SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
17 ta’ Marzu 2021 ( *1 )
“Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti – Sustanza attiva flupirsulfuron‑metil – Nuqqas ta’ tiġdid tal-inklużjoni fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 540/2011 – Proċedura ta’ evalwazzjoni – Proposta ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanza attiva – Prinċipju ta’ prekawzjoni – Drittijiet tad-difiża – Ċertezza legali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Proporzjonalità – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Aspettattivi leġittimi”
Fil-Kawża T‑719/17,
FMC Corporation, stabbilita f’Philadelphia, Pennsylvania (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Waelbroeck, I. Antypas u A. Accarain, avukati,
rikorrenti
vs
Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn X. Lewis, G. Koleva u I. Naglis, bħala aġenti,
konvenuta
li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1496 tat‑23 ta’ Awwissu 2017 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva DPX KE 459 (flupirsulfuron‑metil), skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 (ĠU 2017, L 218, p. 7).
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn D. Spielmann, President, O. Spineanu‑Matei u R. Mastroianni (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑30 ta’ Ġunju 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża
|
1 |
Is-sustanza attiva DPX KE 459 (flupirsulfuron‑metil) (iktar ’il quddiem il-“FPS”) tintuża bħala erbiċida selettiva b’azzjoni mifruxa, irreġistrata għal użu fuq diversi uċuħ tar-raba’ taċ-ċereali. |
|
2 |
Il-FPS ġiet inkluża fl-Anness I tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal‑15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol 11, p. 332), permezz tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2001/49/KE tat‑28 ta’ Ġunju 2001 li temenda l-Anness I mad-Direttiva 91/414 biex jinkludu d-DPX KE 459 (il-flupirsulfuron-metil) bħala sustanza attiva (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 32, p. 487). |
|
3 |
Is-sustanzi attivi inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 huma meqjusa approvati bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU 2009, L 309, p. 1), u huma elenkati fil-Parti A tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal‑25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU 2011, L 153, p. 1, rettifika fil-ĠU 2012, L 26, p. 38). L-approvazzjoni tal-FPS, hekk kif tirriżulta mill-inklużjoni tagħha fl-imsemmi anness, kienet tiskadi fit‑30 ta’ Ġunju 2018. |
|
4 |
Fil‑25 ta’ Marzu 2011, DuPont de Nemours (Deutschland) GmbH, sussidjarja Ġermaniża tal-grupp DuPont de Nemours (iktar ’il quddiem “DuPont”), applikat, skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1107/2009, għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS. Din l-applikazzjoni għal tiġdid ġiet ippreżentata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1141/2010 tas‑7 ta’ Diċembru 2010 li jistabbilixxi l-proċedura għat-tiġdid tal-inklużjoni tat-tieni grupp ta’ sustanzi attivi fl-Anness I għad-Direttiva tal-Kunsill 91/414 u li jistabbilixxi l-lista ta’ dawk is-sustanzi (ĠU 2010 L 322, p. 10), fit-terminu previst minn dan l-artikolu. |
|
5 |
Ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tad-Danimarka ġew rispettivament innominati Stat Membru relatur (iktar ’il quddiem “SMR”) u Stat Membru korelatur sabiex iwettqu, f’isem l-Unjoni Ewropea, l-evalwazzjoni tar-riskji assoċjati mal-FPS fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni ta’ din is-sustanza. |
|
6 |
F’Settembru 2013, is-SMR ikkonkluda l-eżami tiegħu tal-fajl ta’ tiġdid ippreżentat minn DuPont f’Marzu 2011, ikkompletat b’fajl addizzjonali f’Mejju 2012, u ħareġ abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni tat-tiġdid għall-FPS (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni tat-tiġdid”). Huwa kkonstata li l-fajl ta’ tiġdid kien komplet. Huwa rrakkomanda t-tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS |
|
7 |
Fis‑27 ta’ Settembru 2013, intbagħtet kopja tar-rapport ta’ evalwazzjoni tat-tiġdid lil DuPont u lill-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel (EFSA). Fit‑2 ta’ Ottubru 2013, l-EFSA bdiet il-proċedura inter pares billi bagħtet ir-rapport ta’ evalwazzjoni tat-tiġdid lil DuPont u lill-Istati Membri għal konsultazzjoni. Dawn tal-aħħar ġew mistiedna jagħmlu osservazzjonijiet fuqu f’terminu ta’ xahrejn. |
|
8 |
Fit‑3 ta’ Diċembru 2013, DuPont ippreżentat lill-EFSA, fit-terminu mogħti, l-osservazzjonijiet tagħha fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni tat-tiġdid. |
|
9 |
Wara eżami tal-osservazzjonijiet rċevuti fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni tat-tiġdid, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħti mandat lill-EFSA sabiex twettaq konsultazzjoni minn esperti fl-oqsma tat-tossikoloġija fil-mammiferi, tad-destin u tal-imġiba ambjentali kif ukoll tal-ekotossikoloġija. |
|
10 |
Waqt il-laqgħa inter pares li nżammet fis‑16 ta’ Mejju 2014, l-esperti tal-EFSA u tal-Istati Membri eżaminaw l-istudji disponibbli fuq it-tossiċità tal-FPS fil-mammiferi. Abbażi ta’ effetti epatiċi ambigwi osservati fi studju fit-tul fil-ġrieden, il-maġġoranza tal-esperti inkarigati mill-inter pares iddeċidiet li tipproponi, b’rabta mal-perikli li l-FPS tippreżenta, li din tiġi kklassifikata bħala sustanza karċinoġenika tal-kategorija 2. |
|
11 |
Sussegwentement, waqt it-tfassil definittiv tal-konklużjonijiet xjentifiċi tagħha dwar l-evalwazzjoni tar-riskji tal-FPS (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet tal-EFSA”), l-EFSA pproponiet li l-FPS tiġi kklassifikata wkoll bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2. Din il-proposta kienet ibbażata fuq riżultati ambigwi miksuba fi studju fuq l-iżvilupp tal-far (dewmien fl-ossifikazzjoni tal-għadma hyoid). |
|
12 |
Filwaqt li rrikonoxxiet li l-klassifikazzjoni tal-perikli kienet formalment deċiża mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU 2008 L 353, p. 1, rettifika fil-ĠU 2011, L 16, p. 1, fil-ĠU 2016, L 80, p. 48, fil-ĠU 2016, L 349, p. 1 u fil-ĠU 2019, L 117, p. 8), l-EFSA identifikat, abbażi tal-proposta tagħha ta’ klassifikazzjoni tal-FPS, żewġ “kwistjonijiet ta’ tħassib maġġuri”:
|
|
13 |
L-EFSA stiednet lill-Istati Membri jagħmlu osservazzjonijiet fuq il-proposta ta’ klassifikazzjoni tal-FPS bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2 kif ukoll fuq iż-żewġ “kwistjonijiet ta’ tħassib maġġuri” identifikati fuq din il-bażi. |
|
14 |
Fl-osservazzjonijiet tagħhom, ċertu numru ta’ Stati Membri esprimew dubji dwar il-proposta tal-EFSA li l-FPS tiġi kklassifikata bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2 kif ukoll dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-proposta ta’ klassifikazzjoni tal-EFSA. |
|
15 |
L-EFSA ppubblikat il-konklużjonijiet xjentifiċi tagħha dwar il-FPS fis‑6 ta’ Novembru 2014. Hija żammet il-proposta tagħha ta’ klassifikazzjoni u qieset prevedibbli li l-FPS ma tissodisfax il-kriterji ta’ approvazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009. Insostenn ta’ din il-konklużjoni, l-EFSA identifikat erba’ “kwistjonijiet ta’ tħassib maġġuri”:
|
|
16 |
Barra minn hekk, l-EFSA identifikat “lakuna fid-data” inkwantu ebda evalwazzjoni tal-espożizzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art ma kienet disponibbli għal żewġ metaboliti oħra tal-FPS (IN‑JE127 u IN‑KF311). |
|
17 |
Fit‑2 ta’ Diċembru 2014, DuPont bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha hija indikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-konklużjonijiet tal-EFSA u, b’mod partikolari, opponiet għall-proposta tal-EFSA ta’ klassifikazzjoni tal-FPS. Barra minn hekk, DuPont esprimiet in-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-fatt li l-EFSA, minkejja li kienet espressament eskludiet azzjoni fuq is-sistema endokrinali, kienet madankollu iddefinixxiet il-FPS bħala interferent endokrinali potenzjali abbażi tal-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali previsti mir-Regolament Nru 1107/2009. |
|
18 |
Abbażi tal-konklużjonijiet tal-EFSA, il-Kummissjoni ppubblikat abbozz ta’ rapport ta’ eżami dwar il-FPS fit‑18 ta’ Marzu 2015, li fih hija pproponiet li tirtira l-approvazzjoni tal-FPS. Il-proposta tagħha kienet ibbażata fuq tliet kwistjonijiet ta’ tħassib maġġuri, jiġifieri:
|
|
19 |
Fl-istess jum, il-Kummissjoni informat lil DuPont li diskussjonijiet interni kienu għadhom għaddejjin fi ħdanha dwar il-proposta ta’ klassifikazzjoni tal-EFSA u, konsegwentement, dwar il-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali. |
|
20 |
Fit‑8 ta’ April 2015, DuPont bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha hija indikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-abbozz ta’ rapport ta’ eżami tal-FPS u b’mod partikolari sostniet li proposta tal-Kummissjoni intiża għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS kienet tkun xjentifikament iġġustifikata u legalment fondata. |
|
21 |
Permezz ta’ posta elettronika tad‑29 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni stiednet lil DuPont, abbażi tal-konklużjoni li l-FPS kienet tissodisfa l-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali, tippreżenta elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal eventwali approvazzjoni permezz ta’ deroga taħt il-punt 3.6.5 tal-Anness II u tal-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1107/2009. DuPont ippreżentat żewġ fajls ta’ deroga fis‑26 ta’ Ġunju u fit‑13 ta’ Lulju 2015. |
|
22 |
Fl‑24 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni stiednet lil DuPont għal laqgħa sabiex tiġi diskussa l-evalwazzjoni tat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS. Matul din il-laqgħa, kif ukoll f’ittra ta’ segwitu tat‑2 ta’ Lulju 2015, DuPont, b’mod partikolari, talbet lill-Kummissjoni tagħti mandat lill-ECHA, bħala l-awtorità kompetenti fil-qasam ta’ klassifikazzjoni, sabiex tirrevedi l-klassifikazzjoni tal-perikli assoċjati mal-FPS kif ukoll tipposponi l-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha fl-istennija ta’ deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni definittiva mill-ECHA. |
|
23 |
F’ittra tad‑9 ta’ Ottubru 2015, DuPont informat lis-SMR bl-intenzjoni tagħha li twettaq studji addizzjonali dwar il-kwistjoni tat-tossiċità tal-FPS sabiex issostni l-argument tagħha li la l-klassifikazzjoni bħala sustanza karċinoġenika tal-kategorija 2 u lanqas il-klassifikazzjoni bħala sustanza tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2 ma kienu teknikament iġġustifikati. |
|
24 |
F’Jannar 2016, il-Kummissjoni tat mandat lill-EFSA sabiex teżamina ż-żewġ fajls ta’ deroga ppreżentati minn DuPont fis‑26 ta’ Ġunju u fit‑13 ta’ Lulju 2015. Sussegwentement, l-EFSA talbet informazzjoni addizzjonali lil DuPont bil-għan li jiġi kkompletat il-fajl dwar in-natura negliġibbli tal-espożizzjoni, liema informazzjoni ġiet ipprovduta minn DuPont fil‑31 ta’ Mejju 2016. Għalhekk, l-EFSA waqqfet grupp ta’ ħidma inkarigat mit-tfassil ta’ metodoloġija għall-evalwazzjoni tan-natura indispensabbli tas-sustanzi erbiċidi għall-attività agrikola. Wara l-pubblikazzjoni tal-metodoloġija miftiehma f’Lulju 2016, l-EFSA talbet lil DuPont tirrevedi l-fajl ta’ deroga taħt l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1107/2009 (dwar in-natura indispensabbli għall-attività agrikola) abbażi ta’ din il-metodoloġija. Fid‑19 ta’ Settembru 2016, DuPont ippreżentat il-fajl irrevedut ta’ deroga. |
|
25 |
Fit‑3 ta’ Ottubru 2016, l-EFSA ppreżentat verżjoni rreveduta tal-konklużjonijiet tagħha (iktar ’il quddiem il-“konklużjonijiet irreveduti tal-EFSA”). Fil-konklużjonijiet rreveduti tagħha, l-EFSA żammet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-erba’ “kwistjonijiet ta’ tħassib maġġuri” identifikati preċedentement, iżda żiedet “lakuna fid-data” addizzjonali relatata mal-profil ġenotossiku ta’ żewġ metaboliti tal-FPS (IN‑JE127 u IN‑KF311). Hija kkonkludiet, b’mod partikolari, li “l-evalwazzjoni tar-riskji tal-metabolit IN‑JE127 għall-konsumaturi ma [setgħetx] titlesta minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-perikli potenzjali u ta’ stimi affidabbli tal-espożizzjoni tal-konsumaturi fir-rigward ta’ dan il-metabolit (li fir-rigward tiegħu ma [setax] jiġi eskluż li dan [kien] ġenotossiku)”. |
|
26 |
Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni stiednet lil DuPont tagħmel osservazzjonijiet fuq il-konklużjonijiet irreveduti tal-EFSA. Fit‑18 ta’ Ottubru 2016, DuPont bagħtet ittra lill-Kummissjoni, li fiha kkontestat il-“lakuna fid-data” addizzjonali kkonstatata mill-EFSA fir-rigward tal-ġenotossiċità, u talbet lill-Kummissjoni tawtorizzaha tippreżenta studji addizzjonali dwar din il-“lakuna fid-data” sa mhux iktar tard mill-aħħar ta’ Novembru 2016. |
|
27 |
Wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet irreveduti tal-EFSA, il-Kummissjoni ppubblikat, fit‑22 ta’ Diċembru 2016 verżjoni rreveduta tal-abbozz ta’ rapport ta’ eżami tagħha, li fiha hija żammet il-proposta tagħha ta’ rtirar tal-approvazzjoni tal-FPS. Madankollu, il-Kummissjoni ma semmietx iktar il-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali bħala li huma ta’ tħassib. |
|
28 |
Fit‑13 ta’ Jannar 2017, DuPont bagħtet ittra lill-Kummissjoni li fiha indikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-abbozz ta’ rapport ta’ eżami rrevedut. |
|
29 |
Fid‑9 ta’ Frar 2017, DuPont kitbet lill-awtoritajiet regolatorji tal-Istati Membri tal-Unjoni sabiex tinformahom dwar it-tħassib tagħha fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni li ma tiġġeddidx l-approvazzjoni tal-FPS. |
|
30 |
Fil‑31 ta’ Marzu 2017, E.I. du Pont de Nemours and Company, kumpannija omm ta’ DuPont, u FMC Corporation, kumpannija rregolata mid-dritt Amerikan, ikkonkludew ftehim ta’ ċessjoni dwar it-trasferiment tal-attivitajiet ta’ DuPont li jirrigwardaw ċerti erbiċidi, li l-FPS kienet tagħmel parti minnhom (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ ċessjoni”). Il-ftehim ta’ ċessjoni kien konkluż għall-finijiet ta’ konforma mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1946 final, tas‑27 ta’ Marzu 2017, li tiddikjara kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE l-konċentrazzjoni bejn The Dow Chemical Company u E.I. du Pont de Nemours and Company (Każ COMP/M.7932 – Dow/DuPont). |
|
31 |
Il-ftehim ta’ ċessjoni kien jipprevedi li FMC takkwista d-drittijiet, it-titoli u l-interessi kollha ta’ DuPont fir-rigward tal-attiv kollu u tal-proprjetajiet kollha marbuta mal-“attività FPS”, inklużi l-awtorizzazzjonijiet kollha ta’ tqegħid fis-suq. Il-ftehim ta’ ċessjoni ġie konkluż taħt il-kundizzjoni sospensiva tal-kisba tal-awtorizzazzjonijiet kollha neċessarji għall-konċentrazzjoni mingħand l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kompetenti. L-għeluq tal-konċentrazzjoni kien previst għall‑1 ta’ Novembru 2017. |
|
32 |
Fl‑4 ta’ April 2017, il-Kummissjoni nnotifikat l-abbozz ta’ regolament ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS lill-membri l-oħra tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), skont il-Ftehim dwar l-Ostakoli Tekniċi għall-Kummerċ (OTK) tal-WTO, tal‑15 ta’ April 1994. Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Mejju 2017, l-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika ppreżentaw osservazzjonijiet, f’isem DuPont, fuq id-deċiżjoni proposta, li fihom huma enfasizzaw l-assenza ta’ bażi xjentifika soda li tiġġustifika n-nuqqas ta’ tiġdid u l-eżistenza ta’ data li turi l-assenza ta’ tħassib għas-saħħa tal-bniedem, għall-ilma ta’ taħt l-art u għall-ambjent. |
|
33 |
Il-Kummissjoni wieġbet għal dawn l-osservazzjonijiet fl‑14 ta’ Lulju 2017. Fl-ittra tagħha, hija indikat li hija kienet “eżaminat bir-reqqa l-osservazzjonijiet kollha li rċeviet matul il-proċess deċiżjonali”, iżda li, “fid-dawl tal-limitazzjonijiet relatati mat-terminu u mal-proċedura ta’ preżentazzjoni ta’ data addizzjonali”, hija ma setgħetx iġġedded l-approvazzjoni tal-FPS. |
II. Ir‑regolament ikkontestat
|
34 |
Fit‑23 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1496 li jikkonċerna n-nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza attiva DPX KE 459 (flupirsulfuron‑metil), skont ir-Regolament Nru 1107/2009, u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011 (ĠU 2017, L 218, p. 7, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). Skont ir-regolament ikkontestat, l-approvazzjoni tal-FPS ma hijiex imġedda. |
|
35 |
Il-premessi 8 sa 14 tar-regolament ikkontestat jindikaw dan li ġej:
|
|
36 |
Ir-regolament ikkontestat jindika, barra minn hekk, fil-premessa 19, li “[dan] ma jippreġudikax il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni ulterjuri għa[ll-FPS] skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009”. |
III. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet
|
37 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Ottubru 2017, DuPont de Nemours (Deutschland) u ħdax‑il kumpannija oħra ta’ DuPont (iktar ’il quddiem, flimkien, ir-“rikorrenti DuPont”) kif ukoll FMC ippreżentaw rikors għal annullament kontra r-regolament ikkontestat. |
|
38 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, FMC ressqet talba għal miżuri provviżorji, intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tar-regolament ikkontestat u għall-adozzjoni ta’ kull miżura provviżorja xierqa. |
|
39 |
Fid‑19 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni ppreżentat ir-risposta tagħha. |
|
40 |
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Marzu 2018, FMC talbet tissostitwixxi lir-rikorrenti DuPont bħala rikorrenti f’din il-kawża. |
|
41 |
Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ April u fl‑1 ta’ Ġunju 2018 rispettivament, ir-rikorrenti DuPont u l-Kummissjoni essenzjalment indikaw li huma ma kellhomx oġġezzjonijiet sabiex tiġi awtorizzata s-sostituzzjoni tar-rikorrenti DuPont b’FMC. |
|
42 |
Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ April 2018. Il-kontroreplika waslet fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 ta’ Lulju 2018. |
|
43 |
Permezz ta’ digriet tat‑22 ta’ Ġunju 2018, FMC vs Il‑Kumissjoni (T‑719/17 R, EU:T:2018:408), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji u rriżerva l-ispejjeż. |
|
44 |
Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Novembru 2018, FMC vs Il‑Kummissjoni (T‑719/17, mhux ippubblikat, EU:T:2018:893), il-Qorti Ġenerali awtorizzat lil FMC tissostitwixxi lir-rikorrenti DuPont bħala rikorrenti f’din il-kawża u rriżervat l-ispejjeż. F’din l-istess data, il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet. |
|
45 |
Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata lill-Ħames Awla, li lilha ġie assenjat Imħallef Relatur ġdid. |
|
46 |
Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla), fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet, li dawn wieġbu għalihom fit-terminu previst. |
|
47 |
Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. |
|
48 |
Is-sottomissjonijiet tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tat‑30 ta’ Ġunju 2020. |
|
49 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
50 |
Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
IV. Fid‑dritt
|
51 |
Ir-rikorrenti tressaq sitt motivi ta’ annullament. |
|
52 |
L-ewwel motiv, maqsum fi tliet partijiet, huwa bbażat fuq ksur, mill-Kummissjoni, tar-Regolament Nru 1141/2010, tar-Regolament Nru 1272/2008 u tar-regoli dwar l-esperimentazzjoni fuq l-annimali inklużi fir-Regolament Nru 1107/2009 u fid-Direttiva 2010/63/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Settembru 2010 dwar il-protezzjoni tal-annimali li jintużaw għal skopijiet xjentifiċi (ĠU 2010, L 276, p. 33, rettifika fil-ĠU 2016, L 15, p. 71). |
|
53 |
It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq dokument ta’ gwida ġdid, bi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-drittijiet tad-difiża tal-applikanti għal tiġdid. |
|
54 |
It-tielet motiv huwa bbażat fuq assenza ta’ evalwazzjoni kompleta tar-riskji, bi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u tad-drittijiet tad-difiża tal-applikanti għal tiġdid. |
|
55 |
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
56 |
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. |
|
57 |
Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. |
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari
|
58 |
Skont l-Artikolu 1(3) tiegħu, ir-Regolament Nru 1107/2009 huwa intiż li jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent u li jtejjeb il-funzjonament tas-suq intern permezz tal-armonizzazzjoni tar-regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, filwaqt li jtejjeb il-produzzjoni agrikola. |
|
59 |
Billi jimponi ż-żamma ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-ambjent, ir-Regolament Nru 1107/2009 japplika l-Artikolu 11 u l-Artikolu 114(3) TFUE. L-Artikolu 11 TFUE jipprevedi li r-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-ambjent għandhom ikunu integrati fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u tal-azzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli. Huwa hu jikkonkretizza dan l-obbligu, l-Artikolu 114(3) TFUE jipprovdi li, fil-proposti tagħha fil-qasam, b’mod partikolari, tal-protezzjoni tal-ambjent, magħmula fil-kuntest tal-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet intiżi għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha tieħu bħala bażi livell għoli ta’ protezzjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, kull żvilupp ġdid ibbażat fuq fatti xjentifiċi, u li, fil-kuntest tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandhom ukoll ifittxu li jilħqu dan l-għan. Din il-protezzjoni għandha importanza predominanti fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi, b’mod li din hija ta’ natura li tiġġustifika konsegwenzi ekonomiċi negattivi, anki kunsiderevoli, għal ċerti operaturi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2011, Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni, T‑475/07, EU:T:2011:445, punt 143; tas‑6 ta’ Settembru 2013, Sepro Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑483/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:407, punt 85; u tat‑12 ta’ Diċembru 2014, Xeda International vs Il‑Kummissjoni, T‑269/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1069, punt 138). |
|
60 |
Barra minn hekk, il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1107/2009 tippreċiża li l-prinċipju ta’ prekawzjoni għandu jiġi applikat u li l-imsemmi regolament huwa intiż li jiżgura li l-industrija turi li s-sustanzi jew il-prodotti mmanifatturati jew imqiegħda fis-suq ma għandhom l-ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali, jew xi effett inaċċettabbli fuq l-ambjent. |
|
61 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-proċeduri ta’ awtorizzazzjoni u ta’ approvazzjoni minn qabel stabbiliti mir-Regolament Nru 1107/2009 (u, preċedentement, mid-Direttiva 91/414) għall-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u għas-sustanzi attivi tagħhom huma ispirati mill-prinċipju ta’ prekawzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 133). |
1. Fuq il‑prinċipju ta’ prekawzjoni
a) Definizzjoni
|
62 |
Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jimponi lill-awtoritajiet ikkonċernati jieħdu, fil-kuntest preċiż tal-eżerċizzju tal-kompetenzi mogħtija lilhom mil-leġiżlazzjoni rilevanti, miżuri xierqa sabiex jipprevjenu ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent, billi jagħtu preċedenza lir-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn l-interessi fuq l-interessi ekonomiċi (ara s-sentenzi tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il‑Kunsill, T‑392/02, EU:T:2003:277, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 134 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Novembru 2002, Artegodan et vs Il‑Kummissjoni, T‑74/00, T‑76/00, T‑83/00 sa T‑85/00, T‑132/00, T‑137/00 u T‑141/00, EU:T:2002:283, punt 184). |
|
63 |
Il-prinċipju ta’ prekawzjoni jippermetti lill-istituzzjonijiet, meta jkun hemm inċertezzi xjentifiċi fir-rigward tal-eżistenza jew tal-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent, jieħdu miżuri ta’ protezzjoni mingħajr ma jkollhom għalfejn jistennew li r-realtà u l-gravità ta’ dawn ir-riskji jkunu kompletament stabbiliti jew li l-effetti negattivi għas-saħħa jimmaterjalizzaw (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Settembru 2013, Sepro Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑483/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:407, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 135 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
64 |
Fi ħdan il-proċess li jwassal għall-adozzjoni, minn istituzzjoni, ta’ miżuri xierqa sabiex tipprevjeni ċerti riskji potenzjali għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent skont il-prinċipju ta’ prekawzjoni, tliet stadji suċċessivi jistgħu jiġu identifikati: l-ewwel, l-identifikazzjoni tal-effetti potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn fenomenu, it-tieni, l-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent li huma marbuta ma’ dan il-fenomenu, u, it-tielet, meta r-riskji potenzjali identifikati jeċċedu l-limitu ta’ dak li huwa aċċettabbli għas-soċjetà, il-ġestjoni tar-riskju permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri xierqa ta’ protezzjoni. Għalkemm l-ewwel wieħed minn dawn l-istadji ma jeħtieġx spjegazzjonijiet iktar iddettaljati, iż-żewġ stadji suċċessivi jistħoqilhom kjarifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 136). |
b) Evalwazzjoni tar‑riskji
|
65 |
L-evalwazzjoni tar-riskji għas-saħħa pubblika, għas-sigurtà u għall-ambjent tikkonsisti, għall-istituzzjoni li jkollha taffronta effetti potenzjalment negattivi li jirriżultaw minn fenomenu, fl-evalwazzjoni b’mod xjentifiku tal-imsemmija riskji u fid-determinazzjoni ta’ jekk dawn jeċċedux il-livell ta’ riskju meqjus aċċettabbli għas-soċjetà. Għaldaqstant, sabiex l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu jwettqu evalwazzjoni tar-riskji, jeħtiġilhom, minn naħa, ikollhom evalwazzjoni xjentifika tar-riskji u, min-naħa l-oħra, jiddeterminaw il-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà (ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
1) Fuq l‑evalwazzjoni xjentifika
|
66 |
L-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji hija proċess xjentifiku li jikkonsisti, sa fejn huwa possibbli, fl-identifikazzjoni ta’ perikolu u fl-ikkaratterizzar tal-imsemmi perikolu, fl-evalwazzjoni tal-espożizzjoni għal dan il-perikolu u fl-ikkaratterizzar tar-riskju (ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 138 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
67 |
Fil-Komunikazzjoni COM(2000) 1 finali tagħha dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni tat‑2 ta’ Frar 2000, il-Kummissjoni ddefinixxiet dawn l-erba’ elementi li jikkostitwixxu evalwazzjoni xjentifika tar-riskji skont kif ġej (ara l-Anness III tal-imsemmija komunikazzjoni): “L-‘identifikazzjoni tal-perikolu’ tikkonsisti fl-identifikazzjoni tal-aġenti bijoloġiċi, kimiċi jew fiżiċi li jistgħu jkollhom effetti negattivi […] Il-‘karatterizzazzjoni tal-perikolu’ tikkonsisti fid-determinazzjoni, f’termini kwantitattivi u/jew kwalitattivi, tan-natura u tal-gravità tal-effetti negattivi marbuta mal-aġenti jew mal-attività inkwistjoni […] L-‘evalwazzjoni tal-espożizzjoni’ tikkonsisti f’evalwazzjoni kwantitattiva jew kwalitattiva tal-probabbiltà ta’ espożizzjoni għall-aġent studjat […] Il-‘karatterizzazzjoni tar-riskju’ tikkorrispondi għall-istima kwalitattiva u/jew kwantitattiva, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-inċertezzi inerenti għal dan l-eżerċizzju, tal-probabbiltà, tal-frekwenza u tal-gravità tal-effetti negattivi, potenzjali jew magħrufa, li jistgħu jseħħu fir-rigward tal-ambjent jew tas-saħħa. Din hija stabbilita abbażi tat-tliet komponenti preċedenti u hija marbuta mill-qrib mal-inċertezzi, mal-varjazzjonijiet, mal-ipoteżi ta’ xogħol u mal-konġetturi magħmula f’kull fażi tal-proċess. Meta d-data disponibbli ma tkunx biżżejjed jew ma tkunx konklużiva, approċċ prudenti u kawt għall-protezzjoni tal-ambjent, tas-saħħa jew tas-sigurtà jista’ jkun li tintgħażel l-agħar ipoteżi possibbli. L-akkumulazzjoni ta’ tali ipoteżi twassal għal eżaġerazzjoni tar-riskju reali, iżda tagħti ċerta garanzija li dan ma jkunx issottovalutat.” [traduzzjoni mhux uffiċjali] |
|
68 |
Bħala proċess xjentifiku, l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għandha tiġi fdata mill-istituzzjoni lil esperti xjentifiċi (sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 157; tal‑11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, EU:T:2002:210, punt 170; u tad‑9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑257/07, EU:T:2011:444, punt 73). |
|
69 |
L-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji ma għandhiex neċessarjament tipprovdi lill-istituzzjonijiet bi provi xjentifiċi konklużivi dwar ir-realtà tar-riskju u l-gravità tal-effetti negattivi potenzjali fil-każ li jseħħ dan ir-riskju. Fil-fatt, il-kuntest li fih japplika l-prinċipju ta’ prekawzjoni jikkorrispondi ipotetikament għal kuntest ta’ inċertezza xjentifika. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ miżura preventiva jew, bil-kontra, l-irtirar jew l-ittaffar tagħha ma jistgħux ikunu suġġetti għall-prova ta’ assenza ta’ kull riskju, peress li tali prova hija, b’mod ġenerali, impossibbli li tiġi prodotta minn aspett xjentifiku peress li livell ta’ riskju żero ma jeżistix fil-prattika (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 140; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2003, Solvay Pharmaceuticals vs Il‑Kunsill, T‑392/02, EU:T:2003:277, punt 130). Madankollu, miżura preventiva ma tistax validament tiġi motivata minn approċċ purament ipotetiku tar-riskju, ibbażat fuq sempliċi suppożizzjonijiet li għadhom ma ġewx ivverifikati xjentifikament (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punti 142 u 143, u tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 140; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, T‑229/04, EU:T:2007:217, punt 161). |
|
70 |
Fil-fatt, l-evalwazzjoni xjentifika tar-riskji għandha tkun ibbażata fuq l-aħjar data xjentifika disponibbli u mwettqa b’mod indipendenti, oġġettiv u trasparenti (ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 141 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
71 |
Barra minn hekk, għandu jingħad li evalwazzjoni xjentifika tar-riskji tista’ tirriżulta impossibbli li titwettaq b’mod komplet minħabba l-insuffiċjenza tad-data xjentifika disponibbli. Dan ma jistax, madankollu, jipprekludi lill-awtorità pubblika kompetenti milli tieħu miżuri preventivi b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni. Huwa importanti, f’dan il-każ, li esperti xjentifiċi jwettqu evalwazzjoni xjentifika tar-riskji minkejja l-inċertezza xjentifika rimanenti, b’mod li l-awtorità pubblika kompetenti jkollha informazzjoni affidabbli u solida biżżejjed sabiex tkun tista’ tifhem il-portata kollha tal-kwistjoni xjentifika mressqa u sabiex tkun tista’ tiddetermina l-politika tagħha b’mod informat (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Franza vs Il‑Kummissjoni, T‑257/07, EU:T:2011:444, punt 77; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punti 160 sa 163, u tal‑11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, EU:T:2002:210, punti 173 sa 176). |
|
72 |
Meta jirriżulta impossibbli li jiġu ddeterminati b’ċertezza l-eżistenza jew il-portata tar-riskju allegat minħabba n-natura insuffiċjenti, mhux konklużiva jew mhux preċiża tar-riżultati tal-istudji mwettqa, iżda l-probabbiltà ta’ ħsara reali tippersisti fl-ipoteżi li r-riskju jimmaterjalizza ruħu, il-prinċipju ta’ prekawzjoni jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm dawn ma jkunux diskriminatorji u jkunu oġġettivi (ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tal‑5 ta’ April 2001, EFTA Surveillance Authority vs Norway, E‑3/00, EFTA Court Report 2000–2001, p. 73, punti 31 u 32). |
|
73 |
Minn dan isegwi li miżura preventiva tista’ tittieħed biss jekk ir-riskju, mingħajr ma jkunu ġew ipprovati kompletament l-eżistenza u l-portata tiegħu permezz ta’ data xjentifika konklużiva, jidher madankollu li huwa suffiċjentement iddokumentat abbażi tad-data xjentifika disponibbli fil-mument li fih tittieħed din il-miżura (ara s-sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 143 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
74 |
F’kuntest bħal dan, il-kunċett ta’ “riskju” jikkorrispondi għalhekk għal-livell ta’ probabbiltà li l-aċċettazzjoni ta’ ċerti miżuri jew ta’ ċerti prattiki ser taffettwa ħażin l-interess protett mill-ordinament ġuridiku. Il-kunċett ta’ “perikolu” huwa, min-naħa tiegħu, ġeneralment użat f’sens iktar wiesa’ u jiddeskrivi kull prodott jew proċedura li jistgħu jkollhom effett ħażin fuq is-saħħa tal-bniedem jew kwalunkwe interess ieħor protett mill-ordinament ġuridiku (sentenzi tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 144; tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 147; u tad‑9 ta’ Settembru 2011, Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni, T‑475/07, EU:T:2011:445, punt 147). |
2) Fuq id‑determinazzjoni tal‑livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli
|
75 |
Huma l-istituzzjonijiet responsabbli mill-għażla politika ta’ iffissar ta’ livell ta’ protezzjoni xieraq għas-soċjetà li għandhom, filwaqt li josservaw id-dispożizzjonijiet applikabbli, jiddeterminaw il-livell ta’ riskju meqjus bħala inaċċettabbli għall-istess soċjetà. Huma dawn l-istituzzjonijiet li għandhom jistabbilixxu l-limitu kritiku ta’ probabbiltà tal-effetti negattivi fuq is-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent u l-livell ta’ dawn l-effetti potenzjali li jidhrilhom li ma huwiex iktar aċċettabbli għal din is-soċjetà u li, malli jinqabeż, jeżiġi, fl-interess tal-protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent, l-użu ta’ miżuri preventivi minkejja l-inċertezza xjentifika rimanenti (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 145; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2000, Toolex, C‑473/98, EU:C:2000:379, punt 45, u tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punti 150 u 151). |
|
76 |
Fid-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà, l-istituzzjonijiet huma marbuta bl-obbligi tagħhom li jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent. Dan il-livell għoli ta’ protezzjoni ma għandux neċessarjament, sabiex ikun kompatibbli mal-Artikolu 114(3) TFUE, ikun teknikament l-ogħla possibbli (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 146; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 1998, Safety Hi‑Tech, C‑284/95, EU:C:1998:352, punt 49). Barra minn hekk, dawn l-istituzzjonijiet ma jistgħux jadottaw approċċ purament ipotetiku tar-riskju u jorjentaw id-deċiżjonijiet tagħhom għal-livell ta’ “riskju żero” (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 152, u tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 146). |
|
77 |
Id-determinazzjoni tal-livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli għas-soċjetà tiddependi fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-awtorità pubblika kompetenti fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull każ. F’dan ir-rigward, din l-awtorità tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, il-gravità tal-impatt ta’ okkorrenza ta’ dan ir-riskju fuq is-saħħa pubblika, is-sigurtà u l-ambjent, inkluża l-portata tal-effetti negattivi possibbli, il-persistenza, ir-riversibbiltà jew l-effetti tardivi possibbli ta’ dawn il-ħsarat kif ukoll il-perċezzjoni xi ftit jew wisq konkreta tar-riskju abbażi tal-istat tal-għarfien xjentifiku disponibbli (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 147; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 153). |
c) Il‑ġestjoni tar‑riskju
|
78 |
Il-ġestjoni tar-riskju tikkorrispondi għall-azzjonijiet kollha meħuda minn istituzzjoni li għandha taffronta riskju sabiex twasslu għal livell meqjus aċċettabbli għas-soċjetà fid-dawl tal-obbligu tagħha, abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, tas-sigurtà u tal-ambjent (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 148). |
|
79 |
Dawn l-azzjonijiet jinkludu l-adozzjoni ta’ miżuri provviżorji li għandhom ikunu proporzjonati, nondiskriminatorji, trasparenti u koerenti meta mqabbla ma’ miżuri simili diġà adottati (sentenza tat-12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 149; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ April 2004, Bellio F.lli, C‑286/02, EU:C:2004:212, punt 59). |
2. Fuq it‑tiġdid ta’ sustanza attiva inkluża fil‑Parti A tal‑Anness tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011
|
80 |
Hekk kif ġie indikat fil-punt 2 iktar ’il fuq, is-sustanza koperta mir-regolament ikkontestat ġiet approvata abbażi tas-sistema prevista mid-Direttiva 91/414, skont il-kundizzjonijiet applikabbli f’dak iż-żmien. |
|
81 |
Peress li t-tiġdid tal-approvazzjoni tagħha mill-Kummissjoni ntalab skont ir-Regolament Nru 1107/2009, għandu jiġi nnotat, f’dan ir-rigward, li r-rekwiżiti speċifiċi għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi evolvew bl-adozzjoni tal-imsemmi regolament. |
a) Fuq il‑kundizzjonijiet oriġinali għal inklużjoni skont id‑Direttiva 91/414
|
82 |
L-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414 kien jipprevedi li, sabiex sustanza tkun tista’ tiġi inkluża fl-Anness I ta’ din l-istess direttiva, kellu jkun jista’ jiġi mistenni, fid-dawl tal-istat tal-għarfien xjentifiku u tekniku, li l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva inkwistjoni u r-residwi ta’ dawn il-prodotti, wara użu konsistenti mal-prattika tajba fl-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, ma kellhom l-ebda effett ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew influwenza inaċċettabbli fuq l-ambjent. |
|
83 |
Ġie deċiż li l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, kien jimplika li, fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem, l-eżistenza ta’ indizji serji li, mingħajr ma tiġi eskluża l-inċertezza xjentifika, kienu jippermettu raġonevolment li jitqiegħed fid-dubju n-nuqqas ta’ perikolu ta’ sustanza kienet tipprekludi, bħala prinċipju, l-inklużjoni ta’ din is-sustanza fl-Anness I tal-imsemmija direttiva (sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, L‑Isvezja vs Il‑Kummissjoni, T‑229/04, EU:T:2007:217, punt 161). Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw, b’analoġija, fir-rigward tal-interessi l-oħra protetti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009, identiċi għal dawk protetti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, jiġifieri, b’mod partikolari, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. |
|
84 |
Fl-aħħar, ġie deċiż li, fis-sistema stabbilita mid-Direttiva 91/414, kien l-awtur tan-notifika li kellu jipproduċi l-prova li, abbażi tal-informazzjoni sottomessa għal preparazzjoni jew għal diversi preparazzjonijiet li jikkorrispondu għal sensiela limitata ta’ użi rappreżentattivi, kienu ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni (sentenza tat‑12 ta’ April 2013, Du Pont de Nemours (France) et vs Il‑Kummissjoni, T‑31/07, mhux ippubblikata, EU:T:2013:167, punt 154). |
b) Fuq l‑emenda tal-kriterji ta’ approvazzjoni mir‑Regolament Nru 1107/2009
|
85 |
Minn paragun bejn l-Artikolu 5 tad-Direttiva 91/414 u l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li, fil-kuntest tas-sostituzzjoni tad-Direttiva 91/414 bir-Regolament Nru 1107/2009, il-kriterji u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ approvazzjoni ġew irriformulati b’mod iktar dettaljat, mingħajr ma dan madankollu neċessarjament wassal għal tisħiħ fil-mertu ta’ dawn il-kriterji u kundizzjonijiet (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T‑584/13, EU:T:2018:279, punt 82). Il-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punt 84 iktar ’il fuq fir-rigward tas-saħħa tal-bniedem japplikaw, b’analoġija, fir-rigward tal-interessi l-oħra protetti mill-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009, identiċi għal dawk protetti mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 91/414, jiġifieri, b’mod partikolari, is-saħħa tal-annimali u l-ambjent. |
|
86 |
Barra minn hekk, il-prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u għall-awtorizzazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jiddefinixxu b’mod partikolari l-livelli ta’ limitu tal-kwozjenti ta’ perikolu għall-espożizzjoni orali u b’kuntatt, ma nbidlux sostanzjalment bid-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1107/2009 (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, BASF Agro et vs Il‑Kummissjoni, T‑584/13, EU:T:2018:279, punt 83). |
|
87 |
Il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1107/2009 tipprevedi li, għas-sustanzi attivi li ġew approvati qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu, il-kriterji armonizzati permezz ta’ dan ir-regolament għandhom jiġu applikati fil-mument tat-tiġdid jew tar-reviżjoni tal-approvazzjoni tagħhom. Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, it-tiġdid tal-approvazzjoni tas-sustanza inkwistjoni, approvata skont id-Direttiva 91/414, għandu jsir skont il-kriterji u l-kundizzjonijiet stipulati mir-Regolament Nru 1107/2009. |
3. Fuq l‑oneru tal‑prova
|
88 |
Mill-formulazzjoni u mis-sens tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 1107/2009 jirriżulta li, bħala prinċipju, huwa l-awtur tal-applikazzjoni għal approvazzjoni li għandu l-oneru li jipprova li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1107/2009, hekk kif kien previst espressament fid-Direttiva 91/414 (ara l-punt 84 iktar ’il fuq). |
|
89 |
B’mod partikolari, il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1107/2009 tistipula li dan tal-aħħar “għandu jassigura li l-industrija turi li s-sustanzi jew il-prodotti maħduma jew imqiegħda fis-suq ma jkollhomx effett negattiv […] fuq l-ambjent”. Bl-istess mod, il-premessa 10 tipprevedi li sustanzi għandhom jiġu inklużi fi prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti biss “fejn ikun intwera” li, b’mod partikolari, dawn ma humiex mistennija li jkollhom xi effett inaċċettabbli fuq l-ambjent. |
|
90 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi, jeżiġi li jkun prevedibbli li l-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanza attiva jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafi 2 u 3 tal-istess artikolu, li, min-naħa tagħhom, jeħtieġu li l-prodotti msemmija u r-residwi tagħhom ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti. Konformement mal-prinċipju li skontu hija l-parti li tinvoka dispożizzjoni legali li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha huma ssodisfatti, minn dawn il-formulazzjonijiet jirriżulta li huwa l-applikant li għandu jipprova li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni huma ssodisfatti, sabiex tinkiseb l-approvazzjoni, u ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tipprova li l-kundizzjonijiet għall-approvazzjoni ma ġewx issodisfatti sabiex tkun tista’ tirrifjutaha. |
4. Fuq il‑portata tal‑istħarriġ ġudizzjarju
|
91 |
Sabiex tkun tista’ tilħaq b’mod effettiv l-għanijiet li ġew assenjati lilha mir-Regolament Nru 1107/2009 (ara l-punti 58 sa 60 iktar ’il fuq), u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha twettaq, għandha tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni, C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punti 74 u 75, u tas‑6 ta’ Settembru 2013, Sepro Europe vs Il‑Kummissjoni, T‑483/11, mhux ippubblikata, EU:T:2013:407, punt 38). Dan japplika, b’mod partikolari, għad-deċiżjonijiet dwar il-ġestjoni tar-riskju li din għandha tieħu b’applikazzjoni tal-imsemmi regolament. |
|
92 |
Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati mill-Kummissjoni, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew l-assenza ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal‑25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, EU:C:1979:14, punt 5; tat‑22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, EU:C:1991:402, punt 12, u tad‑9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, T‑75/06, EU:T:2008:317, punt 83). |
|
93 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni, mill-qorti tal-Unjoni, tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni, għandu jiġi ppreċiżat li, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-att ikkontestat, il-provi prodotti mir-rikorrent għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jirrendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti kkunsidrati fl-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tal‑1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, T‑308/00, EU:T:2004:199, punt 138). Bla ħsara għal dan l-eżami ta’ plawżibbiltà, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi mwettqa mill-awtur tal-att bl-evalwazzjoni tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni, T‑475/07, EU:T:2011:445, punt 152; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Ottubru 2009, Enviro Tech (Europe), C‑425/08, EU:C:2009:635, punt 47). |
|
94 |
Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, fil-każijiet fejn istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-istħarriġ tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi huwa ta’ importanza fundamentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tispeċifika li, fost dawn il-garanziji, hemm b’mod partikolari l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u b’imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni u dak li timmotiva d-deċiżjoni tagħha b’mod suffiċjenti (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, EU:C:1991:438, punt 14; tas‑7 ta’ Mejju 1992, Pesquerias De Bermeo u Naviera Laida vs Il‑Kummissjoni, C‑258/90 u C‑259/90, EU:C:1992:199, punt 26; u tas‑6 ta’ Novembru 2008, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punt 56). |
|
95 |
Għaldaqstant, diġà ġie deċiż li t-twettiq ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji l-iktar eżawrjenti possibbli abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza kien jikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti sabiex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u sabiex jiġu evitati miżuri arbitrarji (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 172). |
|
96 |
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet fundamentali li għandha tiġi eżaminata il-fondatezza ta’ dan ir-rikors. |
B. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar‑Regolament Nru 1141/2010, tar‑Regolament Nru 1272/2008 u tar‑regoli dwar l‑esperimentazzjoni fuq l‑annimali inklużi fir‑Regolament Nru 1107/2009 u fid‑Direttiva 2010/63.
|
97 |
Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. L-ewwel parti hija bbażata fuq ksur tar-Regolament Nru 1141/2010 u tad-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Diċembru 2014 dwar it-Tiġdid tal-Approvazzjoni tas-Sustanzi Attivi li Għandhom Ikunu Suġġetti għal Evalwazzjoni Skont ir-Regolament (UE) Nru 844/2012 (Regolament dwar it-Tiġdid tas-Sustanzi Msejħa “AIR‑3”, SANCO/2012/11251 rev. 4) (iktar ’il quddiem id-“Dokument ta’ Gwida dwar it-Tiġdid tas-Sustanzi AIR‑3”), it-tieni parti hija bbażata fuq ksur tar-Regolamenti Nri 1107/2009 u 1272/2008 u tad-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Metaboliti Preżenti fl-Ilma ta’ Taħt l-Art u t-tielet parti hija bbażata fuq ksur tar-regoli dwar l-esperimentazzjoni fuq l-annimali inklużi fir-Regolament Nru 1107/2009 u fid-Direttiva 2010/63. |
1. Fuq il‑ksur tar‑Regolament Nru 1141/2010 u tad‑Dokument ta’ Gwida dwar it‑Tiġdid tas‑Sustanzi AIR‑3
|
98 |
Fil-kuntest ta’ din il-parti, ir-rikorrenti ssostni l-assenza ta’ bidla fl-istat tal-għarfien xjentifiku u ssostni li, konsegwentement, l-EFSA ma kellhiex dritt tevalwa mill-ġdid id-data ta’ tossiċità li kienet diġà ġiet aċċettata. |
|
99 |
Skont ir-rikorrenti, konformement mal-Artikolu 10(1)(c) tar-Regolament Nru 1141/2010, l-EFSA u l-Istati Membri għandhom jillimitaw l-evalwazzjoni tagħhom għad-data u għall-informazzjoni ġdida pprovduta fil-fajl addizzjonali, hekk kif jindika espressament id-Dokument ta’ Gwida dwar it-Tiġdid tas-Sustanzi AIR‑3, li jipprovdi li “d-data l-ġdida biss għandha tiġi evalwata u, għaldaqstant, id-data ppreżentata u aċċettata preċedentement ma għandhiex tiġi rriveduta, sakemm din ir-reviżjoni ma tkunx meħtieġa fid-dawl tal-istat attwali tal-għarfien xjentifiku u tekniku, li jista’ jeżiġi t-twettiq ta’ evalwazzjoni ġdida tad-data preċedenti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
100 |
Fl-assenza ta’ kwalunkwe bidla fl-istat ta’ għarfien xjentifiku jew fir-rekwiżiti fil-qasam tad-data fis-seħħ sa mill-ewwel approvazzjoni tal-FPS, ir-rikorrenti ma għandhiex l-obbligu tippreżenta — u ma ppreżentatx — data ġdida dwar it-tossiċità meta hija applikat għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS fl‑2011. Għalhekk ma kienx hemm ċirkustanzi li setgħu ġġustifikaw li l-EFSA tirrevedi studji tossikoloġiċi aċċettati preċedentement u tipproponi, kontra l-opinjoni tal-esperti tal-eżami inter pares u tas-SMR, klassifikazzjoni bħala aġent karċinoġeniku tal-kategorija 2 jew bħala aġent tossiku għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2. |
|
101 |
Ir-rikorrenti tqis li l-fajl ta’ tiġdid b’hekk kompla jkun ibbażat eżattament fuq l-istess ġabra ta’ data ta’ tossiċità li kienet ġiet evalwata mill-Uffiċċju Ewropew tas-Sustanzi Kimiċi (ECB) fl‑1998 u li fid-dawl tagħha l-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet li n-nuqqas ta’ perikolu tal-FPS kien stabbilit, fatt li kien wassal għall-ewwel approvazzjoni tas-sustanza fl‑2001. Ir-rikorrenti ma tifhimx għalxiex qiegħda tirreferi l-Kummissjoni meta hija tallega fir-risposta tagħha li l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-profil ta’ riskju tal-FPS kienet neċessarja sabiex tiżgura ruħha li l-“kriterji l-ġodda” kienu osservati. Il-kriterji rilevanti għall-klassifikazzjoni tossikoloġika tas-sustanzi previsti mir-Regolament Nru 1107/2009 baqgħu l-istess sa mill-ewwel approvazzjoni tal-FPS. |
|
102 |
Għalhekk l-evalwazzjoni l-ġdida tal-profil ta’ perikolu tal-FPS imwettqa mill-EFSA tmur kontra r-Regolamenti Nri 1107/2009 u 1141/2010. |
|
103 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
104 |
F’dan il-każ, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fajl li għandha titwettaq fil-kuntest tal-eżami ta’ applikazzjoni għat-tiġdid tal-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, qabel kollox, għandu jitfakkar li, skont il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1107/2009, “[l]-esperjenza miksuba mill-użu attwali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanzi kkonċernati u kwalunkwe żvilupp fix-xjenza u fit-teknoloġija għandhom jitqiesu meta tittieħed kwalunkwe deċiżjoni rigward it-tiġdid ta’ approvazzjoni”. |
|
105 |
Barra minn hekk, il-premessa 8 tar-Regolament Nru 1141/2010 tindika li “[i]d-dossiers imressqa għat-tiġdid għandhom jinkludu dejta ġdida relevanti għas-sustanza attiva u valutazzjonijiet tar-riskji ġodda biex jirriflettu kwalunkwe bidliet fir-rekwiżiti tad-dejta u kwalunkwe bidliet fl-għarfien xjentifiku jew tekniku minn meta s-sustanza attiva kienet inkluża għall-ewwel darba fl-Anness I għad-Direttiva 91/414/KEE, kif rifless fid-dokumenti ta’ gwida ppubblikati mill-Kummissjoni u fl-opinjonijiet relevanti mill-Kumitat Xjentifiku dwar il-Pjanti jew l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel”. |
|
106 |
Barra minn hekk, il-punt 2.1 tad-Dokument ta’ Gwida tat‑28 ta’ Ottubru 2010 dwar it-Tiġdid tas-Sustanzi Attivi Inklużi fl-Anness I tad-Direttiva 91/414 li Għandhom Ikunu Suġġetti għal Evalwazzjoni Skont ir-Regolament Nru 1141/2010 (SANCO/10387/2010 rev.8) jindika, essenzjalment, li l-applikanti għandhom jidentifikaw, b’mod partikolari, fl-applikazzjonijiet tagħhom, id-data l-ġdida li huma għandhom l-intenzjoni jissottomettu sa minn din l-ewwel fażi, peress li kull data ġdida sottomessa għandha tkun iġġustifikata f’termini ta’ emenda tar-rekwiżiti fil-qasam tad-data, ta’ żvilupp tal-għarfien xjentifiku u tekniku, ta’ tfassil ta’ linji gwida u ta’ ħtieġa li jiġu emendati jew estiżi r-restrizzjonijiet ta’ inklużjoni jew il-bidliet fil-gamma tal-użi rappreżentattivi. |
|
107 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal tiġdid, attenzjoni partikolari għandha tingħata għad-data l-ġdida dwar is-sustanza attiva u għall-evalwazzjonijiet il-ġodda tar-riskji, mit-testi msemmija iktar ’il fuq bl-ebda mod ma jirriżulta, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li l-applikant ma għandux jissottometti fajl komplet u lanqas li s-SMR u l-EFSA ma għandhomx jevalwaw id-data kollha disponibbli sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji ta’ approvazzjoni humiex osservati jew le. Fil-fatt, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, evalwazzjoni xjentifika solida għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha disponibbli, inkluża data sottomessa fil-mument tal-applikazzjoni għal approvazzjoni. |
|
108 |
Hemm lok li jiġi rrilevat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li, peress li l-kriterji ta’ approvazzjoni stabbiliti fir-Regolament Nru 1107/2009 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jsir l-eżami komplet tas-sigurtà tas-sustanza. Dan l-eżami jista’ wkoll jinvolvi li jiġu studjati l-oqsma li kienu diġà ġew evalwati waqt l-ewwel eżami, sabiex dawn jiġu evalwati fid-dawl tal-għarfien xjentifiku l-iktar reċenti. L-evalwazzjoni xjentifika għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-piż tal-provi disponibbli. Dan il-prinċipju ma jkunx osservat jekk jittieħdu inkunsiderazzjoni biss studji ġodda. |
|
109 |
Fir-rigward tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1141/2010, dwar il-kontenut tal-fajl addizzjonali, għandu jiġi rrilevat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li dan ma jillimitax l-evalwazzjoni tal-EFSA għall-istudji l-ġodda inklużi fl-imsemmi fajl. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-kontenut ta’ dan il-fajl addizzjonali, u mhux il-portata tal-evalwazzjoni, u l-għan tagħha huwa li tiġi aġġornata l-applikazzjoni billi jiġu inklużi l-fajls sottomessi għall-ewwel inklużjoni tas-sustanza attiva, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, li skontu l-fajls addizzjonali għandhom jiġu annessi mal-fajls sottomessi fil-mument tal-ewwel inklużjoni, flimkien mal-aġġornamenti ulterjuri tagħhom. |
|
110 |
Fl-aħħar, fir-rigward tad-Dokument ta’ Gwida dwar it-Tiġdid tas-Sustanzi AIR‑3, li skontu “d-data l-ġdida biss għandha tiġi evalwata u, għaldaqstant, id-data ppreżentata u aċċettata preċedentement m’għandhiex [bħala prinċipju] tiġi rriveduta” [traduzzjoni mhux uffiċjali], huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan id-dokument ma huwiex applikabbli f’dan il-każ peress li dan jirreferi għas-sustanzi AIR‑3, li l-FPS ma tagħmilx parti minnhom. |
|
111 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq il‑ksur tar‑Regolamenti Nri 1107/2009 u 1272/2008 kif ukoll tad‑Dokument ta’ Gwida tal‑Kummissjoni dwar il‑Metaboliti Preżenti fl‑Ilma ta’ Taħt l‑Art
|
112 |
Ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat jikser ir-Regolamenti Nri 1107/2009 u 1272/2008 inkwantu dan jaċċetta l-konklużjoni tal-EFSA li t-tliet metaboliti tal-FPS (IN‑JV460, IN‑KC576 u IN‑KY374) għandhom jiġu preżunti rilevanti fuq il-livell tossikoloġiku għall-espożizzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art fl-assenza ta’ klassifikazzjoni formali tal-FPS fil-kuntest tar-Regolament Nru 1272/2008, fuq il-bażi biss tal-proposta tal-EFSA li l-FPS tiġi kklassifikata bħala sustanza ssuspettata li hija karċinoġenika u tossika għar-riproduzzjoni (sustanza karċinoġenika tal-kategorija 2 u tossika għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2) (ara l-punt 12 iktar ’il fuq). |
|
113 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-proċedura ta’ klassifikazzjoni tal-perikli assoċjati mas-sustanzi kimiċi, inklużi dawk li huma inkorporati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, hija kompletament distinta mill-proċedura ta’ approvazzjoni tas-sustanza u ta’ tiġdid ta’ din l-approvazzjoni u hija suġġetta għal dispożizzjonijiet oħra tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament Nru 1272/2008. |
|
114 |
Ir-rikorrenti żżid li r-Regolamenti Nri 1107/2009 u 1272/2008 jipprevedu li r-rilevanza tal-metaboliti preżenti fl-ilma ta’ taħt l-art tista’ tiġi preżunta biss meta s-sustanza omm tkun diġà ġiet ikklassifikata mill-ECHA minħabba l-perikli li huma assoċjati magħha għas-saħħa tal-bniedem fil-kuntest tar-Regolament Nru 1272/2008 jew, għall-inqas, meta l-Kumitat ta’ Evalwazzjoni tar-Riskji tal-ECHA jkun ta opinjoni fil-kuntest tar-Regolament Nru 1272/2008 li tipproponi klassifikazzjoni tal-perikli assoċjati mas-sustanza omm għas-saħħa tal-bniedem. Skont ir-Regolament Nru 1272/2008, l-ECHA għandha biss kompetenza sabiex tapplika l-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-perikli previsti mill-imsemmi regolament u sabiex tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-perikli assoċjati mas-sustanzi inkorporati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Sempliċi proposta ta’ klassifikazzjoni mill-EFSA hija insuffiċjenti. Skont ir-rikorrenti, l-EFSA la għandha l-kompetenza teknika u lanqas il-kompetenza legali sabiex tapplika l-kriterji ta’ klassifikazzjoni tar-Regolament Nru 1272/2008, hekk kif irrikonoxxiet hija stess fil-konklużjonijiet tagħha dwar il-FPS. |
|
115 |
Ir-rikorrenti ssostni li, fl-assenza ta’ klassifikazzjoni formali tal-FPS skont ir-Regolament Nru 1272/2008, l-EFSA ma setgħetx tibbaża ruħha fuq il-klassifikazzjoni tagħha stess sabiex tippreżumi r-rilevanza fuq il-livell tossikoloġiku tat-tliet metaboliti tal-FPS fl-ilma ta’ taħt l-art. Hija tqis li huwa ċar li l-EFSA u l-Kummissjoni ppreżumew l-imsemmija rilevanza abbażi tal-proposta ta’ klassifikazzjoni tal-EFSA nnifisha u tal-evalwazzjoni sottostanti tagħha tal-proprjetajiet intrinsiċi tal-FPS. |
|
116 |
Ir-rikorrenti żżid li din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Metaboliti Preżenti fl-Ilma ta’ Taħt l-Art, li jistabbilixxi li “l-klassifikazzjoni tat-tossiċità tas-sustanza attiva omm hekk kif stabbilita b’applikazzjoni tar-[Regolament Nru 1272/2008 attwali] tintuża għal raġunijiet prattiċi bħala punt ta’ tluq sabiex tiġi orjentata l-attività ta’ eżami” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
117 |
Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li diversi Stati Membri ġustament opponew, matul il-proċedura ta’ eżami inter pares, għall-fatt li l-EFSA indebitament ibbażat ruħha fuq il-proposta tagħha stess ta’ klassifikazzjoni sabiex tippreżumi r-rilevanza tal-metaboliti tal-FPS preżenti fl-ilma ta’ taħt l-art. |
|
118 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
119 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi nnotat, hekk kif innotat ir-rikorrenti, li l-EFSA ma għandhiex kompetenza sabiex tipproponi jew tiddeċiedi dwar il-klassifikazzjoni tal-perikli assoċjati mas-sustanzi inkorporati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008, l-EFSA ma għandha l-ebda rwol la fil-kuntest tal-awtoklassifikazzjoni, li hija rriżervata għal kull manifattur, importatur u utent downstream tas-sustanza kkonċernata, u lanqas fil-kuntest tal-klassifikazzjoni armonizzata, li tista’ tiġi proposta mis-suġġetti msemmija iktar ’il fuq jew mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u hija suġġetta għal opinjoni tal-ECHA. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex, essenzjalment, ikkontestati mill-Kummissjoni. |
|
120 |
Minn dan isegwi li proposta mill-EFSA ta’ klassifikazzjoni ta’ sustanza skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1272/2008 ma jista’ jkollha, waħedha, ebda konsegwenza legali. Barra minn hekk, huwa qarrieqi li jsir riferiment għal “proposta ta’ klassifikazzjoni”, peress li l-EFSA ma għandha l-ebda kompetenza sabiex tipproponi tali klassifikazzjoni. |
|
121 |
Madankollu, għandu jitqies li, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, hija l-Kummissjoni li għandha tieħu miżuri ta’ protezzjoni meta jkun għad hemm inċertezzi xjentifiċi dwar l-eżistenza jew il-portata ta’ riskji għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent. |
|
122 |
Issa, mir-regolament ikkontestat jirriżulta li t-tħassib tal-Kummissjoni kien marbut mal-“proprjetajiet tossikoloġiċi intrinsiċi” fir-rigward tal-kanċeroġeniċità u tat-tossiċità għar-riproduzzjoni tas-sustanza omm u ma kinux marbuta direttament mal-klassifikazzjoni meqjusa xierqa mill-EFSA. |
|
123 |
Fil-fatt, il-premessi 8 u 9 tar-regolament ikkontestat jirreferu għall-fatt li, abbażi tal-istudji evalwati, is-sustanza omm għandha proprjetajiet intrinsiċi fuq il-livell tossikoloġiku, b’mod partikolari fil-qasam ta’ kanċeroġeniċità u ta’ tossiċità. |
|
124 |
B’mod iktar preċiż, il-Kummissjoni qieset li, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti kkonstatati fl-istudji, kien leġittimu li jkun hemm tħassib fir-rigward tat-tliet metaboliti tal-FPS (IN‑JV460, IN‑KC576 u IN‑KY374) u tal-preżenza tagħhom fl-ilma ta’ taħt l-art, peress li ma setax jiġi muri li dawn il-metaboliti ma kellhomx l-istess proprjetajiet intrinsiċi bħas-sustanza omm. |
|
125 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(32) tar-Regolament Nru 1107/2009 jiddefinixxi ċ-ċirkustanzi li fihom il-metaboliti jitqiesu “rilevanti” għall-evalwazzjoni tar-riskji li s-sustanza omm tagħhom tirrappreżenta hekk kif ġej: “Metabolita huwa meqjus rilevanti jekk ikun hemm raġuni biex wieħed jassumi li għandu proprjetajiet intrinsiċi kumparabbli bħas-sustanza prinċipali f’termini tal-attività ta’ mira bijoloġika tiegħu, jew li huwa ta’ riskju ogħla jew kumparabbli għall-organiżmi minn dak tas-sustanza ewlenija jew li għandu ċerti proprjetajiet tossikoloġiċi li huma kkunsidrati inaċċettabbli. Tali metabolita huwa rilevanti għad-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ġenerali jew għad-definizzjoni ta’ miżuri ta’ tnaqqis tar-riskju”. |
|
126 |
Huwa ċertament minnu li, skont id-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Metaboliti Preżenti fl-Ilma ta’ Taħt l-Art, meta s-sustanza omm tkun is-suġġett ta’ klassifikazzjoni partikolari, pereżempju bħala aġent karċinoġeniku tal-kategorija 2 (C2) jew bħala aġent tossiku għar-riproduzzjoni tal-kategorija 2 (R2), il-metaboliti jitqiesu li jaqsmu l-istess proprjetajiet bħas-sustanza omm u jitqiesu li huma rilevanti, sakemm l-applikant ma jipproduċix provi konvinċenti li jikkonfermaw li l-metaboliti ma josservawx il-kriterji sabiex jingħataw l-istess klassifikazzjoni bħas-sustanza omm tagħhom. |
|
127 |
Madankollu, skont id-dokument ta’ gwida msemmi fil-punt 126 iktar ’il fuq, għalkemm ir-rilevanza hija spiss marbuta mal-klassifikazzjoni formali tas-sustanza omm, din ma hijiex l-unika kunsiderazzjoni li tista’ tiddetermina r-rilevanza tal-metaboliti. Din tista’ wkoll tiġi ddeterminata indipendentement mill-imsemmija klassifikazzjoni. Fil-fatt, l-imsemmi dokument ta’ gwida jindika li “l-klassifikazzjoni tat-tossiċità tas-sustanza attiva omm […] tintuża għal raġunijiet prattiċi bħala punt ta’ tluq sabiex tiġi orjentata l-attività ta’ eżami” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
128 |
Barra minn hekk, id-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar il-Metaboliti Preżenti fl-Ilma ta’ Taħt l-Art jindika espressament li, “indipendentement mill-klassifikazzjoni tas-sustanza attiva omm, jekk hemm lok li jiġi mistenni li ċertu prodott ta’ degradazzjoni jista’ jkun tossiku jew tossiku ħafna, jista’ jkun meħtieġ test speċifiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
129 |
F’dan il-każ, hekk kif huwa indikat fil-premessa 9 tar-regolament ikkontestat, huma l-proprjetajiet intrinsiċi tas-sustanza omm murija fl-istudji, b’mod partikolari fir-rigward tal-kanċeroġeniċità fil-mammiferi u tat-tossiċità għar-riproduzzjoni, li wasslu lill-Kummissjoni tqis il-metaboliti bħala “rilevanti”. |
|
130 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti osservati fl-istudji fuq il-FPS u tan-neċessità speċifika li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art hekk kif indikat b’mod espliċitu fir-Regolament Nru 1107/2009, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u fil-kapaċità tagħha ta’ amministratur tar-riskji, qieset, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-preżenza tat-tliet metaboliti tal-FPS fl-ilma ta’ taħt l-art kienet ta’ tħassib, peress li ma kienx intwera li dawn il-metaboliti ma kellhomx l-istess proprjetajiet intrinsiċi bħas-sustanza omm. Għaldaqstant hija kkonkludiet li ma kienx possibbli li jiġi stabbilit li l-preżenza tal-metaboliti fl-ilma ta’ taħt l-art, li xi wħud minnhom kienu jeċċedu l-limitu ta’ 0.1 μg/l fil-każijiet kollha, ma jkollhiex effetti inaċċettabbli fuq dan l-ilma u lanqas effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem. |
|
131 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni la kisret ir-Regolament Nru 1107/2009, la kisret ir-Regolament Nru 1272/2008 u lanqas kisret id-Dokument ta’ Gwida tagħha dwar il-Metaboliti Preżenti fl-Ilma ta’ Taħt l-Art. |
|
132 |
Konsegwentement hemm lok li din il-parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda. |
3. Fuq il‑ksur tar‑regoli dwar l‑esperimentazzjoni fuq l‑annimali inklużi fir‑Regolament Nru 1107/2009 u fid‑Direttiva 2010/63
|
133 |
Permezz ta’ din il-parti tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat jikser ir-regoli dwar l-esperimentazzjoni fuq l-annimali sa fejn l-EFSA u l-Kummissjoni ma pprevedewx soluzzjonijiet adegwati sabiex jissostitwixxu l-użu tal-esperimentazzjoni fuq l-annimali vertebrati qabel ma talbu t-twettiq ta’ studji ġodda in vivo bil-għan li jiġi eskluż l-potenzjal ġenotossiku tal-metabolit IN‑JE127. |
|
134 |
B’mod partikolari, fil-proċedura ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS, l-EFSA u l-Kummissjoni ma ħadux inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-“aħħar rikors”, sa fejn huma identifikaw “lakuna fid-data” li tikkonċerna studju in vivo addizzjonali li jistabbilixxi l-espożizzjoni tal-mudullun għall-metabolit IN‑JE127, mingħajr ma ħadu debitament inkunsiderazzjoni l-metodi alternattivi li ma jinvolvux l-annimali, mingħajr ma analizzaw il-valur probatorju tal-provi prodotti u mingħajr ma ħadu inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-istudju l-ġdid in vitro tal-ġenotossiċità (mutazzjoni tal-ġene fiċ-ċelloli tal-mammiferi) ippreżentat minn DuPont, li kien juri b’mod ċar riżultati negattivi, u, min-naħa l-oħra d-data addizzjonali li tirriżulta mill-mudellizzazzjoni prodotta minn DuPont, li turi li l-metabolit IN‑JE127 ma jinfiltrax fl-ilma ta’ taħt l-art f’konċentrazzjonijiet għola minn 0.1 μg/l, fatt li jipprova li t-test il-ġdid in vivo mitlub mill-EFSA huwa inutli u għaldaqstant inġustifikat. |
|
135 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
136 |
F’dan il-każ, għandu qabelxejn jiġi rrilevat li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-EFSA u l-Kummissjoni eżiġew it-twettiq ta’ studji ġodda in vivo sabiex jiġi eskluż il-potenzjal ġenotossiku tal-metabolit IN‑JE127. |
|
137 |
Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-EFSA, fil-konklużjonijiet irriveduti tagħha ta’ Ottubru 2016, irrilevat lakuna fid-data relatata mal-profil ġenotossiku tal-metabolit IN‑JE127 meta indikat li studju in vivo mwettaq fuq mammiferi kien ta riżultati negattivi u li dan ma kienx ippermetta li tiġi kkonfermata espożizzjoni tal-mudullun. Madankollu, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-EFSA ma talbitx studju ġdid in vivo sabiex jiġi eskluż l-potenzjal ġenotossiku tal-metabolit IN‑JE127, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti. |
|
138 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda, u għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
C. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑fatt li l‑Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq dokument ta’ gwida ġdid jew użat b’mod inkoerenti dokumenti ta’ gwida, bi ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali u tad‑drittijiet tad‑difiża tal‑applikanti għal tiġdid
|
139 |
Dan il-motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Minn naħa, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-ġenotossiċità tal-metabolit IN‑JE127, ir-rikorrenti ssostni li l-EFSA bbażat ruħha fuq dokumenti ta’ gwida li ma kinux ġew aċċettati jew li ma kinux applikabbli fil-mument tal-preżentazzjoni tal-fajl ta’ tiġdid tal-FPS. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskji relatati mal-algi, ir-rikorrenti ssostni li l-EFSA użat b’mod inkoerenti d-dokumenti ta’ gwida u approvat evalwazzjoni tar-riskji li kienet tikkontradixxi d-dokument ta’ gwida disponibbli. |
1. Fuq l‑evalwazzjoni tal‑ġenotossiċità tal‑metabolit IN‑JE127
|
140 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-ġenotossiċità tal-metabolit IN‑JE127 twettqet abbażi ta’ dokument ta’ gwida li ma kienx ġie approvat u li ma kienx applikabbli fil-mument tal-preżentazzjoni tal-fajl ta’ tiġdid tal-FPS. |
|
141 |
F’dan ir-rigward, skont ir-rikorrenti, ir-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali kif ukoll l-Artikolu 12(2) u l-punt 3.8.3 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009, li jeżiġu espressament li l-evalwazzjoni tar-riskji titwettaq mill-EFSA “bl-użu ta’ dokumenti ta’ gwida disponibbli fiż-żmien tal-applikazzjoni [għal approvazzjoni jew għal tiġdid]” u “fuq il-bażi ta’ linji gwida għat-testijiet maqbula fil-livell [tal-Unjoni] jew internazzjonali”. L-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1141/2010 jikkonferma l-applikazzjoni ta’ din ir-regola stabbilita sew fil-kuntest tal-programm ta’ reviżjoni tas-sustanzi AIR‑2, li fosthom hemm il-FPS. |
|
142 |
Skont ir-rikorrenti, anki jekk il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tirrevedi l-approvazzjoni tal-FPS billi tibbaża ruħha fuq ir-rekwiżiti fformulati f’“dokument ta’ gwida” ġdid, bħall-Opinjoni Xjentifika tal-EFSA tat‑3 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istrateġiji ta’ Testijiet ta’ Ġenotossiċità Applikabbli għall-Evalwazzjoni tas-Sigurtà tal-Prodotti tal-Ikel u tal-Għalf (iktar ’il quddiem l-“Opinjoni Xjentifika tal‑2012”), hija kienet manifestament meħtieġa tagħti l-possibbiltà lill-applikanti għal tiġdid tindirizza r-rekwiżiti l-ġodda fil-qasam tad-data li jirriżultaw mill-imsemmija opinjoni xjentifika. |
|
143 |
Fil-każ tal-FPS, DuPont saret taf bil-“lakuna fid-data” li tirrigwarda l-ġenotossiċità tal-metabolit IN‑JE127 biss fil-mument meta l-EFSA kienet ippubblikat il-konklużjonijiet irriveduti tagħha f’Ottubru 2016, ferm wara t-tmiem tal-proċedura inizjali ta’ “eżami inter pares” għall-FPS. Sabiex tindirizza dan ir-rekwiżit il-ġdid fil-qasam tad-data, DuPont kienet immedjatament bdiet żewġ studji oħra li kienu kkonfermaw il-profil mhux ġenotossiku tal-metabolit IN‑JE127. Hija kienet informat lill-Kummissjoni bir-riżultati ta’ dawn l-istudji fit‑18 ta’ Ottubru 2016 u fit‑13 ta’ Jannar 2017. Madankollu, il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni dawn ir-riżultati qabel l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, fatt li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-drittijiet tad-difiża tal-applikanti għal tiġdid. |
|
144 |
Ir-rikorrenti żżid li, anki jekk l-Opinjoni Xjentifika tal‑2012 ġiet ippubblikata qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-fajl tal-FPS, dan madankollu ma jweġibx għall-argument ibbażat fuq il-fatt li l-EFSA bbażat ruħha fuq opinjoni xjentifika li llum għadha s-suġġett ta’ eżami skont il-mandat proprju tal-Kummissjoni u, għaldaqstant, ma tikkostitwixxix metodoloġija stabbilita u miftiehma dwar l-evalwazzjoni tar-riskji fis-seħħ fil-mument tal-preżentazzjoni tal-fajl. Skont ir-rikorrenti, fl-istennija tal-eżitu tal-eżami mibdi mill-EFSA, il-Kummissjoni ssospendiet l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni ta’ natura regolatorja dwar it-tiġdid possibbli tas-sustanzi li għalihom kien ġie identifikat biss tħassib marbut mal-ġenotossiċità. |
|
145 |
Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, l-Opinjoni Xjentifika tal‑2012 ġiet ippubblikata biss wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1141/2010, fit‑28 ta’ Diċembru 2010. Peress li l-Artikolu 16(2) tal-istess regolament jimponi l-użu tad-“dokumenti ta’ gwida li jkunu disponibbli fil-ħin tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament”, l-EFSA u l-Kummissjoni kien imisshom ukoll naqsu fuq din il-bażi milli jibbażaw ruħhom fuq l-Opinjoni Xjentifika tal‑2012 fl-evalwazzjoni tal-FPS. |
|
146 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
147 |
Fir-rigward ta’ din il-parti tat-tieni motiv, għandu qabel kollox jiġi kkonstatat li din hija ineffettiva. |
|
148 |
Fil-fatt, ksur eventwali tar-Regolament Nru 1107/2009, tar-Regolament Nru 1141/2010, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali jew tad-drittijiet tad-difiża fir-rigward ta’ dan l-aspett tal-proċedura ma jistax ikollu bħala konsegwenza l-annullament tar-regolament ikkontestat. Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, mingħajr il-konstatazzjoni dwar in-nuqqas ta’ data dwar il-potenzjal ġenotossiku tal-metabolit IN‑JE127, imsemmija fil-premessa 10 tar-regolament ikkontestat, hija xorta waħda kienet tasal għall-istess konklużjoni, fid-dawl tal-eżistenza ta’ riskju għoli ta’ espożizzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art għal diversi metaboliti oħra tal-FPS u ta’ riskju għoli għall-organiżmi akwatiċi. Fil-fatt, dan il-motiv huwa ppreżentat fir-regolament ikkontestat bħala motiv addizzjonali, jew saħansitra superfluwu. |
|
149 |
Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-EFSA bbażat ruħha fuq l-Opinjoni Xjentifika tal‑2012 bi ksur tar-regola li skontha l-evalwazzjonijiet tar-riskji għandhom jitwettqu abbażi tad-dokumenti ta’ gwida applikabbli fid-data tal-preżentazzjoni tal-fajl, għandu jiġi rrilevat, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, li l-ewwel verżjoni tal-imsemmija opinjoni ġiet ippubblikata fit‑30 ta’ Settembru 2011, hekk kif huwa indikat fl-ewwel paġna. |
|
150 |
Konsegwentement, ma jistax jiġi sostnut li l-evalwazzjonijiet tar-riskji twettqu abbażi ta’ dokument ta’ gwida ppubblikat wara l-preżentazzjoni kompleta tal-fajl ta’ tiġdid, iddatat Mejju 2012. |
|
151 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif huwa indikat fit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, li l-Opinjoni Xjentifika tal‑2012 ma ġietx formalment adottata mill-Kummissjoni bħala dokument ta’ gwida skont l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 1107/2009. Din hija pjuttost opinjoni xjentifika li l-EFSA tuża sabiex tevalwa l-aspetti fil-qasam tal-ġenotossiċità fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti tal-ikel u l-għalf. |
|
152 |
Skont il-Kummissjoni, l-opinjonijiet xjentifiċi tal-EFSA jirrappreżentaw l-iktar għarfien xjentifiku reċenti f’qasam partikolari, f’dan il-każ fil-qasam tal-ġenotossiċità, f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjonijiet tas-sigurtà tal-prodotti tal-ikel u tal-għalf. |
|
153 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1107/2009 jindika espressament li l-EFSA għandha tadotta l-konklużjonijiet tagħha li fihom hija tippreċiża jekk is-sustanza attiva tistax tissodisfa l-kriterji ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 4 tal-istess regolament, “fid-dawl ta’ tagħrif xjentifiku u tekniku attwali”. |
|
154 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-EFSA ma tistax tiġi kkritikata li wettqet evalwazzjoni tar-riskju abbażi tal-Opinjoni Xjentifika tal‑2012, li tillimita ruħha tiġbor fil-qosor l-iktar għarfien xjentifiku reċenti fil-qasam tal-ġenotossiċità u li l-ewwel verżjoni tagħha ġiet, barra minn hekk, ippubblikata qabel il-preżentazzjoni kompleta tal-fajl ta’ tiġdid. |
|
155 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Opinjoni Xjentifika tal‑2012 ma setgħetx tintuża, peress li din ġiet ippubblikata wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1141/2010, fit‑28 ta’ Diċembru 2010, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 151 iktar ’il fuq, li l-imsemmija opinjoni xjentifika ma ġietx formalment adottata mill-Kummissjoni bħala dokument ta’ gwida skont l-Artikolu 77 tar-Regolament Nru 1107/2009. Għalhekk, l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1141/2010 ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Għaldaqstant, dan l-argument għandu wkoll jiġi miċħud. |
|
156 |
Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument li, anki jekk il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tirrevedi l-approvazzjoni tal-FPS billi tibbaża ruħha fuq ir-rekwiżiti fformulati f’“dokument ta’ gwida” ġdid, hija kienet manifestament meħtieġa tagħti l-possibbiltà lill-applikanti għal tiġdid tindirizza r-rekwiżiti l-ġodda fil-qasam tad-data li jirriżultaw minn dan id-“dokument ta’ gwida” l-ġdid, għandu jitqies li dan lanqas ma jista’ jirnexxi. |
|
157 |
Fil-fatt, huwa ċertament ta’ dispjaċir li l-“lakuna fid-data” li tirrigwarda l-ġenotossiċità tal-metabolit IN‑JE127 ġiet mgħarrfa lill-applikanti għal tiġdid biss fil-mument meta l-EFSA ppubblikat il-konklużjonijiet irriveduti tagħha f’Ottubru 2016, ferm wara t-tmiem tal-proċedura inizjali ta’ “eżami inter pares” għall-FPS. Madankollu, hekk kif ġie rrilevat iktar ’il fuq, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-“lakuna fid-data” ma hijiex ibbażata fuq rekwiżit ġdid fil-qasam tad-data li jirriżulta minn “dokument ta’ gwida” ġdid. Għall-kuntrarju, din hija bbażata fuq opinjoni xjentifika li sempliċement tiġbor fil-qosor l-iktar għarfien xjentifiku reċenti fil-qasam tal-ġenotossiċità u li l-ewwel verżjoni tagħha ġiet ippubblikata qabel il-preżentazzjoni tal-fajl ta’ tiġdid. |
|
158 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, din il-parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda. |
2. Fuq l‑evalwazzjoni tar‑riskji relatati mal‑algi
|
159 |
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-riskji relatati mal-algi, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-mod li bih l-EFSA wettqet l-evalwazzjoni tar-riskji assoċjati mal-FPS għall-algi huwa, minn naħa, inkoerenti, b’mod komparattiv mal-approċċ adottat fl-evalwazzjoni tar-riskji għall-pjanti akwatiċi, u, min-naħa l-oħra, manifestament żbaljat sa fejn l-EFSA tbiegħdet mid-Dokument ta’ Gwida tagħha dwar l-Evalwazzjoni tar-Riskji għall-Organiżmi Akwatiċi kif ukoll mil-linji gwida rilevanti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD). |
|
160 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-EFSA wettqet evalwazzjoni globali ta’ livell għoli għall-pjanti akwatiċi li tikkonstata użi siguri, iżda biss evalwazzjoni tal-livell 1 għall-algi li twassal inevitabbilment għall-identifikazzjoni ta’ “riskju għoli”. Skont ir-rikorrenti, kieku l-EFSA segwiet approċċ koerenti kemm għall-algi kif ukoll għall-pjanti akwatiċi, jiġifieri billi tnaqqas il-valur tal-fattur ta’ evalwazzjoni u billi tieħu inkunsiderazzjoni l-valur ta’ riferiment relatat mar-rata ta’ tkabbir, użi siguri kienu jiġu identifikati ukoll għall-algi. |
|
161 |
Fi kwalunkwe każ, skont ir-rikorrenti, hekk kif saret taf dwar l-approċċ mhux mistenni tal-EFSA, l-applikanti għal tiġdid wettqet studju addizzjonali fuq l-algi bil-għan li dan jiġi inkluż fl-analiżi tad-distribuzzjoni tas-sensittività tal-ispeċi li kien jippermetti, flimkien mad-data kollha disponibbli, li jiġu identifikati użi siguri għall-algi. Madankollu, għal darba oħra, il-Kummissjoni rrifjutat li teżamina dan l-istudju, għaliex dan kien ġie prodott wara t-tmiem tal-eżami inter pares, bi ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni invokati mir-rikorrenti. |
|
162 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
163 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, abbażi tal-elementi inklużi fil-fajl u tat-tweġiba pprovduta mill-Kummissjoni fuq dan l-aspett għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, tista’ tiġi kkonstatata ċerta differenza fl-approċċ segwit mill-EFSA fl-evalwazzjoni mwettqa għall-algi u f’dik imwettqa għall-pjanti akwatiċi. B’mod partikolari, l-EFSA aċċettat li tnaqqas il-valur tal-fattur ta’ evalwazzjoni għall-pjanti akwatiċi li tikkonstata użi siguri, iżda rrifjutat li tnaqqas il-valur tal-fattur ta’ evalwazzjoni għall-algi li twassal għall-identifikazzjoni ta’ riskju għoli. Barra minn hekk, l-EFSA użat, bħala kriterju osservat fl-evalwazzjoni tar-riskji għall-algi, il-bijomassa, minflok ir-rata ta’ tkabbir, li kienet tippermettilha, skont ir-rikorrenti, tistabbilixxi użi mingħajr riskju f’diversi xenarji ambjentali rilevanti msejħa “FOCUS”, li tkejjel il-vulnerabbiltà tal-ilma ta’ taħt l-art għall-kontaminazzjoni li tirriżulta mill-użu ta’ sustanza attiva, filwaqt li hija użat il-valur tar-rata ta’ tkabbir għall-evalwazzjoni tar-riskji għall-pjanti akwatiċi. |
|
164 |
Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-evalwazzjoni tar-riskji għall-organiżmi akwatiċi kollha kienet ibbażata prinċipalment fuq id-Dokument ta’ Gwida tal-EFSA dwar l-Evalwazzjoni tar-Riskji għall-Organiżmi Akwatiċi tal‑2002, li kien id-dokument uffiċjalment applikabbli fil-mument meta ġie ppreżentat il-fajl ta’ tiġdid tal-FPS, f’Mejju 2012. Għall-kuntrarju, id-dokument ta’ gwida l-ġdid tal-EFSA, jiġifieri d-Dokument ta’ Gwida tal-EFSA dwar l-Evalwazzjoni Skont il-Livell tar-Riskji Assoċjati mal-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti għall-Organiżmi Akwatiċi li Jgħixu fl-Ilma tal-Wiċċ fit-Tarf tal-Għelieqi tal‑5 ta’ Awwissu 2013, imsemmi mir-rikorrenti, huwa applikabbli għall-applikazzjonijiet ippreżentati mill‑1 ta’ Jannar 2015, jiġifieri wara l-eżami tal-FPS. |
|
165 |
Fir-rigward ta’ dan l-aħħar dokument, il-Kummissjoni tispjega li, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni fl-applikazzjoni ta’ dan id-dokument il-ġdid, twettqu evalwazzjonijiet każ b’każ u l-EFSA organizzat laqgħat ta’ esperti kull darba li kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar l-approċċ użat matul il-fażi ta’ osservazzjonijiet dwar l-evalwazzjonijiet. Fil-fatt, l-applikanti kienu diġà jipprovdu qabel l‑1 ta’ Jannar 2015 data u evalwazzjonijiet tar-riskji li kienu jsegwu ċerti rakkomandazzjonijiet ta’ dan id-dokument ta’ gwida, skont l-opinjoni xjentifika ppubblikata fl‑2013 li kienet serviet ta’ bażi għal dan id-dokument ta’ gwida. |
|
166 |
Skont il-ġurisprudenza, sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi ta’ natura li jiġġustifika l-annullament tal-att ikkontestat, il-provi prodotti mir-rikorrenti għandhom ikunu suffiċjenti sabiex jirrendu mhux plawżibbli l-evalwazzjonijiet tal-fatti użati fl-att (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Diċembru 1996, AIUFFASS u AKT vs Il‑Kummissjoni, T‑380/94, EU:T:1996:195, punt 59, u tal-1 ta’ Lulju 2004, Salzgitter vs Il‑Kummissjoni, T‑308/00, EU:T:2004:199, punt 138). Bla ħsara għal dan l-eżami ta’ plawżibbiltà, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi mwettqa mill-awtur tal-att bl-evalwazzjoni tagħha (sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2011, Dow AgroSciences et Il-Kummissjoni, T‑475/07, EU:T:2011:445, punt 152). |
|
167 |
Issa, minn naħa, l-EFSA u l-esperti ġġustifikaw b’mod iddettaljat, fuq il-livell tekniku, id-differenzi possibbli bejn l-approċċi segwiti għall-algi u għall-pjanti akwatiċi u l-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward huma suffiċjentement kredibbli. Fil-fatt, il-Kummissjoni spjegat, b’mod partikolari, li t-tnaqqis tal-fattur ta’ evalwazzjoni għall-pjanti akwatiċi, assoċjat mal-użu tal-valur ta’ riferiment tar-rata ta’ tkabbir, ġie ssuġġerit bħala soluzzjoni alternattiva mill-esperti minħabba l-fatt li l-ispeċi lemna gibba rriżultat li kienet estremament iktar sensittiva mill-ispeċi l-oħra kollha użati fit-test. Għall-kuntrarju, id-differenza fis-sensittività tal-ispeċi użati fit-test għall-algi ma kinitx tant kbira u, konsegwentement, l-istess tnaqqis tal-fattur ta’ evalwazzjoni ma setax jiġi adottat. |
|
168 |
Min-naħa l-oħra, il-provi prodotti mir-rikorrenti ma humiex suffiċjenti sabiex jirrendu mhux plawżibbli r-regolament ikkontestat, li huwa bbażat b’mod partikolari fuq l-evalwazzjonijiet tal-EFSA. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ta’ fatti kumplessi mwettqa mill-awtur tal-att bl-evalwazzjoni tagħha. |
|
169 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-istudju addizzjonali pprovdut mir-rikorrenti, li, skont din tal-aħħar, ippermetta, flimkien mad-data kollha disponibbli, li jiġu identifikati użi siguri għall-algi, iżda li ma tteħidx inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li dan ġie ppreżentat fit‑13 ta’ Jannar 2017, jiġifieri wara l-finalizzazzjoni tal-konklużjonijiet xjentifiċi tal-EFSA u kważi fit-tmiem tal-proċedura ta’ tiġdid. F’dawn iċ-ċirkustanzi u fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 1141/2010 li jippermettu s-sottomissjoni ta’ data addizzjonali fi stadju daqshekk tardiv tal-evalwazzjoni, għandu jiġi jitqies li huwa b’mod korrett li l-Kummissjoni rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmi studju. |
|
170 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li din il-parti tat-tieni motiv tiġi miċħuda, u għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
D. Fuq it‑tielet motiv ibbażat fuq il‑fatt li l-Kummissjoni naqset milli twettaq evalwazzjoni kompleta tar‑riskji, bi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni u tad‑drittijiet tad‑difiża tal‑applikanti għal tiġdid
|
171 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli twettaq evalwazzjoni kompleta tar-riskji, bi ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1141/2010. |
|
172 |
Ir-rikorrenti ssostni li, meta tiddeċiedi dwar it-tiġdid ta’ sustanza, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq il-konklużjonijiet tal-EFSA biss, iżda, għall-kuntrarju, hija għandha l-obbligu tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-konklużjonijiet li wasal għalihom is-SMR, l-osservazzjonijiet li fformulaw l-applikant għal tiġdid u l-Istati Membri l-oħra dwar l-evalwazzjoni tar-riskji mis-SMR kif ukoll kull prova xjentifika rilevanti oħra li hija għandha. Dan jinkludi, b’mod partikolari, id-data, l-istudji jew it-teħid ta’ pożizzjoni addizzjonali kollha ppreżentati minn applikant — anki wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet tal-EFSA — sabiex jiġu indirizzati “lakuni fid-data” jew “tħassib” konkret li l-applikant ma setax raġonevolment jipprevedi fil-mument tal-preżentata tal-fajl — minkejja l-fatt li l-fajl tiegħu kien kompletament konformi mar-rekwiżiti fil-qasam tad-data fis-seħħ u mad-dokumenti ta’ gwida applikabbli fil-mument tal-preżentazzjoni. |
|
173 |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni bbażat ir-regolament ikkontestat fuq il-konklużjonijiet tal-EFSA biss u ma ħadet inkunsiderazzjoni ebda prova xjentifika oħra prodotta mill-applikanti għal tiġdid u li tikkonferma s-sigurtà tal-FPS. |
|
174 |
Ir-rikorrenti ssostni li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009 ma tipprojbixxi lill-Kummissjoni milli teżamina data addizzjonali kkomunikata wara t-tmiem tal-eżami inter pares. Għall-kuntrarju, hekk kif ikkonfermat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni għandha l-obbligu tiżgura t-twettiq ta’ evalwazzjoni tar-riskji globali u għalhekk, jekk ikun il-każ, li titlob u li teżamina data addizzjonali qabel ma tieħu deċiżjoni dwar l-approvazzjoni jew it-tiġdid. Il-Kummissjoni stess irrikonoxxiet fil-kuntest ta’ proċeduri preċedenti quddiem l-Ombudsman Ewropew li r-Regolament Nru 1107/2009 kien jippermettilha titlob u teżamina data addizzjonali matul il-proċedura ta’ eżami. |
|
175 |
Skont ir-rikorrenti, is-sempliċi possibbiltà ta’ “sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet” manifestament ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi żgurat li jitwettaq eżami globali u li d-drittijiet tad-difiża tal-applikant ikunu debitament irrispettati. Il-limitazzjoni għal sempliċi osservazzjonijiet, pereżempju meta jiġu evalwati l-konklużjonijiet tal-EFSA, ma tippermettix lill-applikant jippreżenta studji u data ġodda li jistgħu verament jindirizzaw tħassib jew lakuni fid-data. |
|
176 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
177 |
F’dan ir-rigward, qabel kollox għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, fil-każijiet fejn istituzzjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza ħafna iktar fundamentali. Dawn il-garanziji jinkludu, b’mod partikolari, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 171 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
178 |
Minn dan jirriżulta li t-twettiq ta’ evalwazzjoni xjentifika tar-riskji l-iktar eżawrjenti possibbli abbażi ta’ opinjonijiet xjentifiċi bbażati fuq il-prinċipji ta’ eċċellenza, ta’ trasparenza u ta’ indipendenza jikkostitwixxi garanzija proċedurali importanti sabiex tiġi żgurata l-oġġettività xjentifika tal-miżuri u sabiex jiġu evitati miżuri arbitrarji (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 172). |
|
179 |
Fid-dawl tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi rrilevat li l-proċedura ta’ tiġdid tal-FPS damet minn Mejju 2012 sa Lulju 2017, jiġifieri iktar minn ħames snin. |
|
180 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1107/2009 u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1141/2010, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet, minn naħa, sempliċement jindikaw li l-Kummissjoni għandha tfassal rapport ta’ eżami u abbozz ta’ regolament billi tieħu inkunsiderazzjoni l-abbozz ta’ rapport ta’ evalwazzjoni stabbilit mis-SMR u l-konklużjonijiet adottati mill-EFSA u, min-naħa l-oħra, jagħtu l-possibbiltà lill-applikant għal tiġdid jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu. Ma jistax jiġi sostnut li kien hemm ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. |
|
181 |
Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rapport tas-SMR, għalkemm huwa minnu li dan tal-aħħar ikkonkluda li l-fajl ta’ tiġdid kien komplet u kien favorevoli għat-tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS, xorta jibqa’ l-fatt li dan enfasizza diversi problemi relatati, b’mod partikolari, mal-metaboliti fl-ilma ta’ taħt l-art u mar-riskju għall-organiżmi akwatiċi. Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-evalwazzjoni tar-riskji għall-organiżmi akwatiċi, is-SMR irrakkomanda diskussjoni bejn esperti, hekk kif jirriżulta mit-Taqsima 3.1.8 tal-Volum 1 tar-rapport tiegħu. |
|
182 |
Fir-rigward tal-possibbiltà għall-applikant għal tiġdid li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li t-tmexxija tal-proċedura min-naħa tal-Kummissjoni ma tikkostitwixxix ksur tad-drittijiet tad-difiża jew tad-dritt għal smigħ tar-rikorrenti. |
|
183 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, f’kull proċedura mibdija kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lil din tal-aħħar, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jkun żgurat, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proċedura inkwistjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li d-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jkunu jistgħu jesponu b’mod utli l-opinjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 2006, Dokter et, C‑28/05, EU:C:2006:408, punt 74, u tad‑9 ta’ Settembru 2008, Bayer CropScience et vs Il‑Kummissjoni, T‑75/06, EU:T:2008:317, punt 130). Id-dritt għal smigħ, fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva li tirrigwarda persuna speċifika, jikkostitwixxi korollarju tad-drittijiet tad-difiża li għandu jiġi rrispettat anki fl-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2002, Alpharma vs Il‑Kunsill, T‑70/99, EU:T:2002:210, punt 388 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
184 |
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti setgħet tifformula l-osservazzjonijiet tagħha fil-ħin. Fil-fatt, hekk kif tfakkar fil-punti 4 sa 33 iktar ’il fuq, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni ġabret l-osservazzjonijiet tagħha kemm fuq ir-rapport ta’ evalwazzjoni tas-SMR kif ukoll fuq il-konklużjonijiet tal-EFSA u r-rapport ta’ eżami tagħha. Barra minn hekk, ir-rikorrenti nstemgħet mill-Kummissjoni waqt il-laqgħa tal‑24 ta’ Ġunju 2015, li fiha ġiet diskussa l-evalwazzjoni tat-tiġdid tal-FPS. |
|
185 |
Minn dan isegwi li r-rikorrenti ġiet mistiedna tifformula l-osservazzjonijiet tagħha u li hija fformulathom kemm bil-miktub kif ukoll waqt seduta mad-dipartimenti tal-Kummissjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti effettivament eżerċitat id-drittijiet tad-difiża tagħha. |
|
186 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħadet inkunsiderazzjoni ebda prova xjentifika oħra prodotta mill-applikanti għal tiġdid u li tikkonferma s-sigurtà tal-FPS, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif ikkonstatat il-Kummissjoni, li, skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 1141/2010, data ġdida ppreżentata mingħajr ma tkun intalbet jew ippreżentata fi tmiem il-proċess ta’ approvazzjoni u wara l-eżami inter pares ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni. |
|
187 |
Anki jekk huwa minnu li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1107/2009 ma tipprojbixxi espressament lill-Kummissjoni milli teżamina data addizzjonali kkomunikata wara t-tmiem tal-eżami inter pares, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 14 tal-imsemmi regolament, “[b]iex tiġi mgħaġġla l-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi, għandhom jiġu stabbiliti dati ta’ skadenza stretti għall-passi proċedurali differenti”. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi termini pjuttost stretti għal kull stadju tal-proċedura ta’ approvazzjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 1141/2010 juża l-istess approċċ sabiex jirregola l-proċedura ta’ tiġdid. |
|
188 |
Barra dan, għandu jitqies li estensjoni indefinita tat-terminu ta’ evalwazzjoni ta’ sustanza attiva tkun kuntrarja għall-għan tad-Direttiva 1107/2009 li huwa li jiġi ggarantit livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll tal-ambjent. |
|
189 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiġi kkritikata li rrifjutat li teżamina data addizzjonali kkomunikata wara t-tmiem tal-eżami inter pares. |
|
190 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif tindika l-premessa 19 tar-regolament ikkontestat, ir-rikorrenti għandha l-possibbiltà li tippreżenta applikazzjoni għal approvazzjoni ġdida, li fiha kull data ġdida jew kull studju xjentifiku ġdid prodotti sabiex jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem fil-kuntest tal-proċedura ta’ tiġdid inkwistjoni jkunu jistgħu jiġu sottomessi. |
|
191 |
Fid-dawl taċ-ċirkustanzi preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li r-regolament ikkontestat la jikser l-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1107/2009, la jikser l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 1141/2010, u lanqas jikser id-drittijiet tad-difiża jew id-dritt għal smigħ tar-rikorrenti. Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud. |
E. Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità
|
192 |
Ir-rikorrenti tallega li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) TUE sa fejn dan huwa sproporzjonat fir-rigward tal-għan tar-Regolament Nru 1107/2009, li jikkonsisti f’li jiġi ggarantit li s-sustanzi kollha inklużi fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jkunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ evalwazzjoni tar-riskji sabiex jiġi żgurat li biss is-sustanzi inoffensivi għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew għall-ambjent jkunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq uniku. |
|
193 |
Qabel kollox, ir-rikorrenti tinsisti fuq l-assenza ta’ prova tal-ħsara tal-FPS. |
|
194 |
Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tossiċità allegata tal-metaboliti preżenti fl-ilma ta’ taħt l-art, ir-rikorrenti tenfasizza li attwalment ma teżisti ebda bażi legali jew xjentifika li tippermetti li tiġi preżunta r-rilevanza tat-tliet metaboliti tal-FPS (IN‑JV460, IN‑KC576 u IN‑KY374) li l-preżenza mistennija tagħhom fl-ilma ta’ taħt l-art taqbeż il-limitu ta’ 0.1 μg/l. Barra minn hekk, l-istudji addizzjonali mwettqa minn DuPont juru li l-metabolit IN‑JE127 ma huwiex ġenotossiku u ma huwiex preżenti fil-ilma ta’ taħt l-art f’konċentrazzjonijiet li jeċċedu 0.1 μg/l. |
|
195 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riskju għall-organiżmi akwatiċi — b’mod partikolari l-algi u l-pjanti akwatiċi —, skont ir-rikorrenti, diversi studji ta’ livell superjuri disponibbli juru li użi tal-FPS mingħajr riskju għal dawn tal-aħħar huma possibbli permezz ta’ titjib adegwat konformi mad-Dokument ta’ Gwida tal-EFSA dwar l-Evalwazzjoni tar-Riskji għall-Organiżmi Akwatiċi u mal-linji gwida rilevanti tal-OECD. |
|
196 |
Ir-rikorrenti tqis li n-natura sproporzjonata tar-regolament ikkontestat tirriżulta iktar u iktar mill-fatt li l-FPS għandha wieħed mill-profili regolatorji l-iktar siguri fost l-erbiċidi eżistenti u tixtieq ukoll li tingħata attenzjoni partikolari għall-konsegwenzi tar-regolament ikkontestat u b’mod iktar preċiż għat-telf li jkun subit minnha kif ukoll mill-bdiewa minħabba ċ-ċaħda ta’ sustanza importanti għall-ġlieda kontra l-ħaxix ħażin fl-uċuħ tar-raba’, peress li l-EFSA identifikat ċertu numru ta’ użi li għalihom is-sostituti għall-prodotti li għandhom bħala bażi l-FPS kienu attwalment ineżistenti jew insuffiċjenti. |
|
197 |
Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni setgħet tagħżel approċċi oħra li għandhom konsegwenzi inqas serji, pjuttost milli tadotta deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS. |
|
198 |
Ir-rikorrenti xtaqet tkun tista’ tibbenefika mill-proċedura dwar id-data konfermattiva (iktar ’il quddiem il-“PDK”) prevista fl-Artikolu 6(f) tar-Regolament Nru 1107/2009 li tippermetti lill-Kummissjoni tapprova sustanza inkorporata fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti jew iġġedded l-approvazzjoni tagħha bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata data konfermattiva sabiex jiġu indirizzati l-“lakuni fid-data”. Ir-rikorrenti tikkontesta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-PDK għandha tintuża biss sabiex jiġu indirizzati “lakuni fid-data” mhux mistennija li jirriżultaw minn linji gwida ġodda jew emendati. Għaldaqstant, il-PDK għandha wkoll tippermetti l-preżentazzjoni ta’ informazzjoni li “titqies bħala li hija ta’ natura konfermattiva u bħala meħtieġa sabiex tiżdied il-kunfidenza fid-deċiżjoni”. Ir-rikorrenti tqis li kien xieraq li hija tibbenefika minnha b’mod partikolari sabiex tkun tista’ tintwera l-espożizzjoni tal-mudullun għall-metabolit IN‑JE127 fl-istudju ta’ ġenotossiċità fil-ġrieden, peress li dan ir-rekwiżit il-ġdid fil-qasam tad-data kien jirriżulta minn opinjoni xjentifika ġdida li ma kinitx disponibbli fil-mument tal-preżentazzjoni tal-fajl, jew inkella sabiex jiġi indirizzat, jekk ikun il-każ, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-ECHA dwar il-klassifikazzjoni tal-perikli, il-profil ta’ tossiċità tat-tliet metaboliti tal-FPS allegatament “rilevanti”. |
|
199 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ġeddet sustanzi fil-passat minkejja l-preżenza ta’ numru ħafna ikbar ta’ metaboliti ta’ tħassib. Pereżempju, it-thifensulfuron‑methyl (AIR‑2) ġiet imġedda meta din kellha mhux inqas minn sitt metaboliti ta’ tħassib. Barra minn hekk, ebda wieħed mit-tliet metaboliti prinċipali tal-ħamrija tal-FPS ma ġie identifikat fl-ilma ta’ taħt l-art fil-kuntest ta’ programm ta’ kontroll ġenerali tal-pestiċidi mwettaq fid-Danimarka mill‑2013 sal‑2016. |
|
200 |
Fir-rigward tal-metabolit IN‑JE127, il-Kummissjoni stess tammetti fir-rapport ta’ evalwazzjoni rrivedut fuq il-FPS li l-espożizzjoni tal-bniedem għal dan il-metabolit hija meqjusa bħala “negliġibbli ħafna”. |
|
201 |
Skont ir-rikorrenti, iż-“żewġ klassifikazzjonijiet issuġġeriti (C2 u R2)” lanqas ma huma f’pożizzjoni li jiddistingwu l-każ tal-FPS minn dak tas-sustanzi l-oħra f’dak li jirrigwarda l-użu tal-PDK. Il-Kummissjoni ta’ spiss tuża l-PDK sabiex titlob data konfermattiva fuq il-metaboliti, inkluż meta l-EFSA tipproponi li s-sustanza omm tiġi kklassifikata għal ċerti riskji. Fil-każ tal-FPS, il-Kummissjoni barra minn hekk indikat li l-ECHA għandha tkun awtorizzata teżamina l-istudji ta’ tossiċità addizzjonali prodotti mill-applikanti għal tiġdid. |
|
202 |
Ir-rikorrenti tenfasizza li l-użu tal-PDK kien ukoll irrakkomandat ħafna minn diversi Stati Membri. |
|
203 |
Fl-aħħar, anki jekk jitqies li jeżisti riskju reali għall-pjanti akwatiċi, ir-rikorrenti tikkontesta r-“riskju għoli” għall-“użi kollha” u tqis li huwa preferibbli li jiġu indirizzati l-kwistjonijiet marbuta mal-ekotossikoloġija fil-livell tal-Istati Membri fil-mument tal-evalwazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, peress li huma jistgħu jiddeċiedu dwar miżuri ta’ restrizzjonijiet speċifiċi, li jkunu inqas restrittivi minn projbizzjoni pura u sempliċi tal-użu tal-FPS, bħal żoni ta’ lqugħ mingħajr bexx madwar żoni akwatiċi. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li din l-opinjoni hija kondiviża mis-SMR, li indika espressament li l-istudji addizzjonali ta’ livell ogħla ppreżentati minn DuPont wara l-pubblikazzjoni tar-rapport ta’ evalwazzjoni tat-tiġdid (inkluż l-istudju dwar l-istabbiliment mill-ġdid tal-algi), li ma tteħdux inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tar-riskji, “jistgħu jiġu eżaminati iktar ’il quddiem fil-livell tal-Istati Membri”. |
|
204 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
205 |
F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li l-argumenti dwar l-allegata assenza ta’ prova tal-ħsara tal-FPS u l-obbligu għall-EFSA u għall-Kummissjoni li jieħdu inkunsiderazzjoni l-istudji l-ġodda pprovduti mill-applikanti għal tiġdid diġà ġew miċħuda fil-kuntest tat-tieni u t-tielet motiv u, konsegwentement, ma humiex ittrattati fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità. |
|
206 |
Sussegwentement, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi li għandhom jiġu milħuqa mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, bl-intendiment li, meta jkun hemm il-possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas restrittiva, u li l-iżvantaġġi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet li għandhom jintlaħqu (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il‑Kunsill, T‑13/99, EU:T:2002:209, punt 411, tas‑7 ta’ Marzu 2013, Acino vs Il‑Kummissjoni, T‑539/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:110, punt 85; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 1987, Maizena et, 137/85, EU:C:1987:493, punt 15). |
|
207 |
Madankollu, għandu jiġi nnotat li, fil-qasam tal-agrikoltura, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-prinċipju ta’ proporzjonalità huwa partikolari, inkwantu l-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali jirrikonoxxu lil-leġiżlatur tal-Unjoni setgħa diskrezzjonali li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li l-Artikoli 40 sa 43 TFUE jattribwixxulu f’dan il-qasam. F’dan il-każ, ir-regolament ikkontestat huwa bbażat fuq ir-Regolament Nru 1107/2009, li għandu bħala bażi legali, b’mod partikolari, l-Artikoli 43 u 114 TFUE. Konsegwentement, hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (sentenzi tal‑5 ta’ Mejju 1998, National Farmers’ Union et, C‑157/96, EU:C:1998:191, punt 61, u tat‑3 ta’ Settembru 2009, Cheminova et vs Il‑Kummissjoni, T‑326/07, EU:T:2009:299, punt 195). |
|
208 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni setgħet tagħżel approċċi oħra li għandhom konsegwenzi inqas serji, bħal tirrikorri għall-PDK, minflok tadotta deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid tal-approvazzjoni tal-FPS. |
|
209 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6(f) tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi effettivament li l-approvazzjoni tista’ tkun suġġetta għal kundizzjonijiet u għal restrizzjonijiet bħall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni konfermattiva addizzjonali lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-EFSA, meta jiġu stabbiliti rekwiżiti ġodda matul il-proċess ta’ evalwazzjoni jew abbażi ta’ għarfien xjentifiku u tekniku ġdid. Il-punt 2.2 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009 jipprevedi l-possibbiltà, f’ċerti każijiet eċċezzjonali, li l-approvazzjoni tas-sustanza attiva tingħata minkejja li ċerta informazzjoni tkun għadha ma ġietx ikkomunikata meta “ir-rekwiżiti tad-data ġew emendati jew irfinati wara l-preżentazzjoni tad-dossier” jew meta “l-informazzjoni titqies bħala li hija ta’ natura konfermatorja, kif meħtieġ biex tiżdied il-kunfidenza fid-deċiżjoni”. |
|
210 |
Taħt dawn id-dispożizzjonijiet, ma huwiex possibbli li jsir użu mill-PDK meta d-data kellha tkun inkluża fil-fajl ta’ tiġdid fil-mument tal-preżentazzjoni tiegħu u meta jkunu disponibbli linji gwida adegwati sabiex titwettaq l-evalwazzjoni meħtieġa. Fil-fatt, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jintużaw sabiex jiġu indirizzati lakuni fid-data kkonstatati matul il-proċess ta’ approvazzjoni. Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jawtorizzawx l-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi li għalihom l-assenza ta’ effetti ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew ta’ effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent jew l-ilma ta’ taħt l-art ma ġietx ipprovata. |
|
211 |
Issa, fl-ewwel lok, fir-rigward tar-riskju għall-ilma ta’ taħt l-art, diġà ġie rrilevat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv li, fid-dawl tal-effetti osservati fl-istudji mwettqa fuq il-FPS, li ċerti proprjetajiet tagħha marbuta mal-kanċeroġeniċità u mat-tossiċità għar-riproduzzjoni kienu ta’ tħassib, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ prekawzjoni u fil-kapaċità tagħha ta’ amministratur tar-riskji, kienet qieset, mingħajr ma wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-preżenza tat-tliet metaboliti tal-FPS (IN‑JV460, IN‑KC576 u IN‑KY374) fl-ilma ta’ taħt l-art kienet ta’ tħassib. |
|
212 |
Fit-tieni lok, fir-rigward tar-riskju għall-organiżmi akwatiċi, l-esperti tal-EFSA u tal-Istati Membri, wara li eżaminaw id-data kollha disponibbli u l-eventwali titjib li għandu jitwettaq fl-evalwazzjoni tar-riskji, ikkonkludew li r-riskju kien għoli. Fil-konklużjonijiet tal-EFSA, fit-Taqsima 9.2, hemm indikat kif ġej: “Riskju għoli huwa identifikat għall-organiżmi akwatiċi bl-użu ta’ kriterju ta’ effett ibbażat fuq il-bijomassa f’disgħa mid-disa’ xenarji fl-istadju FOCUS 3, minħabba l-espożizzjoni għall-imluħ tal-[FPS] għall-użi rappreżentattivi kollha (l-evalwazzjoni tar-riskji twettqet abbażi tal-algi). Ebda titjib adegwat ma huwa attwalment disponibbli.” |
|
213 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jkun preferibbli li l-kwistjonijiet marbuta mal-ekotossikoloġija jiġu indirizzati fil-livell tal-Istati Membri fil-mument tal-evalwazzjoni tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, peress li dawn jistgħu jiddeċiedu dwar miżuri ta’ restrizzjonijiet speċifiċi, għandu jitqies, hekk kif qieset il-Kummissjoni, li din is-soluzzjoni kienet tkun aċċettabbli f’każijiet fejn tal-inqas xi informazzjoni konkreta kienet turi l-eżistenza ta’ mill-inqas xenarju wieħed sigur għal użu rappreżentattiv, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni prevedibbli. Madankollu, l-imsemmija soluzzjoni ma hijiex konċepibbli f’każ bħal dan inkwistjoni fejn l-eżistenza ta’ riskju għoli hija kkonstatata għall-użi kollha, b’teħid inkunsiderazzjoni tar-riżultati ta’ evalwazzjoni globali mwettqa mill-esperti. |
|
214 |
Għalhekk huwa b’mod korrett li l-Kummissjoni ma użatx il-PDK. |
|
215 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’teħid inkunsiderazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni sabiex hija tkun tista’ tilħaq b’mod effettiv l-għan assenjat lilha mir-Regolament Nru 1107/2009 u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha twettaq, għandu jiġi kkonstatat li r-regolament ikkontestat ma jidhirx li huwa manifestament sproporzjonat kemm fir-rigward tar-riskju għall-ilma ta’ taħt l-art kif ukoll fir-rigward tar-riskju għall-organiżmi akwatiċi. |
|
216 |
Għaldaqstant, ir-raba’ motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud. |
F. Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni
|
217 |
Ir-rikorrenti ssostni li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni peress li l-Kummissjoni ttrattat każijiet simili b’mod differenti. Il-Kummissjoni ma segwietx approċċ koerenti u ma applikatx l-istess regoli għall-FPS u għas-sustanzi l-oħra inkorporati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti f’dak li jirrigwarda, l-ewwel, l-evalwazzjoni tal-ġenotossiċità tas-sustanzi inkorporati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u tal-metaboliti tagħhom, it-tieni, il-kwistjoni tal-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art minn sustanzi inkorporati fil-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u mill-metaboliti tagħhom u, it-tielet, it-trattament tal-kwistjonijiet marbuta mal-ekotossikoloġija. |
|
218 |
B’mod partikolari, ir-rikorrenti tafferma li, f’dak li jirrigwarda l-ġenotossiċità, il-Kummissjoni ssospendiet l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni dwar l-approvazzjoni jew it-tiġdid tas-sustanzi li għalihom kien ġie identifikat biss tħassib marbut mal-ġenotossiċità fl-istennija li l-EFSA tirrevedi l-prattika attwali tagħha dwar l-evalwazzjoni tal-ġenotossiċità u, barra minn hekk, il-PDK intużat f’każijiet oħra u setgħet tintuża wkoll għall-metabolit IN‑JE127, fatt li ma kienx il-każ. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kontaminazzjoni tal-ilma ta’ taħt l-art, il-Kummissjoni kienet approvat sustanzi li l-konċentrazzjonijiet tagħhom kienu mistennija li jeċċedu 0.1 μg/l, iżda ma għamlitx hekk fil-każ tal-FPS. Fir-rigward tar-riskju għall-pjanti akwatiċi, hija ssostni li l-Kummissjoni approvat sustanzi li jippreżentaw riskju għoli għall-organiżmi akwatiċi. Fil-fehma tagħha, kważi d-deċiżjonijiet kollha ta’ tiġdid tas-sustanzi AIR‑2 adottati sal-lum jimponu lill-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni tar-riskji fl-ambjent akwatiku. |
|
219 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
220 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-punt 6.3.2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-prinċipju ta’ prekawzjoni tat‑2 ta’ Frar 2000, bit-titolu “Nondiskriminazzjoni”, huwa fformulat kif ġej: “Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. Il-miżuri meħuda bħala prekawzjoni għandhom japplikaw b’mod li jintlaħaq livell ta’ protezzjoni ekwivalenti mingħajr ma l-oriġini ġeografika jew in-natura ta’ produzzjoni ma jkunu jistgħu jiġu invokati sabiex jiġu applikati b’mod arbitrarju trattamenti differenti. Il-miżuri m’għandhomx jiddiskriminaw fl-applikazzjoni tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
|
221 |
F’dan il-każ, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-Kummissjoni ssospendiet l-adozzjoni ta’ kull deċiżjoni dwar l-approvazzjoni jew it-tiġdid tas-sustanzi li għalihom kien ġie identifikat biss tħassib marbut mal-ġenotossiċità. Fil-fatt, il-minuti tal-laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, il-Prodotti tal-Ikel u l-Għalf tas‑6 u tas‑7 ta’ Ottubru 2016 dwar is-sustanza attiva picoxystrobin, iċċitata mir-rikorrenti, bl-ebda mod ma jikkonfermaw dan il-fatt. |
|
222 |
Fir-rigward tal-argument li l-Kummissjoni ttrattat sitwazzjonijiet paragunabbli b’mod differenti, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-każijiet li hija ssemmi jistgħu jitqiesu bħala paragunabbli mal-FPS. Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mit-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, li l-karatteristiċi identifikati fil-kuntest tal-proċess ta’ eżami xjentifiku tas-sustanzi l-oħra msemmija huma, f’kull każ, mill-inqas parzjalment differenti mill-FPS. Pereżempju, għandu jiġi nnotat li, kuntrarjament għas-sustanzi l-oħra msemmija, riskju għoli għall-algi fix-xenarji kollha u għall-użi kollha ġie identifikat għall-FPS. |
|
223 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl b’mod partikolari tal-ispeċifiċità ta’ kull proċedura ta’ eżami, li tirrendi diffiċli ħafna l-ipparagunar, u kif ukoll tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-mod li bih hija twettaq investigazzjonijiet ta’ tali tekniċità u ta’ tali kumplessità, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li d-differenzi fl-iżvolġiment tal-proċeduri ta’ evalwazzjoni pparagunati ma kinux oġġettivament iġġustifikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Jannar 2012, Xeda International u Pace International vs Il‑Kummissjoni, T‑71/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:18, punt 139 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
224 |
Konsegwentement, is-sustanzi attivi ċċitati mir-rikorrenti ma jistgħux jiġu pparagunati mal-evalwazzjoni tal-FPS, anki jekk il-tħassib imqajjem huwa simili għal din il-proċedura. |
|
225 |
Fl-aħħar, fir-rigward tal-argument li l-PDK intużat f’każijiet oħra u setgħet tintuża wkoll għall-metabolit IN‑JE127, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 206 sa 213 iktar ’il fuq, li huwa b’mod korrett li l-Kummissjoni ma rrikorrietx għall-PDK fil-każ tal-FPS. Fil-fatt, ma huwiex possibbli, konformement mad-dispożizzjonijiet applikabbli, li tintuża din il-proċedura meta d-data għandha tkun inkluża fil-fajl ta’ tiġdid fil-mument tal-preżentazzjoni tiegħu u meta jkunu disponibbli linji gwida adegwati sabiex titwettaq l-evalwazzjoni meħtieġa. Barra minn hekk, l-istess dispożizzjonijiet ma jawtorizzawx l-approvazzjoni ta’ sustanzi attivi li għalihom l-assenza ta’ effetti ta’ ħsara fuq is-saħħa tal-bniedem jew tal-annimali jew ta’ effetti inaċċettabbli fuq l-ambjent jew l-ilma ta’ taħt l-art ma ntwerietx. |
|
226 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud. |
G. Fuq is‑sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi
|
227 |
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dmir ġenerali ta’ amministrazzjoni tajba, li jobbligaha tiggarantixxi li r-reviżjoni u l-proċedura deċiżjonali jitwettqu b’mod trasparenti u skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ. |
|
228 |
Fil-fatt, il-Kummissjoni inizjalment qieset li l-FPS kienet taqa’ taħt il-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali u kienet stiednet lil DuPont tapplika immedjatament għal approvazzjoni eventwali permezz ta’ deroga skont l-Artikolu 4(7) u l-punt 3.6.5 tal-Anness II tar-Regolament Nru 1107/2009. Madankollu, il-Kummissjoni bidlet il-pożizzjoni tagħha fit-tieni abbozz ta’ rapport ta’ eżami billi ddeċidiet li, fil-każ tal-FPS, ma kienx hemm lok li jiġu applikati l-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali. |
|
229 |
Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt wassal lil DuPont tinvesti ħin u riżorsi kunsiderevoli fil-preparazzjoni ta’ żewġ fajls ta’ deroga li sussegwentement irriżultaw għal kollox inutli minħabba l-bidla ta’ opinjoni f’daqqa tal-Kummissjoni. |
|
230 |
Jekk, fil-fatt, il-Kummissjoni qieset li ż-żewġ tħassib l-oħra identifikati fir-rapport ta’ eżami ta’ Marzu 2015 kienu suffiċjenti bħala motivi għal deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ tiġdid, hija setgħet sempliċement tinvoka dan it-tħassib, mingħajr ma tirreferi għall-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali, u ma kinitx tafferma li s-sustanza setgħet tiġi approvata permezz ta’ deroga. |
|
231 |
Il-bidla ta’ opinjoni tal-Kummissjoni kellha implikazzjonijiet kbar minħabba l-fatt li l-applikanti għal tiġdid ġew effettivament miċħuda l-possibbiltà ta’ approvazzjoni permezz ta’ deroga. Dan l-aġir jikkostitwixxi ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-applikanti għal tiġdid, li twasslet sabiex temmen li hija setgħet tikseb, tal-inqas, forma limitata ta’ approvazzjoni abbażi tad-derogi mill-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni previsti fir-Regolament Nru 1107/2009. |
|
232 |
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-FPS tagħmel parti miċ-ċessjonijiet li l-Kummissjoni stess imponiet fil-kuntest tal-konċentrazzjoni Dow/DuPont bil-għan li jinħoloq kompetitur effettiv għal Dow/DuPont fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fis-suq tal-erbiċidi anti-dikotiledoni għaċ-ċereali. Bl-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, li jirtira l-FPS mis-suq, il-Kummissjoni għaldaqstant tmur, fil-prattika kontra l-għanijiet tal-politika ta’ kompetizzjoni li fuqhom hija bbażata ċ-ċessjoni li hija stess imponiet fuq Dow/DuPont. Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat ikollu bħala konsegwenza t-tneħħija tal-FMC bħala kompetitriċi effettiva ta’ Dow/DuPont, u għalhekk it-tisħiħ tal-pożizzjoni dominanti ta’ Dow/DuPont fis-suq tal-erbiċidi anti-dikotiledoni għaċ-ċereali fiż-ŻEE, għad-detriment tal-kompetituri ta’ Dow/DuPont u tal-bdiewa tal-Unjoni. Din hija preċiżament is-sitwazzjoni li l-Kummissjoni ppruvat tevita meta eżiġiet mingħand DuPont iċ-ċessjoni tal-FPS lil FMC. Skont ir-rikorrenti, din l-inkoerenza fil-politika tal-Kummissjoni tikkostitwixxi wkoll ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. |
|
233 |
Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
234 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li, skont il-ġurisprudenza dwar il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, fil-każijiet fejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom setgħa diskrezzjonali, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi hija ta’ importanza ħafna iktar fundamentali. Dawn il-garanziji jinkludu, b’mod partikolari, id-dmir ta’ diliġenza, jiġifieri l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina bir-reqqa u b’imparzjalità l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami (sentenzi tal‑21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra, EU:C:1991:438, punt 14; tas‑27 ta’ Settembru 2012, Applied Microengineering vs Il‑Kummissjoni, T‑387/09, EU:T:2012:501, punt 76; u tas‑16 ta’ Settembru 2013, ATC et vs Il‑Kummissjoni, T‑333/10, EU:T:2013:451, punt 84). |
|
235 |
Ġie deċiż ukoll li, sabiex ksur tad-dmir ta’ diliġenza jkun jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur manifest u serju tal-limiti tas-setgħa diskrezzjonali ta’ istituzzjoni, għandu jkun hemm ksur sħiħ tad-dmir ta’ diliġenza, fejn sempliċi evalwazzjoni żbaljata tal-portata tal-obbligi li jirriżultaw minn dan id-dmir ma tkunx suffiċjenti (sentenza tat‑23 ta’ Settembru 2015, Hüpeden vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑206/14, mhux ippubblikata, EU:T:2015:672, punt 48). |
|
236 |
F’dan il-każ, għandu jiġi mfakkar li, abbażi tal-konklużjonijiet tal-EFSA, il-Kummissjoni ppubblikat abbozz ta’ rapport ta’ eżami dwar il-FPS fit‑18 ta’ Marzu 2015, li fih hija pproponiet li tirtira l-approvazzjoni tal-FPS. Il-proposta tal-Kummissjoni kienet ibbażata fuq tliet kwistjonijiet ta’ tħassib maġġuri, jiġifieri:
|
|
237 |
Fl-istess jum, il-Kummissjoni informat lil DuPont li diskussjonijiet interni kienu għadhom għaddejjin fi ħdanha dwar l-użu tal-proposti ta’ klassifikazzjoni tal-EFSA fit-teħid ta’ deċiżjonijiet regolatorji, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali, b’tali mod li reviżjoni tar-rapport ta’ eżami kienet possibbli skont l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet. |
|
238 |
Xi żmien wara l-pubblikazzjoni tal-abbozz ta’ rapport ta’ eżami għall-FPS, il-Kummissjoni stiednet lil DuPont, permezz ta’ posta elettronika tad‑29 ta’ Mejju 2015, abbażi tal-konklużjoni li l-FPS kienet tissodisfa l-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali, tippreżenta elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għal approvazzjoni eventwali permezz ta’ deroga skont il-punt 3.6.5 tal-Anness II u l-Artikolu 4(7) tar-Regolament Nru 1107/2009. |
|
239 |
Fis‑26 ta’ Ġunju u fit‑13 ta’ Lulju 2015, DuPont ippreżentat żewġ fajls addizzjonali ta’ deroga li juru in-natura indispensabbli tal-FPS għall-attività agrikola kif ukoll l-espożizzjoni negliġibbli għal din is-sustanza tal-kategoriji kollha ta’ utenti tal-prodotti abbażi tal-FPS. F’Jannar 2016, il-Kummissjoni tat mandat lill-EFSA sabiex teżamina ż-żewġ fajls ta’ deroga ppreżentati minn DuPont. |
|
240 |
Fit‑3 ta’ Ottubru 2016, l-EFSA kompliet l-evalwazzjoni tagħha tal-fajl prinċipali ta’ tiġdid u ppreżentat verżjoni rriveduta tal-konklużjonijiet tagħha. |
|
241 |
Wara l-pubblikazzjoni tal-konklużjonijiet irriveduti tal-EFSA, il-Kummissjoni ppubblikat, fit‑22 ta’ Diċembru 2016, verżjoni rriveduta tal-abbozz ta’ rapport ta’ eżami tagħha, li fiha hija żammet il-proposta tagħha ta’ rtirar tal-approvazzjoni tal-FPS. Madankollu, il-Kummissjoni bidlet l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ tiġdid propost, u ma sostnietx iktar li kien hemm lok li jiġu applikati l-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali. |
|
242 |
Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma rnexxilhiex turi li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’reqqa u b’imparzjalità, b’mod ġust u fi żmien raġonevoli l-elementi relatati mal-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali. Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni, minn naħa, identifikat il-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali bħala tħassib u, min-naħa l-oħra, indikat li diskussjonijiet interni kienu għadhom għaddejjin fi ħdanha u li reviżjoni tar-rapport ta’ eżami kienet possibbli skont l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, wara eżami iktar iddettaljat tal-fajl, iddeċidiet li tippreżenta verżjoni rriveduta tal-abbozz ta’ rapport ta’ eżami tagħha, li fiha, filwaqt li żammet il-proposta tagħha ta’ rtirar tal-approvazzjoni tal-FPS, hija rrinunzjat għall-applikazzjoni tal-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali. |
|
243 |
Barra minn hekk, kien fuq talba stess tar-rikorrenti li l-Kummissjoni emendat l-abbozz ta’ rapport ta’ eżami u li, f’dan il-kuntest, hija waslet għall-konklużjoni li l-proposta tagħha ta’ rtirar tal-approvazzjoni tal-FPS baqgħet valida għal uħud mill-motivi inizjalment imressqa. |
|
244 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba f’dak li jirrigwarda l-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni tal-interferenti endokrinali għandu, fi kwalunkwe każ, jiġi miċħud. |
|
245 |
Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, skont ġurisprudenza stabbilita tista’ tinvoka dan il-prinċipju kull parti f’kawża li fir-rigward tagħha istituzzjoni tal-Unjoni tkun nisslet aspettattivi bbażati fuq garanziji preċiżi li hija tkun tatha (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products (Lopik) vs KEE, 265/85, EU:C:1987:121, punt 44; ara wkoll is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2010, Deltafina vs Il‑Kummissjoni, T‑29/05, EU:T:2010:355, punt 427 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
246 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tirreferi għal ebda garanzija li l-Kummissjoni kienet tatha fir-rigward tal-fatt li hija kienet kisbet forma limitata ta’ approvazzjoni abbażi tad-derogi mill-kriterji provviżorji ta’ identifikazzjoni previsti fir-Regolament Nru 1107/2009. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ilment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi għandu jiġi miċħud. |
|
247 |
Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li r-regolament ikkontestat huwa inkompatibbli mad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, li r-regolament ikkontestat ma jiħux inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni kompetittiva tal-produtturi reali jew potenzjali ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-FPS. Fil-fatt, ir-regolament ikkontestat għandu l-effett li jneħħi mis-suq tal-Unjoni prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom il-FPS, u mhux li jibdel il-pożizzjoni kompetittiva li l-impriżi jokkupaw fih. |
|
248 |
Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx b’mod serju u manifest il-limiti imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tagħha fir-rigward tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba relatat mad-dmir ta’ diliġenza. |
|
249 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud u r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu. |
V. Fuq l‑ispejjeż
|
250 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż tagħha, kif ukoll l-ispejjeż tal-Kummissjoni, kif mitlub minn din tal-aħħar, inklużi l-ispejjeż relatati mal-proċedura ta’ sostituzzjoni u mal-proċedura għal miżuri provviżorji. |
|
Għal dawn ir-raġunijiet, IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Spielmann Spineanu-Matei Mastroianni Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑17 ta’ Marzu 2021. Firem |
Werrej
|
I. Il‑fatti li wasslu għall‑kawża |
|
|
II. Ir‑regolament ikkontestat |
|
|
III. Il‑proċedura u t‑talbiet tal‑partijiet |
|
|
IV. Fid‑dritt |
|
|
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari |
|
|
1. Fuq il‑prinċipju ta’ prekawzjoni |
|
|
a) Definizzjoni |
|
|
b) Evalwazzjoni tar‑riskji |
|
|
1) Fuq l‑evalwazzjoni xjentifika |
|
|
2) Fuq id‑determinazzjoni tal‑livell ta’ riskju meqjus inaċċettabbli |
|
|
c) Il‑ġestjoni tar‑riskju |
|
|
2. Fuq it‑tiġdid ta’ sustanza attiva inkluża fil‑Parti A tal‑Anness tar‑Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 540/2011 |
|
|
a) Fuq il‑kundizzjonijiet oriġinali għal inklużjoni skont id‑Direttiva 91/414 |
|
|
b) Fuq l‑emenda tal-kriterji ta’ approvazzjoni mir‑Regolament Nru 1107/2009 |
|
|
3. Fuq l‑oneru tal‑prova |
|
|
4. Fuq il‑portata tal‑istħarriġ ġudizzjarju |
|
|
B. Fuq l‑ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tar‑Regolament Nru 1141/2010, tar‑Regolament Nru 1272/2008 u tar‑regoli dwar l‑esperimentazzjoni fuq l‑annimali inklużi fir‑Regolament Nru 1107/2009 u fid‑Direttiva 2010/63. |
|
|
1. Fuq il‑ksur tar‑Regolament Nru 1141/2010 u tad‑Dokument ta’ Gwida dwar it‑Tiġdid tas‑Sustanzi AIR‑3 |
|
|
2. Fuq il‑ksur tar‑Regolamenti Nri 1107/2009 u 1272/2008 kif ukoll tad‑Dokument ta’ Gwida tal‑Kummissjoni dwar il‑Metaboliti Preżenti fl‑Ilma ta’ Taħt l‑Art |
|
|
3. Fuq il‑ksur tar‑regoli dwar l‑esperimentazzjoni fuq l‑annimali inklużi fir‑Regolament Nru 1107/2009 u fid‑Direttiva 2010/63 |
|
|
C. Fuq it‑tieni motiv, ibbażat fuq il‑fatt li l‑Kummissjoni bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq dokument ta’ gwida ġdid jew użat b’mod inkoerenti dokumenti ta’ gwida, bi ksur tal‑prinċipju ta’ ċertezza legali u tad‑drittijiet tad‑difiża tal‑applikanti għal tiġdid |
|
|
1. Fuq l‑evalwazzjoni tal‑ġenotossiċità tal‑metabolit IN‑JE127 |
|
|
2. Fuq l‑evalwazzjoni tar‑riskji relatati mal‑algi |
|
|
D. Fuq it‑tielet motiv ibbażat fuq il‑fatt li l-Kummissjoni naqset milli twettaq evalwazzjoni kompleta tar‑riskji, bi ksur ta’ diversi dispożizzjonijiet tad‑dritt tal-Unjoni u tad‑drittijiet tad‑difiża tal‑applikanti għal tiġdid |
|
|
E. Fuq ir‑raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità |
|
|
F. Fuq il‑ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni |
|
|
G. Fuq is‑sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal‑prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ protezzjoni tal‑aspettattivi leġittimi |
|
|
V. Fuq l‑ispejjeż |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.