Orange vs Il‑Kummissjoni, T‑425/04 RENV u T‑444/04 RENV, EU:T:2015:450, punt 134).

56

Madankollu, huwa neċessarju li l-Kummissjoni, mingħajr ma tkun obbligata tippreżenta analiżi kompluta fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni, tiddefinixxi b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, sabiex ma tirrendix mingħajr skop id-dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet (sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2006, Kuwait Petroleum (Nederland) vs Il‑Kummissjoni, T‑354/99, EU:T:2006:137, punt 85). Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari ddeċidiet li, meta s-sistema legali li taħtha Stat Membru wettaq notifika ta’ proġett ta’ għajnuna tinbidel qabel ma l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha, din tal-aħħar għandha, sabiex tiddeċiedi, kif għandha l-obbligu li tagħmel, abbażi tar-regoli ġodda, titlob lill-partijiet interessati li jieħdu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna ma’ dawn tal-aħħar (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2008, Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07, EU:C:2008:709, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ġie deċiż ukoll li huwa biss fl-ipoteżi fejn il-Kummissjoni tinduna, wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din tal-aħħar hija bbażata fuq fatti inkompleti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika żbaljata ta’ dawn il-fatti, li hija għandu jkollha l-possibbiltà jew l-obbligu li taġġusta l-pożizzjoni tagħha, billi tadotta deċiżjoni ta’ rettifika jew deċiżjoni ta’ ftuħ ġdida, sabiex tippermetti lill-partijiet interessati jippreżentaw effettivament l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, huwa biss meta l-Kummissjoni tibdel ir-raġunament tagħha, wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni, fuq fatti jew klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti li huma determinanti fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ għajnuna jew dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern, li hija għandha tirrettifika d-deċiżjoni ta’ ftuħ jew testendiha, sabiex tippermetti lill-partijiet interessati jippreżentaw effettivament l-osservazzjonijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2019, UPF vs Il‑Kummissjoni, T‑747/17, EU:T:2019:271, punt 77).

57

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandu jiġi eżaminat l-ewwel motiv tar-rikors.

58

Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, din il-kawża hija differenti mill-biċċa l-kbira tal-kawżi relatati mal-għajnuna mogħtija mill-Istati, peress li r-Repubblika tal-Polonja, li kellha interessi mhux biss diverġenti, iżda wkoll opposti għal dawk tar-rikorrenti, sostniet matul il-proċedura amministrattiva li l-miżura nnotifikata, sa fejn kienet ippermettiet lir-rikorrenti li tibbenefika minn kumpens eċċessiv, kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern. F’dan il-kuntest, kien partikolarment importanti li l-Kummissjoni tqiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tkun tista’ tippreżenta effettivament osservazzjonijiet sabiex tiżgura li l-informazzjoni li tista’ turi li l-miżura nnotifikata ma kinitx għajnuna mill-Istat jew ma kinitx għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq intern setgħet tinġieb għall-attenzjoni tal-Kummissjoni. Dan l-obbligu proċedurali huwa meħtieġ iktar u iktar peress li r-rikorrenti kellha d-dritt li tibbenefika minn kumpens minħabba l-eżenzjoni tat-tariffi tat-triq fuq is-sezzjoni kkonċernata tal-awtostrada A 2 u peress li tilwima kontra r-Repubblika tal-Polonja dwar il-portata ta’ dan il-kumpens kienet pendenti quddiem il-qrati nazzjonali. F’tali sitwazzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tkun partikolarment viġilanti fir-rigward tal-osservanza tad-dritt tar-rikorrenti li tiġi assoċjata mal-proċedura amministrattiva.

59

Issa, għalkemm il-Kummissjoni ppubblikat id-deċiżjoni ta’ ftuħ fil-Ġurnal Uffiċjali u stiednet lir-rikorrenti sabiex tippreżenta osservazzjonijiet f’din l-okkażjoni, sussegwentement, hija ma qegħditx lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet matul it-tliet snin li ppreċedew id-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, mill-premessi 8 sa 13 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti fis‑7 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni kellha diversi skambji mar-Repubblika tal-Polonja mingħajr ma r-rikorrenti ġiet assoċjata mal-proċedura. B’mod partikolari, il-Kummissjoni bagħtet l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti lir-Repubblika tal-Polonja fis‑26 ta’ Novembru 2014 u rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar fit‑23 ta’ Frar 2015. Sussegwentement hija talbet informazzjoni supplimentari mir-Repubblika tal-Polonja permezz ta’ ittri tas‑26 ta’ Ġunju 2015 u tal‑20 ta’ April 2016, li din tal-aħħar irrispondiet għalihom permezz ta’ ittri tal‑10 u tas‑17 ta’ Lulju 2015 u tat‑18 ta’ Mejju 2016. Fl-aħħar nett, fis‑7 ta’ Diċembru 2016, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Pollakki pparteċipaw f’telekonferenza, u sussegwentement il-Kummissjoni għamlet talba mill-ġdid għal informazzjoni supplimentari mir-Repubblika tal-Polonja, li din tal-aħħar bagħtet fit‑23 ta’ Mejju 2017.

60

Fiċ-ċirkustanzi partikolari mfakkra fil-punt 58 iktar ’il fuq, fid-dawl tat-tul u tal-intensità tal-iskambji li saru mar-Repubblika tal-Polonja wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, il-Kummissjoni kienet obbligata terġa’ tqiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni li tippreżenta osservazzjonijiet. Billi ma inkludietx lir-rikorrenti fil-proċedura amministrattiva b’mod adegwat wara li rċeviet l-osservazzjonijiet tagħha tas‑7 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ma wrietx il-viġilanza partikolari li hija kellu jkollha f’dan il-każ.

61

Madankollu, il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tinkludi lir-rikorrenti fl-iskambji li saru mar-Repubblika tal-Polonja wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ, minkejja li huwa ta’ dispjaċir, ma huwiex ta’ natura li jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata peress li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, fl-assenza ta’ tali ommissjoni, l-analiżi ġuridika adottata mill-Kummissjoni f’din l-aħħar deċiżjoni ma setgħetx tkun differenti.

62

Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fl‑20 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali d-deċiżjoni ta’ ftuħ u stiednet lill-partijiet interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-miżura nnotifikata, ħaġa li r-rikorrenti għamlet fis‑7 ta’ Ottubru 2014.

63

Għandu jiġi kkonstatat, f’dan ir-rigward, li d-deċiżjoni ta’ ftuħ issemmi, b’mod suffiċjentement preċiż, il-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti f’dan il-każ, tinkludi evalwazzjoni preliminari u tesponi r-raġunijiet li jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tiddubita l-metodu ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lir-rikorrenti, il-livell tal-imsemmi kumpens u l-kompatibbiltà tal-miżura nnotifikata mas-suq intern. Id-deċiżjoni ta’ ftuħ tindika b’mod partikolari, fil-premessi 76 sa 78 tagħha, l-ewwel nett, li d-dubji tal-Kummissjoni kienu b’mod partikolari jirrigwardaw l-IRR tal-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq, it-tieni nett, li, skont ir-Repubblika tal-Polonja, ir-rikorrenti kienet użat studju fuq il-previżjonijiet ta’ traffiku u ta’ dħul mill‑1999 minflok studju iktar reċenti tal‑2004 u, it-tielet nett, li, għalkemm l-IRR tal-mudell ta’ ġbir effettiv tat-tariffa tat-triq kienet ogħla mill-IRR tal-proġett qabel l-introduzzjoni tas-sistema ta’ tariffa tat-triq virtwali, dan irriżulta f’kumpens żejjed.

64

It-tieni nett, mill-atti tal-proċess jirriżulta li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ma bbażatx ruħha fuq fatti jew fuq klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti, li huma determinanti għall-analiżi ġuridika tagħha fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 56 iktar ’il fuq, li ma ssemmewx fid-deċiżjoni ta’ ftuħ jew li ġew ikkomunikati mir-Repubblika tal-Polonja wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ.

65

It-tielet nett, l-argument tar-rikorrenti li l-provi prodotti fil-kuntest tal-arbitraġġ kien jistħoqqilhom li jiġu eżaminati mill-Kummissjoni matul il-fażi amministrattiva tal-proċedura għandu jiġi miċħud, peress li r-rikorrenti ma tispeċifikax in-natura tal-elementi inkwistjoni u, barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet debitament informata bl-eżistenza u bil-kontenut tas-sentenza tat-tribunal ta’ arbitraġġ, kif jirriżulta mill-premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata u mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tas‑7 ta’ Ottubru 2014.

[omissis]

69

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ddefiniet b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-eżami tagħha fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura u, billi għamlet hekk, tat lir-rikorrenti l-opportunità li tibgħatilha l-informazzjoni utli kollha dwar il-fatti u l-klassifikazzjoni ġuridika ta’ dawn il-fatti, li huma determinanti fid-deċiżjoni kkontestata. Minn dan jirriżulta wkoll li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, ma huwiex stabbilit li, kieku l-Kummissjoni ppermettiet lil din tal-aħħar li tippreżenta mill-ġdid osservazzjonijiet minħabba l-iskambji mar-Repubblika tal-Polonja li saru wara d-deċiżjoni ta’ ftuħ tal-proċedura, dan seta’ jkollu effett fuq l-analiżi ġuridika adottata fid-deċiżjoni kkontestata, b’tali mod li tali ommissjoni ma hijiex ta’ natura li twassal għall-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni.

70

Għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

[omissis]

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Autostrada Wielkopolska S.A. hija kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

 

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Ottubru 2019.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l‑Ingliż.

( 1 ) Qed jiġu riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis utli għall-pubblikazzjoni.