Kawża T‑411/17

Landesbank Baden-Württemberg

vs

Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla Estiża) tat-23 ta’ Settembru 2020

“Unjoni Ekonomika u Monetarja – Unjoni Bankarja – Mekkaniżmu uniku ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment (SRM) – Fond uniku ta’ riżoluzzjoni (SRF) – Deċiżjoni tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 – Rikors għal annullament – Inċidenza diretta u individwali – Ammissibbiltà – Rekwiżiti formali essenzjali – Awtentikazzjoni tad-deċiżjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Limitazzjoni tal-effetti tas-sentenza ratione temporis

  1. Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Locus standi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Deċiżjonijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Inċidenza diretta u individwali ta’ istituzzjoni debitriċi ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 67(4) u 70(2))

    (ara l-punti 28, 29, 88, 91)

  2. Eċċezzjoni ta’ illegalità – Portata – Atti li l-illegalità tagħhom tista’ tiġi eċċepita – Att ta’ natura ġenerali li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata – Neċessità ta’ rabta ġuridika bejn l-att ikkontestat u l-att ġenerali kkontestat

    (Artikoli 263 u 277 TFUE)

    (ara l-punti 31-34)

  3. Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali – Nuqqas ta’ awtentikazzjoni ta’ att – Assenza jew insuffiċjenza tal-motivazzjoni – Motiv li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti

    (Artikoli 263 u 296 TFUE)

    (ara l-punti 36, 37, 142)

  4. Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali – Nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata – Neċessità li jiġi invokat dannu jew difetti oħra għajr in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni – Assenza – Motiv li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti

    (Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punti 38-43)

  5. Rikors għal annullament – Motivi – Ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali – Nuqqas ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata – Anness tad-deċiżjoni kkontestata li jikkostitwixxi element essenzjali tagħha – Dokument elettroniku mhux iffirmat u mhux marbut b’mod inseparabbli mat-test tad-deċiżjoni kkontestata

    (Artikolu 263 TFUE)

    (ara l-punti 47, 48, 55)

  6. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Relazzjoni mill-qrib bejn l-obbligu ta’ motivazzjoni u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali, Artikolu 47)

    (ara l-punti 83-87, 89)

  7. Atti tal-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Deċiżjonijiet tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Opaċità tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante – Kalkolu li jirrikorri b’mod interdipendenti għad-data kunfidenzjali tal-istituzzjonijiet l-oħra – Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni li joriġina, għall-parti tal-kalkolu relatat mal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju, mill-illegalità, invokata permezz ta’ eċċezzjoni, tal-Artikoli 4 sa 7 u 9 u tal-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63

    (Artikoli 296 u 277 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 806/2014, Artikoli 67(4) u 70(2); Regolament tal-Kummissjoni 2015/63, Artikoli 4 sa 7 u 9 u Anness I; Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2014/59, Artikolu 103)

    (ara l-punti 92, 95, 100, 102, 106-110, 129, 140-143)

  8. Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Effetti – Limitazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja – Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) li tistabbilixxi l-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF) – Neċessità ta’ modifika tal-kuntest ġuridiku qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni l-ġdida – Żamma tal-effetti tad-deċiżjoni kkontestata

    (It-tieni paragrafu tal-Artkolu 264 TFUE)

    (ara l-punti 146-148)

Sunt

Permezz tas-sentenza tagħha tat-23 ta’ Settembru 2020, Landesbank Baden‑Württemberg vs SRB (T‑411/17), mogħtija f’awla estiża, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) ( 1 ), li tiddetermina l-ammont tal-konribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRF), inkwantu din id-deċiżjoni tikkonċerna r-rikorrenti, Landesbank Baden-Württemberg, li hija istituzzjoni ta’ kreditu Ġermaniża.

Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tat-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja, li jikkonċerna l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, stabbilit bir-Regolament Nru 806/2014 ( 2 ). B’mod iktar speċifiku, hija tikkonċerna l-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit minn dan ir-regolament ( 3 ). Is-SRF huwa ffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-istituzzjonijiet riċevuti fil-livell nazzjonali fil-forma, b’mod partikolari, ta’ kontribuzzjonijiet ex ante ( 4 ). Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2017, is-SRB, abbażi tar-Regolament Nru 806/2014, adotta d-deċiżjoni kkontestata, li tistabbilixxi, għas-sena 2017, l-ammont tal-kontribuzzjonijiet ex ante tal-istituzzjonijiet, inkluża r-rikorrenti, li għandhom jiġu ttrasferiti lis-SRF. Permezz ta’ avviż għall-ħlas tal-21 ta’ April 2017, l-Awtorità Nazzjonali ta’ Riżoluzzjoni Ġermaniża informat lir-rikorrenti b’din id-deċiżjoni u indikatilha l-ammont li għandu jitħallas. Peress li kkontestat l-imsemmija deċiżjoni fir-rigward ta’ diversi aspetti, ir-rikorrenti ressqet din il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

Qabel xejn, fir-rigward tal-locus standi, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li minkejja li, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tas-SRB dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għas-SRF huma l-awtoritajiet nazzjonali ta’ riżoluzzjoni, l-istituzzjonijiet debituri ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huma bla ebda dubju ikkonċernati direttament u individwalment minn dawn id-deċiżjonijiet. Minn dan isegwi li r-rikorrenti għandha locus standi sabiex tressaq kawża għall-annullament tad-deċiżjoni tas-SRB.

Sussegwentement, wara li fakkret li l-qorti tal-Unjoni hija obbligata tqajjem ex officio l-motiv ta’ ordni pubbliku bbażat fuq il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali u li tali ksur ikopri, b’mod partikolari, in-nuqqas ta’ awtentikazzjoni tal-att ikkontestat u l-assenza jew l-insuffiċjenza tal-motivazzjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet l-eżami tal-ksur tar-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

F’dan ir-rigward hija kkonstatat li, f’dan il-każ, dan ir-rekwiżit ma huwiex issodisfatt, peress li s-SRB ma ressaq ebda prova tal-awtentikazzjoni tal-anness tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludi l-ammonti tal-kontribuzzjonijiet ex ante u għaldaqstant jikkostitwixxi element essenzjali ta’ din id-deċiżjoni. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali enfasizzat b’mod partikolari li, peress li l-imsemmi anness huwa dokument elettroniku, il-firma tiegħu setgħet tkun biss waħda elettronika. Madankollu, is-SRB ma pproduċa ebda verżjoni tal-anness li tinkludi tali firma, minkejja li l-anness bl-ebda mod ma huwa marbut b’mod inseparabbli mat-test tad-deċiżjoni kkontestata li l-President tas-SRB iffirmat bl-id. Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument l-oħra tas-SRB intiżi li juru l-awtentikazzjoni tal-anness permezz ta’ mezzi oħra.

Wara li laqgħet il-motiv ibbażat fuq il-ksur tar-rekwiżit ta’ awtentikazzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset li kien opportun li tagħti deċiżjoni dwar il-motivi invokat mir-rikorrenti, ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, fuq il-ksur tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, u fuq eċċezzjoni ta’ illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Delega 2015/63 ( 5 ), motivi li hija eżaminat flimkien.

Il-Qorti Ġenerali rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata, lil hinn mill-ispjegazzjonijiet ġenerali li jinsabu fit-test tagħha, ma kien fiha kważi ebda element tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti. Fir-rigward tad-dokument l-ieħor imsemmi, dwar id-dettalji tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante, jekk wieħed jippreżupponi li dan kien joriġina effettivament mis-SRB, huwa ma kien jinkludi ebda element suffiċjenti sabiex l-eżattezza tal-kontribuzzjoni tar-rikorrenti tiġi vverifikata. Il-Qorti Ġenerali ma kkontestatx in-natura kunfidenzjali, invokata mis-SRB, tad-data relatata mal-istituzzjonijiet l-oħra meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ din il-kontribuzzjoni. Iżda hija rrilevat li, sa fejn il-kalkolu tagħha kien ibbażat b’mod interdipendenti fuq din id-data, dan il-kalkolu jirriżulta intrinsikament opak. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-metodu ta’ kalkolu applikat jippreġudika l-possibbiltà tar-rikorrenti li tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata b’mod utli.

F’dan il-każ, wara li fakkret il-ġurisprudenza li l-obbligu ta’ motivazzjoni japplika għal kull att li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament, li skontha nuqqas ta’ motivazzjoni ma jistax ikun iġġustifikat mill-obbligu li jiġi osservat is-sigriet professjonali u li skontha l-obbligu li jiġu osservati s-sigrieti tan-negozju ma jistax jiġi interpretat b’mod tant estensiv li jċaħħad ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni mill-kontenut essenzjali tiegħu, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-motivazzjoni pprovduta lir-rikorrenti ma tippermettilhiex li tivverifika l-ammont tal-kontribuzzjoni tagħha, liema ammont madankollu jikkostitiwixxi l-element essenzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċernaha. Din tal-aħħar tqiegħed lir-rikorrenti f’pożizzjoni fejn hija ma tistax tkun taf jekk dan l-ammont ġiex ikkalkolat b’mod korrett jew jekk hija għandhiex tikkontestah quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr madankollu ma tkun tista’, kif hija minkejja kollox obbligata twettaq f’azzjoni ġudizzjarja, tidentifika, fir-rigward tal-imsemmi ammont, l-elementi kkontestati tad-deċiżjoni kkontestata, tifformula lmenti f’dan ir-rigward u tipproduċi provi li jistgħu jkunu magħmula minn indizji serji intiżi li juru li l-ilmenti tagħha huma fondati.

Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma mir-rikorrenti fir-rigward tar-Regolament ta’ Delega 2015/63, fid-dawl tal-argument tal-Kummissjoni li l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax b’hekk tiġi kkontestata peress li l-metodu ta’ kalkolu kien jirriżulta mir-Regolament Nru 806/2014 u mid-Direttiva 2014/59 ( 6 ), li fir-rigward tagħhom hija tqajmitx eċċezzjoni ta’ illegalità, il-Qorti Ġenerali eżaminat il-metodu ta’ kalkolu. Hija kkonkludiet li l-fatt li l-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante tar-rikorrenti ma jkunx ċar u, għaldaqstant, din tal-aħħar ma tkunx f’pożizzjoni li tivverifika l-eżattezza tiegħu jirriżulta, tal-inqas parzjalment, mill-metodu ta’ kalkolu ddefinit fir-Regolament ta’ Delega 2015/63 mill-Kummissjoni stess, mingħajr ma dan ikun ġie impost fuqha mil-leġiżlatur. Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kien joriġina, għall-parti tal-kalkolu tal-kontribuzzjoni ex ante relatata mal-aġġustament skont il-profil ta’ riskju, mill-illegalità ta’ ċerti dispożizzjonijiet ( 7 ) tal-imsemmi regolament.

Il-Qorti Ġenerali żiedet li, fi kwalunkwe każ, peress li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni suffiċjentement preċiża tal-atti, sanċita fl-Artikolu 296 TFUE, jikkostitwixxi wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li għandu jiġi osservat mill-qorti, jekk hemm bżonn billi tqajjem ex officio motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ dan l-obbligu, u peress li, bi ksur ta’ dan l-obbligu, ir-rikorrenti ma għandhiex elementi suffiċjenti sabiex tivverifika l-eżattezza tal-kontribuzzjoni tagħha, is-SRB ma jistax jirrimedja tali ksur permezz tal-invokazzjoni ta’ leġiżlazzjoni tad-dritt sekondarju.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li d-deċiżjoni kkontestata għandha wkoll tiġi annullata abbażi tal-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.


( 1 ) Deċiżjoni tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB) tal-11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-2017 għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB/ES/SRF/2017/05)

( 2 ) Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014, L 225, p. 1).

( 3 ) L-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 806/2014

( 4 ) L-Artikolu 67(4) tar-Regolament Nru 806/2014

( 5 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63 tal-21 ta’ Ottubru 2014 li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015, L 11, p. 44, rettifika fil-ĠU 2017, L 156, p. 38).

( 6 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014, L 173, p. 190)

( 7 ) L-Artikoli 4 sa 7 u 9, kif ukoll l-Anness I tar-Regolament ta’ Delega 2015/63