SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

13 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Servizz pubbliku – Persunal tal-BEI – Ilment għal fastidju psikoloġiku – Investigazzjoni amministrattiva – Kunċett ta’ ‘fastidju psikoloġiku’ – Rekwiżit li l-aġir ikkritikat ikun rripetut biex jikkostitwixxi ‘fastidju psikoloġiku’ – Rifjut li tinfetaħ proċedura dixxiplinari kontra l-awtur ta’ dan l-aġir – Obbligu ta’ kunfidenzjalità dwar l-eżistenza ta’ proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva pendenti u, sussegwentement, dwar id-deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura li tikkonstata l-eżistenza ta’ każ ta’ fastidju psikoloġiku”

Fil-Kawża T‑377/17,

SQ, membru tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, irrappreżentat minn N. Cambonie u P. Walter, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), irrappreżentat minn G. Faedo u K. Carr, bħala aġenti, assistiti minn B. Wägenbaur, avukat, u J. Currall, barrister,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba, imressqa skont l-Artikolu 50a(1) tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-BEI, intiża, minn naħa, għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-President tal-BEI tal-20 ta’ Marzu 2017 u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-danni morali u materjali allegatament imġarrba mir-rikorrenti bħala riżultat tal-fastidju psikoloġiku tas-superjur ġerarkiku tagħha u tal-aġir tal-BEI,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-kuntest ġuridiku

1

Skont l-Artikolu 308 TFUE, l-Istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI, jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) huwa stabbilit mill-Protokoll Nru 5 anness ma’ dan it-trattat u mat-Trattat UE, li jifforma parti integrali minnu. L-Artikolu 7(3)(h) ta’ dan il-protokoll dwar l-Istatut tal-Bank jipprovdi li l-Bord tal-Gvernaturi għandu japprova r-regoli interni tal-Bank. L-Artikolu 31 ta’ dan ir-regolament intern, approvat fl-4 ta’ Diċembru 1958 u emendat diversi drabi wara, jipprevedi li r-regolamenti dwar il-persunal tal-Bank għandhom jiġu deċiżi mill-bord tad-diretturi. F’dan ir-rigward, fl-20 ta’ April 1960, il-bord tad-diretturi tal-Bank adotta r-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”).

2

Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża, li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-bord tad-diretturi tal-Bank tal-4 ta’ Ġunju 2013 u li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju ta’ wara, l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“It-tilwim ta’ natura individwali bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu għandu jitressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe azzjoni minn membru tal-persunal kontra miżura tal-Bank li tista’ tikkawżalu preġudizzju għandha tiġi ppreżentata fi żmien tliet xhur.

Minbarra l-azzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja […] u qabel l-introduzzjoni tagħha, it-tilwim, minbarra dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ miżuri previsti fl-Artikolu 38, għandu jkun suġġett għal proċedura bonarja quddiem il-kummissjoni ta’ konċiljazzjoni tal-Bank.

It-talba għall-konċiljazzjoni għandha titressaq fi żmien tliet xhur [li jibdew] minn meta seħħew il-fatti jew min-notifika tal-miżuri li huma s-suġġett tat-tilwima.

Il-kummissjoni ta’ konċiljazzjoni hija magħmula minn tliet membri. Meta tiltaqa’ l-kummissjoni, wieħed mill-membri jinħatar mill-President tal-Bank, it-tieni mill-parti kkonċernata – dawn iż-żewġ ħatriet isiru fi żmien ġimgħa mit-talba ta’ waħda mill-partijiet lill-oħra. It-tielet membru, li jippresjedi l-kummissjoni, jinħatar mill-ewwel tnejn fi żmien ġimgħa wara l-ħatra tal-ewwel żewġ membri. Dan jista’ jintgħażel minn barra l-Bank. Jekk l-ewwel żewġ membri ma jistgħux jaqblu dwar il-ħatra tal-president fi żmien ġimgħa mill-ħatra tagħhom, il-ħatra ssir mill-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandha titqies, skont il-każ, li falliet:

jekk fi żmien erba’ ġimgħat mid-data tat-talba indirizzata lilu mill-President tal-Bank, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunx ħatar lill-President [tal-kummissjoni ta’ konciljazzjoni];

jekk, fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-istabbiliment tagħha, il-kummissjoni ta’ konċiljazzjoni ma tasalx għal soluzzjoni aċċettabbli għaż-żewġ partijiet.”

3

Fl-1 ta’ Awwissu 2006, il-Bord tad-Diretturi tal-Bank adotta Kodiċi ta’ Kondotta tal-persunal tal-Bank (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Kondotta”). L-Artikolu 3.6 ta’ dak il-kodiċi, intitolat “Dinjità fuq il-post tax-xogħol”, jipprovdi:

“Ebda forma ta’ fastidju jew ta’ intimidazzjoni ma hija aċċettabbli. Kull vittma ta’ fastidju jew ta’ intimidazzjoni jista’, skont il-politika tal-Bank fil-qasam tad-dinjità fix-xogħol, jindirizza ruħu lid-Direttur [ġenerali u kap tad-dipartiment tal-persunal], mingħajr ma dan jista’ jintuża kontra tiegħu. Il-Bank huwa obbligat jaġixxi bi premura fir-rigward tal-individwu kkonċernat u għandu joffrilu l-assistenza tiegħu.”

4

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku, l-Artikolu 3.6.1 tal-imsemmi kodiċi jispeċifika:

“3.   6.1 Fastidju psikoloġiku

Ikun hemm fastidju psikoloġiku meta, fuq perijodu pjuttost twil, ikunu rrepetuti kliem, attitudnijiet jew aġir ostili jew mhux f’lokhom, espressi jew manifesti minn membru jew iktar tal-persunal fil-konfront ta’ membru ieħor tal-persunal. Meta jintqal kumment offensiv jew meta, fil-kuntest ta’ argument, jintqal kliem mhux pjaċevoli minħabba rabja ma jfissirx li hemm fastidju psikoloġiku. Għall-kuntrarju, eċċessi ta’ rabja regolari, ibbuljar, kummenti jew referenzi offensivi, li jkunu rrepetuti b’mod regolari għal diversi ġimgħat jew xhur huma indizji, mingħajr ebda dubju, ta’ fastidju fuq ix-xogħol.

[…]”

5

Madankollu, sa mill-2003, il-Bank adotta wkoll “Politika fil-qasam tar-rispett tad-dinjità tal-persuna fix-xogħol” (iktar ’il quddiem il-“politika ta’ dinjità fix-xogħol”). Taħt it-titolu “Intimidazzjoni u fastidju: x’inhuma?”, il-politika tad-dinjità fix-xogħol tipprovdi:

“Il-fastidju u l-intimidazzjoni jistgħu jieħdu, it-tnejn li huma, diversi forom. Ta’ natura fiżika jew verbali, il-manifestazzjonijiet tagħhom ħafna drabi jseħħu fuq perijodu ta’ żmien, għalkemm jista’ jkun hemm ukoll inċidenti serji ta’ darba. Il-kwistjoni ta’ jekk l-aġir inkwistjoni jkunx intenzjonat jew le ma hijiex rilevanti. Il-prinċipju determinanti huwa li l-fastidju u l-intimidazzjoni huma aġir mhux mixtieq u inaċċettabbli li jippreġudika l-istima u l-fiduċja fiha nfisha tal-persuna li tkun suġġetta għalih.

[…]”

6

Il-politika dwar id-dinjità fuq il-post tax-xogħol tipprevedi żewġ proċeduri interni intiżi biex jiġu indirizzati l-każijiet ta’ intimidazzjoni u ta’ fastidju, jiġifieri, minn naħa, proċedura informali, li permezz tagħha l-membru tal-persunal ikkonċernat ifittex soluzzjoni bonarja għall-problema, u, min-naħa l-oħra, proċedura formali ta’ investigazzjoni (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ investigazzjoni”), li permezz tagħha dan iressaq uffiċjalment ilment li jiġi ttrattat minn kumitat ta’ investigazzjoni kompost minn tliet persuni (iktar ’il quddiem il-“kumitat ta’ investigazzjoni”). L-inkarigu ta’ dan il-kumitat ta’ investgiazzjoni huwa li jwettaq investigazzjoni oġġettiva u indipendenti u li jagħti opinjoni b’rakkomandazzjoni mmotivata lill-President tal-Bank, li fl-aħħar mill-aħħar huwa responsabbli sabiex jiddeċiedi dwar x’miżuri għandhom jittieħdu.

7

Fir-rigward tal-proċedura ta’ investigazzjoni, il-politika ta’ dinjità fuq il-post tax-xogħol tipprovdi:

“Il-membru tal-persunal għandu jressaq il-każ, oralment jew bil-miktub, għall-attenzjoni [tad-direttur ġenerali u kap tad-Dipartiment tal-persunal]. Jekk dan jikkunsidra li l-każ ma huwiex każ immedjat u ċar għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari u li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, dan il-każ jista’ jiġi kklassifikat bħala fastidju, il-membru tal-persunal ikkonċernat jista’ jiskatta l-proċedura ta’ investigazzjoni b’dan il-mod:

1.

Il-membru tal-persunal għandu jitlob uffiċjalment [lid-direttur ġenerali u kap tad-Dipartiment tal-persunal], bil-miktub, sabiex jiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni, filwaqt li jindika s-suġġett tal-ilment u l-identità tal-persuna jew tal-persuni li allegatament huma responsabbli għall-fastidju.

2.

Id-[direttur ġenerali u kap tad-Dipartiment tal-persunal], bi qbil mar-rappreżentanti tal-persunal, għandu jipproponi lill-[P]resident [tal-Bank] il-kompożizzjoni tal-kumitat u għandu jiffissa data għall-bidu tal-investigazzjoni, li ma għandhiex tkun iktar tard minn 30 jum tal-kalendarju wara li jkun wasal l-ilment.

3.

[Id-direttur ġenerali u kap tad-Dipartiment tal-persunal] għandu jikkonferma immedjatament li rċieva n-nota tal-membru tal-persunal ikkonċernat, filwaqt li [b’hekk] jikkonferma[lu] l-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni. Barra minn hekk:

a)

huwa għandu jitlob lill-membru tal-persunal ikkonċernat jesponi l-ilment tiegħu f’memorandum u jibgħatlu fi żmien għaxart ijiem, jekk ikun jixtieq, kwalunkwe evidenza jew dokumenti probatorji, b’mod kunfidenzjali,

b)

huwa għandu jitlob lill-membru tal-persunal, fil-memorandum tiegħu, jekk persuni jistgħux jissejħu jixhdu (mingħajr ma jiġi ċċitat l-isem),

c)

huwa għandu jindika li, wara li jasal il-memorandum imsemmi iktar ’il fuq, il-persuna li allegatament hija responsabbli għall-fastidju ser tiġi informata bis-suġġett tal-ilment u ser tingħata l-informazzjoni neċessarja f’dan ir-rigward, iżda li din il-persuna ma hijiex ser tingħata kopja tal-memorandum,

d)

huwa għandu jinforma lill-membru tal-persunal li l-ilment ma jistax jiġi rtirat u li l-proċedura [ta’ investigazzjoni] għandha tasal fi tmiemha.

e)

huwa għandu jinforma [lill-lanjant] li l-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju ser tiġi mfakkra li [l-lanjant] f’ebda mument ma jista’ jiġi kkonfrontat dwar il-każ u li l-ilment għandu jiġi ttrattat b’mod strettament kunfidenzjali miż-żewġ partijiet (permezz ta’ nota li għandha tkun iddatata u li għandha tintbagħat lura [lid-direttur ġenerali u kap tad-dipartiment tal-persunal] b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta),

f)

huwa għandu jindika li l-investigazzjoni għandha tibda fi żmien 30 jum tal-kalendarju u li ż-żewġ partijiet se jiġu nnotifikati bid-data […] tas-smigħ individwali tagħhom, id-drittijiet tagħhom li jiġu rrappreżentati jew akkumpanjati u l-kompożizzjoni tal-Kumitat.

4.

Meta jiġi rċevut il-memorandum [tal-lanjant], [id-direttur ġenerali u kap tad-dipartiment tal-persunal]:

a)

għandu jibgħat mingħajr dewmien nota lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju fejn jippreċiża s-suġġett tal-ilment u kull informazzjoni neċessarja u għandu jitlobha tibgħatlu fi żmien [għaxart] ijiem, b’mod kunfidenzjali, risposta bil-miktub flimkien, jekk tkun tixtieq, ma’ dokumenti ta’ sostenn jew provi,

b)

jistieden lill-persuna tindika, fir-risposta tagħha, jekk hemmx persuni li ser jintalbu jixhdu (mingħajr ma jiġi ċċitat l-isem),

c)

għandu jfakkar lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju li l-lanjant f’ebda mument ma jista’ jiġi kkonfrontat dwar il-każ u li l-ilment għandu jiġi ttrattat b’mod strettament kunfidenzjali miż-żewġ partijiet (permezz ta’ nota li għandha tkun iddatata u li għandha tintbagħat lura (lid-direttur ġenerali u l-kap tad-dipartiment tal-persunal) b’dikjarazzjoni ta’ rċevuta).

[…]”

8

Fir-rigward tas-smigħ, il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam ta’ politika ta’ dinjità fuq il-post tax-xogħol tgħid kif ġej:

“L-għan tas-smigħ huwa li jiġi stabbilit bi preċiżjoni x’seħħ u li jinġabru l-fatti li fuq il-bażi tagħhom tkun tista’ tiġi stabbilita rakkomandazzjoni mmotivata […].

Il-kumitat għandu l-possibbiltà li jimxi bil-mod li huwa jidhirlu xieraq. Bħala regola ġenerali, is-smigħ għandu jsir fil-forma ta’ sensiela ta’ intervisti separati, imwettqa f’din l-ordni:

qabel kollox, [il-lanjant;]

ix-xhieda li jistgħu jissemmew [mil-lanjant;]

il-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju;

ix-xhieda li jistgħu jissemmew mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju;

[…]”

9

Fir-rigward tar-riżultat tal-investigazzjoni, il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol tipprovdi:

“Meta jkunu nstemgħu l-partijiet kollha u meta jkunu twettqu l-investigazzjonijiet adegwati l-oħra kollha li jistgħu jkunu meħtieġa, il-kumitat għandu jkun f’pożizzjoni li jiddelibera u li jipproponi rakkomandazzjoni mmotivata. Dan ma għandux is-setgħa li jieħu deċiżjoni.

Il-kumitat jista’ jesprimi diversi rakkomandazzjonijiet maħsuba sabiex:

il-każ jiġi abbandunat, peress li ż-żewġ partijiet setgħu jiċċaraw is-sitwazzjoni u nstabet soluzzjoni għall-futur, aċċettabbli għaż-żewġ naħat;

il-każ ma jitqiesx bħala intimidazzjoni jew fastidju, iżda bħala kunflitt ta’ xogħol li għandu jkun is-suġġett ta’ eżami iktar fil-fond jew segwitu;

l-ilment jiġi miċħud;

jittieħdu l-miżuri neċessarji fil-każ li l-kumitat juri li l-ilment huwa infondat u malizzjuż;

tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari [fir-rigward tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju].

Ir-rakkomandazzjoni bil-miktub tal-kumitat għandha titfassal fi żmien ħamest ijiem wara tmiem l-investigazzjoni u tiġi indirizzata lill-President [tal-Bank] għal deċiżjoni.”

10

Fir-rigward tad-deċiżjoni meħuda mill-President tal-Bank, il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol tipprovdi:

“Id-deċiżjoni tal-President [tal-Bank] għandha tispeċifika l-miżuri li eventwalment għandhom jittieħdu, kif ukoll l-iskeda ta’ żmien li fihom għandhom jittieħdu; dawn jistgħu jkunu, pereżempju:

l-implementazzjoni ta’ proċedura dixxiplinari [fir-rigward tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju],

it-tnedija ta’ investigazzjonijiet addizzjonali f’diviżjoni ta’ xogħol jew ta’ dipartiment speċifiku,

soluzzjoni aċċettata bi qbil komuni bejn il-partijiet.

Jekk il-fastidju ma seħħx, u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe ksur tar-regoli fis-seħħ, jeħtieġ li ż-żewġ partijiet jiġu żgurati li l-proċedura [ta’ investigazzjoni] ma twassal għal ebda konsegwenza negattiva fil-konfront tagħhom.

[…]”

11

Taħt it-titolu “Żamma ta’ data”, il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol tippreċiża:

“Biex jiġu protetti l-partijiet kollha kkonċernati, l-atti għandhom jinżammu f’kunfidenzjalità l-iktar stretta u l-informazzjoni tingħata biss fil-każ ta’ ħtieġa assoluta. [Id-dipartiment tal-persunal] għandu jżomm kunfidenzjali, u taħt il-kontroll tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data personali, il-fajls li fihom l-ismijiet, id-dati, l-ilmenti u r-riżultati, għall-monitoraġġ tal-politika u biex tkun żgurata l-koerenza u l-ekwità.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

12

Ir-rikorrenti, SQ, membru tal-persunal tal-Bank, daħlet fis-servizz tal-Bank fl-1 ta’ April 2008 bħala uffiċjal [kunfidenzjali] ( 1 ) assenjata fid-dipartiment [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem id-“dipartiment inkwistjoni”).

13

Fl-2011, id-direttur responsabbi dak iż-żmien għad-dipartiment inkwistjoni ddeċida li r-rikorrenti kellha tkun assenjata direttament mad-dipartimenti tiegħu u, f’dan ir-rigward, ir-rikorrenti rċeviet fajls speċifiċi. Barra minn hekk, minn Ottubru 2011, ir-rikorrenti effettivament kienet kap ta’ tim li, fl-2013 u fl-2014, kien kompost minn uffiċjal tal-komunikazzjoni, minn assistent full-time u minn gradwat reċenti.

14

Skont ir-rikorrenti, id-direttur tad-dipartiment inkwistjoni dak iż-żmien fis-servizz, talab diversi drabi li r-rwol tagħha kellu jiġi evalwat mill-ġdid, li t-tim immexxi mir-rikorrenti jiġi ttrasformat f’diviżjoni waħda u li, għaldaqstant, din issir il-kap ta’ diviżjoni.

15

F’Ottubru 2014, wara t-tluq tad-direttur, daħal fil-kariga direttur ġdid (iktar ’il quddiem id-“Direttur il-ġdid”). B’mod partikolari, dan ġie inkarigat mill-Bank biex jagħmel ristrutturazzjoni tad-dipartiment inkwistjoni minħabba li r-rendiment tiegħu ma kienx sodisfaċenti, inkluż minħabba nuqqas ta’ ħiliet li kellhom jiġu rrimedjati permezz ta’ reklutaġġ estern.

16

Fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tad-dipartiment inkwistjoni, it-tim li kienet tmexxi r-rikorrenti ma nżammx. Barra minn hekk, ir-rikorrenti, f’diversi okkażjonijiet, talbet, mingħajr suċċess, lid-Direttur il-ġdid li d-deskrizzjoni tax-xogħol tagħha tiġi aġġornata.

17

Fit-2 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ngħatat leave mediku, li kien il-konsegwenza ta’ burn out.

18

Fl-8 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti ltaqgħet mal-kap tad-diviżjoni tar-relazzjonijiet soċjali u tal-benesseri fuq ix-xogħol tad-dipartiment tar-relazzjonijiet soċjali u tad-dipartimenti amministrattivi tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Persunal” kif ukoll ma’ uffiċjal tad-dipartiment tal-persunal. Wara dik it-taħdita, hija bagħtet liż-żewġ interlokuturi tagħha messaġġ elettroniku li fiha ddeskriviet ċertu aġir tad-Direttur il-ġdid li jikkostitwixxi, skont hi, fastidju psikoloġiku u diskriminazzjoni minħabba s-sess. F’dan il-messaġġ elettroniku, hija talbet b’mod partikolari li tinstab soluzzjoni amikevoli u ta’ malajr għal din is-sitwazzjoni, li setgħet tikkonsisti jew fl-għoti lir-rikorrenti ta’ leave għal raġunijiet personali (iktar ’il quddiem “LRP”) ta’ sentejn, jew il-ħatra permanenti tagħha f’dipartiment ieħor bħala kap ta’ diviżjoni.

19

Fis-26 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti, permezz tal-formola prevista għal dan il-għan, ressqet talba għal-LRP ta’ sentejn li, fil-fehma tagħha, kien iġġustifikat mill-fatt li hija kienet is-suġġett ta’ fastidju psikoloġiku min-naħa tad-direttur il-ġdid u li dan kien ħaddan politika ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Għalhekk, minn naħa, ir-rikorrenti tispjega li l-LRP għal sentejn kien jippermetti lill-Bank jinvestiga l-fatti u jieħu l-miżuri neċessarji biex jitwaqqaf l-aġir tad-direttur il-ġdid mingħajr ma jkollha biża’ jew issofri kwalunkwe miżura ta’ ritaljazzjoni eventwali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi LRP jippermettilha li terġa’ tinkiseb fiduċja fil-kwalitajiet tagħha ta’amministratur meta terġa tingħaqad jew meta toħloq impriża.

20

Fis-26 ta’ Ottubru 2016 ukoll, ir-rikorrenti, skont ir-regoli interni tal-Bank, ressqet ilment (iktar ’il quddiem l-“ilment”) intiż li tirrapporta l-aġir tad-Direttur il-ġdid fir-rigward tagħha, bħala li jikkostitwixxi, prinċipalment, fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikoli 3.6 u 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta u ksur tar-regoli interni dwar ir-rispett tad-dinjità. Sussidjarjament, ir-rikorrenti sostniet li dan l-aġir kien jikser l-Artikoli 1.1, 3.1, 3.3 u 3.5 tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

21

Dejjem fis-26 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 1.5.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta, moqri flimkien mal-“politika ta’ senjalazzjoni” adottata mill-Bank fis-21 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem il-“politika ta’ senjalazzjoni”), għamlet senjalazzjoni tal-aġir tad-Direttur il-ġdid li, fil-fehma tagħha, tiżvela, skont hi, politika ta’ ksur ta’ opportunitajiet indaqs, skont l-Artikolu 1.2 tal-imsemmi kodiċi u ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 1.3 ta’ dan l-istess kodiċi (iktar ’il quddiem is-“senjalazzjoni”). Essenzjalment, ir-rikorrenti allegat li, fost is-sitt membri ta’ sess femminili tal-persunal tad-dipartiment inkwistjoni, li kellhom funzjonijiet amministrattivi, erba’ twarrbu biex jibbenefikaw impjegati ta’ sess maskili. B’hekk, id-Direttur il-ġdid essenzjalment ġie mdawwar bl-irġiel u wettaq prattiki li kienu jiksru l-Kodiċi ta’ Kondotta.

Fuq l-ilment dwar fastidju psikoloġiku u s-senjalazzjoni

22

Hija u tispjega li l-karriera tagħha twaqqfet ħesrem wara d-dħul fil-kariga tad-Direttur il-ġdid, bir-rikorrenti sostniet fl-ilment li d-Direttur il-ġdid kien ħoloq prattiki intiżi sabiex iwarrab l-aministraturi nisa mid-dipartiment inkwistjoni u, f’dan il-kuntest, li “jkisser” lir-rikorrenti li kellha l-fiduċja sħiħa tal-predeċessur tiegħu. Meta ttrasferixxa lir-rikorrenti f’pożizzjoni mingħajr responsabbiltajiet u li l-għanijiet tagħha ma kinux ġew iddefiniti b’mod ċar, id-Direttur il-ġdid kien “eżiljaha”.

23

Ir-rikorrenti barra minn hekk tinvoka “żarmar”, mid-Direttur il-ġdid, tat-tim ta’ tliet persuni li hija kienet tmexxi qabel, tqegħid ta’ dubju dwar il-leġittimità tar-rikorrenti fir-rigward ta’ dawn it-tliet persuni u l-kritika ripetuta fil-konfront tagħha, l-għoti lil persuni oħra ta’ xogħlijiet li bħala prinċipju kienu tagħha, iż-żamma ta’ informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ fajls li kienet fdata bihom, b’mod partikolari billi ma kinitx mistiedna għal laqgħat ta’ tħejjija ta’ laqgħa importanti mal-President tal-Bank, in-nuqqas ta’ risposta dwar il-prestazzjonijiet professjonali li madankollu ppreżentat lid-Direttur il-ġdid fid-dawl ta’ tali risposta (feedback) kif ukoll diversi atti malizzjużi, inkluż wara li ħadet il-leave tal-mard.

24

F’dan l-aħħar rigward, id-Direttur il-ġdid kien b’mod partikolari maqdar lir-rikorrenti ma’ kollega u ħabiba tagħha b’ton aggressiv; huwa kellu l-ħsieb li jitlob lid-dipartiment tal-persunal li r-rikorrenti tgħaddi minn kontroeżami mediku minkejja ċ-ċertifikati mediċi pprovduti mir-rikorrenti; huwa kien iddeċieda l-għanijiet annwali tar-rikorrenti matul ix-xahar ta’ Ġunju 2016, minkejja li hija kienet fuq leave tal-mard, u, fl-aħħar nett, huwa għadda għall-pubblikazzjoni ta’ sejħa għal applikazzjonijiet biex timtela’ l-pożizzjoni tar-rikorrenti, minkejja li hija kienet għadha ma informatx lid-DĠ “Persunal” bil-fatt li ma kienx beħsiebha li terġa’ lura għad-dmirijiet tagħha wara l-leave mediku tagħha.

25

Ir-rikorrenti tallega wkoll li hija ġiet ippenalizzata mid-Direttur il-ġdid fil-kuntest ta’ proċedura ta’ għażla għal kariga ta’ kap ta’ diviżjoni. Fil-fatt, filwaqt li hija kienet kandidata għal din il-kariga, id-Direttur il-ġdid informa lir-rikorrenti, fid-29 ta’ Ġunju 2015, li kien ser jippreżenta l-organigramma l-ġdida tad-dipartiment inkwistjoni fi tmiem il-ġurnata. Issa, mingħajr ma ngħata kas tal-intervista li r-rikorrenti kien ser ikollha l-għada mal-bord tal-għażla għall-post ta’ kap ta’ diviżjoni u li normalment kellha tkun deċiżiva biex timtela din il-kariga, id-Direttur il-ġdid kien ippreżenta, lill-persunal tad-dipartiment inkwistjoni, l-organigramma l-ġdida tad-dipartiment mingħajr ma inkluda lir-rikorrenti fil-kariga ta’ kap ta’ diviżjoni, li skont il-persuna kkonċernata, juri li d-Direttur il-ġdid kien diġà ddeċida li jwarrabha f’din il-proċedura ta’ għażla.

26

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tattribwixxi lid-Direttur il-ġdid dikjarazzjonijiet mhux f’lokhom, aggressivi, ta’ żebliħ u akkużatorji, inkluż f’laqgħat, tressiq ta’ talbiet bla sens, strambi u konfużi kif ukoll kritika fil-konfront tagħha mhux fil-preżenza tagħha. B’mod partikolari, id-Direttur il-ġdid kien iddikjara li l-impjegati tal-Bank ma għandhomx jilmentaw, peress li dawn kienu xxurtjati li kellhom dawk il-karigi u s-salarji. Barra minn hekk, huwa jgħid li ma setax jifhem, sa mill-mument tar-reklutaġġ tiegħu bħala direttur, kif, kuntrarjament għal dak li huwa seta’ jagħmel fil-kariga preċedenti tiegħu, huwa ma setax ikeċċi liberament l-impjegati li għalih ma jkunux adegwati.

27

Ir-rikorrenti lmentat ukoll, minn naħa, b’atti ta’ favoritiżmu favur ċerti membri tal-persunal, b’mod partikolari persuni li kienu ħadmu f’organizzazzjoni internazzjonali oħra u li d-Direttur il-ġdid kien iffaċilita r-reklutaġġ tagħhom u, min-naħa l-oħra, attitudni kritika jew diżinteressata lejn ix-xogħol tal-persunal, inkluż dak ipprovdut mir-rikorrenti, li kienet diġà taħdem fid-dipartiment qabel id-dħul fil-kariga tiegħu bħala direttur.

28

Għalhekk ir-rikorrenti kkonkludiet l-ilment tagħha billi talbet lill-Bank:

l-ewwel nett, jordna l-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva, skont ir-regoli interni dwar ir-rispett għad-dinjità, bil-għan li jinvestiga l-fatti esposti fl-ilment, inkluż billi jisma’ lir-rikorrenti, lix-xhieda li kienet biħsiebha tħarrek u kwalunkwe persuna oħra li jkollha għarfien tal-fatti;

it-tieni nett, li jikkonstata formalment li dawn il-fatti kienu jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku kontra tagħha u, jekk ikun il-każ, fir-rigward ta’ impjegati oħra;

it-tielet nett, jiddeċiedi, skont l-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal, li tinbeda proċedura dixxiplinari kontra l-persuna (jew il-persuni) li għandha tinżamm responsabbli, b’mod partikolari d-Direttur il-ġdid fil-każ li dan tal-aħħar ma jiddeċidix li jirriżenja minn rajh;

ir-raba’ nett, tilqa’ t-talbiet li ġejjin:

jingħatalha LRP ta’ sentejn;

meta tiġi lura mil-LRP, tinħatar f’kariga ta’ kap ta’ diviżjoni, jew fid-dipartiment inkwistjoni jew f’dipartiment ieħor jekk id-dipartiment inkwistjoni jkun xorta għadu taħt ir-responsabbiltà tad-Direttur il-ġdid;

li tiġi offruta kumpens pekunjarju xieraq sabiex, minn naħa, jagħmel tajjeb għad-dannu morali mġarrab minħabba l-fatti allegati fl-ilment tagħha, u, min-naħa l-oħra, għad-dannu materjali riżultanti minn telf ta’ qligħ minħabba li hija ma kinitx ġiet promossa għall-kariga ta’ kap ta’ diviżjoni kif kien mistenni mill-istat tal-impjieg tagħha taħt it-tmexxija u l-apprezzament tal-ex direttur tad-dipartiment inkwistjoni.

29

Fl-istess 26 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti kienet ukoll, skont l-Artikolu 1.5.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta, għamlet senjalazzjoni fejn uriet politika tad-Direttur il-ġdid, implimentata fl-2015 u fl-2016 u li ma ġietx ikkontestata mid-DĠ “Persunal”, li tidher li tikkostitwixxi ksur tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet skont l-Artikolu 1.2 tal-Kodiċi ta’ Kondotta u ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fis-sens tal-Artikolu 1.3 ta’ dak il-kodiċi.

Fuq il-proċedura ta’ investigazzjoni

30

Permezz ta’ ittra elettronika tat-3 ta’ Novembru 2016, id-direttur ġenerali u kap tad-dipartiment tal-persunal tad-DĠ “Persunal” (iktar ’il quddiem il-“kap tad-dipartiment tal-persunal”) talab b’mod partikolari lir-rikorrenti jekk hija kellhiex l-intenzjoni li tħarrek xhieda biex jidhru fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni u jekk, fir-rigward tan-nota li kellha tinforma lid-Direttur il-ġdid dwar l-eżistenza ta’ lment li jikkonċernah, hija xtaqitx tifformula hija stess din in-nota jew sempliċement tikkummenta fuq l-abbozz ta’ nota stabbilit mid-dipartimenti tiegħu. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Novembru ta’ wara, ir-rikorrenti indikat li, skont l-Artikolu 3(a) u l-Artikolu 4(a) tar-regoli tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol, kien obbligu tal-imsemmi direttorat ġenerali li jabbozza n-nota, taħt ir-responsabbiltà unika tiegħu, sa mill-ilment tar-rikorrenti u tal-provi prodotti insostenn ta’ dan l-ilment. Permezz ta’ messaġġ elettroniku tad-9 ta’ Novembru 2016, avukat tad-DĠ “Persunal” bagħat lir-rikorrenti l-abbozz ta’ nota inkwistjoni u stedinha tippreżenta l-osservazzjonijiet eventwali tagħha, ħaġa li r-rikorrenti rrifjutat li tagħmel billi tenniet, f’messaġġ elettroniku tal-11 ta’ Novembru ta’ wara, li tali approċċ kien imur kontra d-dispożizzjonijiet applikabbli li jinkarigaw lid-DĠ “Persunal” bil-formulazzjoni ta’ din in-nota li għandha tintbagħat lill-persuna involuta fl-ilment.

31

Fis-17 ta’ Novembru 2016, l-avukat tar-rikorrenti kkuntattja lill-Bank biex jiġu diskussi t-termini ta’ eventwali ftehim bonarju.

32

Fit-18 ta’ Novembru 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Bank u l-kap tad-dipartiment tal-persunal irrikonoxxew, f’ittra konġunta, l-irċevuta tat-talbiet tar-rikorrenti li jidhru fl-ittra tal-avukat tagħha bid-data tal-ġurnata preċedenti. F’dan il-kuntest, huma informaw lir-rikorrenti li d-direttorat tal-konformità tal-Bank kien ġie inkarigat jinvestiga l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti. Fir-rigward tal-eventwalità li l-kwistjoni tiġi solvuta permezz ta’ ftehim bonarju, huma indikaw li, minħabba proċeduri amministrattivi pendenti u l-gravità tal-fatti allegati, il-Bank ma setax jilqa’ t-talba tar-rikorrenti. B’mod partikolari, fir-rigward tat-talba għad-danni li hija kienet ressqet, din dehret, fil-fehma tagħhom, prematura, sakemm il-proċeduri ma jistabbilixxux il-veradiċità eventwali tal-fatti allegati.

33

B’ittra tat-22 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrenti ġiet informata, mill-kap tad-dipartiment tal-persunal u mid-direttur tad-dipartiment tar-relazzjonijiet soċjali u tad-dipartimenti amministrattivi, li l-Bank kien iddeċieda li jilqa’ l-applikazzjoni tagħha għal-LRP għall-perijodu mill-1 ta’ Diċembru 2016 sal-31 ta’ Diċembru 2018, u dan esklużivament għar-raġuni invokata mir-rikorrenti dwar il-proġett tagħha li terġa’ tingħaqad jew toħloq impriża.

34

Fil-25 ta’ Novembru 2016, it-tliet membri tal-kumitat ta’ investigazzjoni stabbilit fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni nħatru skont il-politika ta’ dinjità fix-xogħol. F’dan il-każ dawn kienu professur tad-dritt, psikologu li jaħdem mal-Gvern Lussemburgiż u ex direttur tal-persunal tal-Bank issa rtirat.

35

Fit-2 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti bagħtet lid-DG “Persunal” l-isem ta’ seba’ xhieda li xtaqet li l-kumitat ta’ investigazzjoni jisma’, hekk kif informat immedjatament lill-kumitat ta’ investigazzjoni, waqt l-intervista, li hija kienet ser tkun assistita mill-avukat u mill-konjuġi tagħha.

36

Hija ġiet informata, fil-5 ta’ Diċembru ta’ wara, li din il-lista kienet intbagħtet lill-kumitat ta’ investigazzjoni li kien ser jiddeċiedi dwar is-segwitu ta’ din it-talba. Ir-rikorrenti ntalbet ukoll, f’dan il-kuntest, li taħtar, f’konformità mal-politika ta’ dinjità fix-xogħol, l-unika persuna biex tassistiha fl-intervista mal-kumitat ta’ investigazzjoni, bir-rakkomandazzjoni, madankollu, li teskludi minn din l-għażla lill-membri tal-familja.

37

Fil-5 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti pprovdiet xi dokumenti supplimentari, b’mod partikolari rapport tal-psikjatra tagħha li ċċertifika li hija kienet ġiet suġġetta għal burn out minħabba aġir tad-Direttur il-ġdid li kienet esposta għalih. Barra minn hekk, f’din l-istess data, hija talbet formalment li tiġi megħjuna legalment mill-avukat tagħha u moralment mill-konjuġi tagħha.

38

Fid-9 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti ġiet informata bid-deċiżjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni li jisma’ biss tlieta mis-seba’ xhieda li hija kienet ipproponiet u li jirrifjuta, minħabba dewmien, li jdaħħal fil-fajl l-informazzjoni li hija kienet bagħtet fil-5 ta’ Diċembru 2016. Barra minn hekk, hija ġiet informata li l-kumitat ta’ investigazzjoni kien aċċetta li tkun megħjuna miż-żewġ persuni li hija kienet semmiet.

39

Fit-12 ta’ Diċembru 2016, ir-rikorrenti kkontestat din id-deċiżjoni proċedurali tal-kumitat ta’ investigazzjoni. Minn skambju ta’ messaġġi elettroniċi sussegwenti jirriżulta li, essenzjalment, il-kumitat ta’ investigazzjoni fl-aħħar mill-aħħar aċċetta li jeżamina d-dokumenti ppreżentati fit-2 ta’ Diċembru 2016, li r-rikorrenti kienet ġiet awtorizzata ddaħħal fil-fajl ix-xhieda bil-miktub tal-erba’ xhieda li l-kumitat ta’ investigazzjoni kien irrifjuta li jisma’ u li kien ġie deċiż, bi ftehim komuni bejn il-Bank u r-rikorrenti, li s-seduti ta’ smigħ quddiem il-kumitat ta’ investigazzjoni jiġu rreġistrati, iżda li, ladarba tiġi adottata mill-President tal-Bank id-deċiżjoni tiegħu dwar dan il-każ, dawn ir-reġistrazzjonijiet jinqerdu.

40

Fl-4 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrenti, id-Direttur il-ġdid u tliet xhieda ċċitati mir-rikorrenti nstemgħu mill-kumitat ta’ investigazzjoni. Sussegwentement, dan stieden lir-rikorrenti twieġeb l-aħħar mistoqsija bil-miktub, ħaġa li għamlet permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-avukat tagħha tat-8 ta’ Frar 2017.

41

Fis-6 ta’ Frar 2017, permezz tal-avukat tagħha, ir-rikorrenti kienet madankollu indirizzat lill-President tal-Bank, kif ukoll lil tmien destinatarji oħra li jaħdmu fil-BEI, bil-posta u b’mod elettroniku, ittra li fiha hija ddenunzjat disfunzjonijiet fil-politika ta’ senjalazzjoni tal-BEI billi kienet għadha ma rċeviet ebda tweġiba għas-senjalazzjoni li kienet għamlet dwar il-politika tad-Direttur il-ġdid, li kienet tikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, ksur tal-ugwaljanza tal-opportunitajiet u diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess. Hija kkonkludiet din l-ittra billi stiednet lill-President tal-Bank jipproċedi għall-eżami ta’ din is-senjalazzjoni u jadotta l-miżuri temporanji jew definittivi neċessarji qabel l-1 ta’ Marzu 2017. Ir-rikorrenti qieset li, jekk ikun meħtieġ, skont il-punt III.2(d) tal-politika ta’ senjalazzjoni, hija tkun kostretta tadixxi lill-Ombudsman tal-Unjoni Ewropea.

Fuq ir-rapport tal-investigazzjoni

42

Fil-15 ta’ Marzu 2017, il-kumitat ta’ investigazzjoni adotta r-rapport tiegħu (iktar ’il quddiem ir-“rapport”), li fih qies li, fost il-fatti invokati mir-rikorrenti fl-ilment, żewġ elementi setgħu oġġettivament jitqiesu li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku, jiġifieri, minn naħa, il-fatt li d-Direttur il-ġdid kien ipprovda tweġiba bil-miktub inadegwata għat-talbiet tar-rikorrenti li r-rwol il-ġdid tagħha fid-dipartiment inkwistjoni jiġi ddefinit u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas tad-Direttur il-ġdid li flimkien mar-rikorrenti jwettaq l-obbligu tiegħu li jistabbilixxi l-għanijiet ta’ din tal-aħħar sena bil-quddiem. Barra minn hekk, il-kumitat ta’ investigazzjoni qies li l-effett ta’ dan l-aġir li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku kien ġie aggravat bin-nuqqas min-naħa tad-Direttur il-ġdid li jipprovdi lir-rikorrenti komunikazzjoni adegwata dwar l-allokazzjoni ta’ ċerti kompiti kif ukoll informazzjoni ċara.

43

Għall-bqija, il-kumitat ta’ investigazzjoni eżamina wieħed wieħed l-elementi invokati mir-rikorrenti fl-ilment tagħha, iżda ma qiesx li, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, dawn setgħu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku”.

44

Fir-rigward tat-tneħħija tat-tim ta’ tliet persuni li r-rikorrenti kienet responsabbli għalih, il-kumitat ta’ investigazzjoni osserva b’mod partikolari li dan kien previst fil-pjan ta’ riorganizzazzjoni tad-dipartiment inkwistjoni li kien ġie approvat mill-Bord Eżekuttiv tal-Bank. Barra minn hekk, fir-rigward ta’ min kellu jokkupa l-kariga ta’ kap ta’ diviżjoni, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkonstata li, f’dan ir-rigward, id-Direttur il-ġdid kien irrikorra għal proċedura ta’ għażla, filwaqt li, fi ħdan il-Bank, id-diretturi setgħu jafdaw ir-responsabbiltà ta’ kap ta’ diviżjoni mingħajr ma jkun hemm proċedura ta’ għażla quddiem bord. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumitat ta’ investigazzjoni qies li, għalkemm seta’ kien ta’ dispjaċir li d-Direttur il-ġdid ippubblika l-organigramma l-ġdida tad-dipartiment lejliet l-intervista tar-rikorrenti għall-pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni inkwistjoni, ma kienx f’pożizzjoni li jikkonstata irregolarità f’dan ir-rigward, peress li r-rikorrenti, matul din il-proċedura ta’ għażla, ma kinitx ġiet fit-tieni post u li l-bord ta’ għażla kien iġġustifika d-deċiżjoni tiegħu li jiċħad il-kandidatura tagħha minħabba l-prestazzjonijiet tagħha matul l-intervista. Għalhekk, dan ikkonkluda li ma setax jiġi deċiż li kien hemm fastidju psikoloġiku f’dan ir-rigward.

45

Fir-rigward tal-fatt li d-Direttur il-ġdid poġġa fid-dubju r-rwol tar-rikorrenti bħala kap ta’ tim fid-dipartiment inkwistjoni minħabba l-prerogattiva ġerarkika tar-rikorrenti li tistabbilixxi għanijiet kif ukoll tevalwa t-tliet membri ta’ dan il-grupp, il-kumitat ta’ investigazzjoni sostna li, anki jekk dawn il-mistoqsijiet u l-kritika min-naħa tad-Direttur il-ġdid ma kinux f’lokhom, jidher li seħħew darba biss, b’tali mod li dawn ma setgħux jitqiesu li jikkostitwixxu forma ta’ fastidju psikoloġiku.

46

Fir-rigward tad-definizzjoni tal-funzjonijiet tar-rikorrenti fil-kuntest tad-dipartiment inkwistjoni wara r-ristrutturazzjoni tiegħu, il-kumitat ta’ investigazzjoni qies li, bħala responsabbli ġerarkiku, id-Direttur il-ġdid kellu l-obbligu li jindirizza t-tħassib tar-rikorrenti. B’hekk, skont il-kumitat ta’ investigazzjoni, in-nuqqas ta’ preċiżazzjoni tar-rwol il-ġdid u tal-għanijiet annwali tar-rikorrenti mhux biss kien jikkostitwixxi sinjal ta’ ġestjoni ħażina (poor management), iżda, barra minn hekk, iddegrada r-rispett għaliha u l-fiduċja fiha nnifisha tad-destinatarju ta’ tali aġir meta din kienet espressament talbet parir u gwida speċifiċi f’diversi okkażjonijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkonkluda li n-nuqqas ta’ informazzjoni f’waqtha dwar id-deskrizzjoni tal-kariga tar-rikorrenti u tal-għanijiet assenjati lil din tal-aħħar kien jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

47

Fir-rigward tal-fatt li d-Direttur il-ġdid kien attribwixxa lil persuni oħra ċerti kompiti li qabel kienu fdati lir-rikorrenti, meta din kienet direttament subordinata għad-direttur preċedenti, il-kumitat ta’ investigazzjoni sab li ma kienx ċar sa liema punt dawn il-kompiti kienu effettivament ġew assenjati lil persuni oħra. F’dan ir-rigward, għalkemm qies li l-assenza ta’ komunikazzjoni adegwata bejn superjuri u subordinati kienet indikazzjoni ta’ “ġestjoni ħażina” (poor management), madankollu qies li hija ma kinitx tikkorrispondi mad-definizzjoni ta’ fastidju psikoloġiku, anki jekk din setgħet tikkontribwixxi biex taggrava l-effett tal-fastidju psikoloġiku li jirriżulta mill-assenza ta’ deskrizzjoni tal-kariga tar-rikorrenti u tal-għanijiet assenjati.

48

Fir-rigward tal-allegata żamma ta’ informazzjoni min-naħa tad-Direttur il-ġdid, il-kumitat ta’ investigazzjoni ddeploraha, iżda qies li din ma kinitx tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

49

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ reazzjoni u ta’ kummenti tad-Direttur il-ġdid għal messaġġ elettroniku u mistoqsijiet tar-rikorrenti, il-kumitat ta’ investigazzjoni rrileva li dan żamm diversi laqgħat fil-preżenza tar-rikorrenti b’mod li ma setax jitqies li kien hemm tentattiv li r-rikorrenti titwarrab. Għaldaqstant, il-kumitat ta’ investigazzjoni qies li l-aġir imsemmi ma setax jiġi kklassifikat bħala forma ta’ fastidju psikoloġiku.

50

Fir-rigward tal-fatt li d-Direttur il-ġdid kellu l-ħsieb li jitlob lir-rikorrenti li tissottometti ruħha għal eżami mediku bħala strument leġittimu għad-dispożizzjoni tal-Bank fil-ġestjoni ta’ waqfien għal mard fit-tul, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkonstata li d-Direttur il-ġdid ma kienx involut f’dan il-proċess, peress li finalment ma talabx li r-rikorrenti tissottometti ruħha għal eżami bħal dan. Għalhekk, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkonkluda li dan ma kienx jikkostitwixxi “raġuni ta’ fastidju”.

51

Fir-rigward tal-adozzjoni tal-għanijiet tar-rikorrenti matul l-assenza medika tagħha, il-kumitat ta’ investigazzjoni, li rrileva li d-dipartiment mediku tal-Bank kien irrakkomanda lid-Direttur il-ġdid u lill-kap ta’ diviżjoni involut biex ma jikkuntattjawx lir-rikorrenti dwar dan is-suġġett matul il-leave tal-mard tagħha, qies li dan ma kienx jikkostitwixxi “raġuni ta’ fastidju”. Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma setgħetx tilmenta li l-Bank kien ippubblika l-post tagħha bħala vakanti, peress li hija kienet fuq leave tal-mard fit-tul.

52

Fir-rigward tal-ilment dwar l-użu, mid-direttur ġdid, ta’ lingwaġġ aggressiv, il-kumitat ta’ investigazzjoni qies li r-rikorrenti ma kinitx ipprovat suffiċjentement din l-allegazzjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut pjuttost amikevoli, jekk mhux edukat tal-messaġġi elettroniċi mibgħuta lir-rikorrenti mid-direttur il-ġdid.

53

Fir-rigward tal-kritika mhux xierqa li allegatament saret mid-Direttur il-ġdid lir-rikorrenti, il-kumitat ta’ investigazzjoni kien tal-fehma li l-kliem li ngħad ma kienx jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku. Fir-rigward tal-fatt li d-Direttur il-ġdid kien prematurament interrompa laqgħa bejn l-assistent Segretarju Ġenerali tal-Bank, ir-rikorrenti u huwa nnifsu, il-kumitat ta’ investigazzjoni kien tal-fehma li d-Direttur il-ġdid seta’ qies li, fir-rigward tal-mistoqsijiet bażiċi li kienet għamlet matul il-laqgħa, ir-rikorrenti kienet nieqsa minn tħejjija dwar is-suġġett. Minkejja dan, billi l-avveniment seħħ darba biss (a single event), “il-kumitat ta’ investigazzjoni ma [setax] jaċċetta li dan jista’ jikkostitwixxi fastidju”.

54

Il-kumitat ta’ investigazzjoni ċaħad ukoll bħala infondati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar l-allegati talbiet għal informazzjoni li d-Direttur il-ġdid indirizzalha mingħajr ma pprovda informazzjoni suffiċjenti dwar l-għan ta’ dawn it-talbiet jew mingħajr ma dawn kienu urġenti. Bl-istess mod, għal dak li jirrigwarda dak li qal id-Direttur il-ġdid ma’ kollegi oħra, minn naħa, fir-rigward tal-persuna tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-Bank, il-kumitat ta’ investigazzjoni ma qiesx li l-ilmenti tar-rikorrenti kienu fondati.

55

Fir-rigward tal-fatt li d-Direttur il-ġdid, bix-xewqa li jimla n-nuqqas ta’ kompetenza esperta tad-dipartiment inkwistjoni billi jiddaħħlu rekluti ġodda esterni, kien ikkonċentra l-attenzjoni tiegħu fuq dawn il-persuni, bir-riskju li l-persunal iktar anzjan f’dak ix-xogħol ħassu ddiskriminat, il-kumitat ta’ investigazzjoni sostna li, minkejja li ma rnexxilux jispjega b’mod xieraq is-sitwazzjoni lill-persunal fil-post, tali aġir tad-Direttur il-ġdid ma kienx jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

56

Filwaqt li kkonċeda li, suġġettivament, ir-rikorrenti kienet sofriet u baqgħet issofri minħabba s-sitwazzjoni professjonali tagħha, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkonkluda li d-Direttur il-ġdid seta’ jiġi kkritikat minħabba l-ħiliet dgħajfa ta’ ġestjoni u komunikazzjoni tiegħu. Madankollu, minkejja li huwa stess kien taħt pressjoni kunsiderevoli biex iwettaq ristrutturazzjoni sinjifikattiva tad-dipartiment inkwistjoni, filwaqt li jiżgura l-kontinwità tal-operazzjonijiet ta’ kuljum, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkunsidra li kien konxju tan-nuqqas ta’ sodisfazzjon tar-rikorrenti bit-telf tad-dmirijiet ta’ kap ta’ tim u, għalhekk, kellu jirdoppja l-isforzi biex jiċċara r-rwol ġdid tagħha fid-dipartiment inkwistjoni. Issa, id-Direttur il-ġdid ma pprovdilhiex, għall-kuntrarju, deskrizzjoni ġdida tal-kariga tagħha qabel ma tpoġġiet fuq leave mediku. Għalhekk, l-istil tal-ġestjoni tiegħu u n-nuqqas ta’ sensittività fil-konfront tar-rikorrenti għal iktar minn sentejn kienu, skont il-kumitat tal-investigazzjoni, naqqsu l-istima u l-kunfidenza fiha nnfisha u l-effettività tal-persuna kkonċernata.

57

Fl-aħħar tar-rapport tiegħu, il-kumitat ta’ investigazzjoni rrakkomanda lill-President tal-Bank, minn naħa, li jeżiġi li d-Direttur il-ġdid jagħmel apoloġija formali u bil-miktub lir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, jitolbu jieħu inkunsiderazzjoni l-impatt tiegħu fuq il-membri tal-persunal l-oħrajn, u dan billi jiġi assistit b’coaching professjonali pprovdut mill-BEI biex jgħinu jkun effettivament konxju tal-effett tal-istil tal-ġestjoni tiegħu u/jew tal-komunikazzjoni u jiżviluppa empatija ikbar lejn il-persunal taħt l-awtorità tiegħu.

58

Il-kumitat ta’ investigazzjoni żied jgħid li l-President tal-Bank jista’ jkun jixtieq li ssir proċedura dixxiplinari formalment, skont il-politika ta’ dinjità fix-xogħol, fil-każ li d-Direttur il-ġdid ma jikkonformax ruħu mal-miżuri msemmija iktar ’il fuq jew fil-każ fejn jitressaq ilment ieħor fil-konfront tiegħu fi żmien tliet snin wara d-deċiżjoni tal-President tal-Bank u jiġi ddikjarat fondat mill-kumitat ta’ investigazzjoni.

Fuq id-deċiżjoni kkontestata u l-miżuri għall-implimentazzjoni tagħha

59

Permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Marzu 2017 (iktar ’il quddiem id- “deċiżjoni kkontestata”), il-President tal-BEI informa lir-rikorrenti bl-għeluq tal-proċedura ta’ investigazzjoni u, filwaqt li bagħtilha r-rapport tal-kumitat ta’ investigazzjoni, indikalha li kien informa lid-Direttur il-ġdid li, jekk, fil-futur, jiġi ppreżentat ilment ġdid kontrih u dan jitqies li jkun fondat mill-kumitat ta’ investigazzjoni, dan kien jiftaħ il-proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħu. Barra minn hekk, dan informa lir-rikorrenti bil-fatt, minn naħa, li kien talab lid-Direttur il-ġdid jiskuża ruħu formalment għat-tbatija li kien ikkawżalha, u, min-naħa l-oħra, li huwa kien inkariga lid-dipartiment tal-persunal jeżamina l-possibbiltajiet ta’ coaching professjonali tad-Direttur il-ġdid dwar l-istil ta’ ġestjoni u ta’ komunikazzjoni tiegħu.

60

B’ittra tat-23 ta’ Marzu 2017, indirizzata lill-President tal-BEI u f’kopja, permezz ta’ messaġġ elettroniku, lill-imsemmi President kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-BEI, lid-direttur tad-dipartiment tar-relazzjonijiet soċjali u tad-dipartimenti amministrattivi u lill-kap tad-diviżjoni tar-relazzjonijiet u tal-benesseri fuq il-post tax-xogħol, ir-rikorrenti kkontestat il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, billi enfasizzat, minn naħa, li din kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku u fuq analiżi frammentarja u parzjalment kontradittorja, jekk mhux żbaljata, tal-fatti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li s-sanzjoni li hija tipprevedi fir-rigward tad-Direttur il-ġdid kienet inadegwata fir-rigward tal-gravità tal-aġir inkwistjoni f’dan il-każ. Barra minn hekk, hija talbet li, sa mhux iktar tard mill-25 ta’ April 2017, id-dipartimenti tal-BEI kellhom jibagħtulha apoloġija bil-miktub tad-Direttur il-ġdid u jipproponulha offerta eventwali ta’ kumpens għad-danni materjali u morali.

61

B’ittra tal-10 ta’ April 2017, iffirmata mill-kap tad-dipartiment tal-persunal u mid-direttur tad-dipartiment tar-relazzjonijiet soċjali u tad-dipartimenti amministrattivi, dawn, b’risposta għal messaġġ elettroniku tal-avukat tar-rikorrenti tat-8 ta’ Marzu 2017, informaw lil din tal-aħħar li l-proċedura ta’ senjalazzjoni taħt il-politika ta’ dinjità fix-xogħol kienet għadha għaddejja u li, f’dak l-istadju, it-talba tagħha għal soluzzjoni amikevoli tal-kwistjoni ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ din il-korrispondenza, iż-żewġ firmatarji rrilevaw li l-avukat tar-rikorrenti kien bagħat l-ittra tagħha tas-6 ta’ Frar 2017, imsemmija fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, lil diversi nies, minkejja li s-suġġett ta’ din l-ittra kien ta’ natura ferm kunfidenzjali u li hija setgħet taffettwa r-reputazzjoni professjonali ta’ membru tal-persunal tal-BEI. Għalhekk, dawn informaw lil dan l-avukat li dan l-approċċ seta’ jikkostitwixxi ksur tar-regoli ta’ kunfidenzjalità fundamentali fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni u jikkawża dannu lill-kollegi tar-rikorrenti involuti f’din il-proċedura. Għalhekk, l-avukat tar-rikorrenti ġie informat dwar il-fatt li l-Bank kien qed jikkunsidra l-possibbiltajiet legali ta’ azzjonijiet eventwali li setgħu jsiru quddiem l-awtoritajiet Lussemburgiżi biex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni kif ukoll ta’ eventwali miżuri interni fil-Bank.

62

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ April 2017, l-avukat tar-rikorrenti b’mod partikolari talab lill-kap tad-dipartiment tal-persunal, l-ewwel nett, li jirtira formalment, qabel il-25 ta’ April 2017, it-theddida tiegħu, esposta fl-ittra tal-10 ta’ April preċedenti, ta’ azzjonijiet interni kontra r-rikorrenti minħabba l-allegat ksur ta’ obbligu ta’ kunfidenzjalità; it-tieni nett, li ssir proċedura dixxiplinari kontra d-Direttur il-ġdid minħabba li qatt ma eżegwixxa s-sanzjoni li tikkonsisti fil-preżentazzjoni ta’ apoloġija, u, it-tielet nett, li tiġi fformulata offerta għal kumpens għad-dannu tar-rikorrenti sa sena salarju.

63

Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Mejju 2017, il-Bank bagħat ittra lir-rikorrenti, bid-data tat-3 ta’ Mejju 2017, li fiha d-Direttur il-ġdid indika lir-rikorrenti b’mod partikolari, l-ewwel nett, li kien “realment dispjaċut għat-tbatija li ġiet ikkawżata [lilha] minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza [min-naħa tiegħu] fl-iffissar tal-għanijiet tal-2015 u fid-definizzjoni tar-rwol il-ġdid [tagħha] fid-dipartiment [inkwistjoni]”; it-tieni nett, li aċċetta l-konklużjonijiet tal-kumitat ta’ investigazzjoni dwar il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku u, it-tielet nett, li, minkejja din l-esperjenza diffiċli, jittama li jistgħu “jistabbilixxu l-pedamenti għal kooperazzjoni ta’ suċċess u pożittiva fil-futur”. Fl-ittra tad-9 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrenti ġiet ukoll informata bil-bidu ta’ coaching professjonali tad-Direttur il-ġdid li kien hemm riferiment għalih fid-deċiżjoni kkontestata.

64

Permezz ta’ ittra tat-2 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, ressqet talba għal konċiljazzjoni li fiha hija talbet lill-kummissjoni ta’ konċiljazzjoni tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata billi hija mminimizzat b’mod żbaljat, minn naħa, il-gravità tal-fatti ta’ fastidju psikoloġiku inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-gravità tas-sanzjoni li hija applikabbli f’dan il-każ. Hija talbet ukoll kumpens, l-ewwel nett, għad-dannu li hija ġarrbet minħabba l-fastidju inkwistjoni sa EUR 121992; it-tieni nett, għad-dannu morali mġarrab minħabba żbalji amministrattivi sa EUR 25000 u, it-tielet nett, għad-dannu li jirriżulta mill-allegat ksur mill-kap tad-dipartiment tal-persunal tal-indipendenza tal-proċedura ta’ senjalazzjoni u li rriżulta wkoll mit-theddid jew mill-intimidazzjoni li tinsab fl-ittra tal-10 ta’ April 2017, u dan sa EUR 25000.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

65

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-15 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

66

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-BEI jagħti kumpens fl-ammonti rispettivi ta’ EUR 121992, ta’ EUR 25000 u ta’ EUR 25000, bħala kumpens għad-dannu morali mġarrab minnha;

tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.

67

Il-BEI jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż kollha.

68

Peress li l-partijiet ma talbux iż-żamma ta’ seduta għas-sottomissjonijiet orali abbażi tal-Artikolu 106(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali (l-Ewwel Awla), li qieset li kellha informazzjoni biżżejjed mid-dokumenti fil-proċess tal-kawża, iddeċidiet, skont l-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li tagħti deċiżjoni mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

Fid-dritt

Rimarki preliminari dwar is-sistema ta’ impjieg fi ħdan il-Bank u fuq l-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża għar-rikorsi li jolqtu l-Bank

69

Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-membri tal-persunal tal-Bank ma humiex suġġetti għar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li jirriżultaw mir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968, kif emendat l-aħħar bir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) u lanqas għas-sistema applikabbli għall-membri tal-persunal l-oħra tal-Unjoni Ewropea, testi msemmija fl-Artikoli 270 u 336 TFUE.

70

Fil-fatt, il-membri tal-persunal tal-Bank għandhom korp ta’ regoli differenti, f’dan il-każ ir-Regolamenti tal-Persunal adottati skont l-Artikolu 31 tar-regolament intern tal-Bank, dan stess adottat skont l-Artikolu 7(3)(h) tal-Protokoll Nru 5 anness mat-Trattat UE u mat-Trattat FUE.

71

Fir-rigward tal-proċedura prekontenzjuża applikabbli għall-kawżi li jinvolvu l-Bank, kuntrarjament għal dak li kien il-każ qabel l-1 ta’ Lulju 2013 (sentenzi tas-27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T‑37/10 P, EU:T:2012:205, punt 75, u tad-19 ta’ Lulju 2017, Dessi vs BEI, T‑510/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:525, punti 21 sa 34), l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal issa jipprevedi li l-ftuħ tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni qabel il-preżentata ta’ rikors kontra l-Bank skont din id-dispożizzjoni jkun ta’ natura obbligatorja.

72

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, hekk kif kienet informat lill-President tal-Bank b’ittra tal-14 ta’ Ġunju 2017, il-BEI ma kienx f’dan il-każ ħatar il-membru tal-kumitat ta’ konċiljazzjoni fi żmien ġimgħa kif imsemmi fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal u li kien beda għaddej mit-tressiq, mir-rikorrenti, tat-talba tagħha għal konċiljazzjoni fit-2 ta’ Ġunju 2017.

73

Filwaqt li jirrikonoxxi, fir-risposta tiegħu tas-26 ta’ Lulju 2017, li huwa ma kienx wettaq din il-ħatra f’dak it-terminu, il-President tal-Bank madankollu sostna li dan it-terminu ta’ ġimgħa kien biss indikattiv, b’tali mod li n-nuqqas ta’ ħatra, mill-Bank, ta’ membru tal-kumitat ta’ konċiljazzjoni ma setgħetx tkun ekwivalenti għal wieħed miż-żewġ motivi ta’ nuqqas proċedurali ta’ konċiljazzjoni enumerati b’mod eżawrjenti fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal. Madankollu, matul il-fażi kontenzjuża, il-Bank ma kkontestax l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni msemmija f’dan l-artikolu.

74

F’dan ir-rigward, sa fejn l-assenza tal-Bank tal-ħatra ta’ membru li għandu jkun fil-kumitat ta’ konċiljazzjoni u li mbagħad ikollu jagħżel, bi qbil ma’ dak indikat mir-rikorrenti, it-tielet membru ta’ dan il-kumitat tostakola kull twaqqif regolari tal-kumitat ta’ konċiljazzjoni, għandu jitqies li n-nuqqas ta’ ħatra ta’ dan il-membru mill-Bank f’terminu ta’ ġimgħa msemmi fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal iġib fix-xejn il-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

75

Għaldaqstant, f’dan il-każ u fir-rigward tat-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tal-miżuri kumpensatorji relatati magħhom, għandu jiġi kkonstatat li, fid-data tal-preżentata tar-rikors, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni kienet effettivament falliet billi l-Bank ma ħatarx il-membru tiegħu fil-kumitat ta’ konċiljazzjoni fit-terminu stabbilit mill-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal. Minn dan isegwi li r-rikorrenti kienet effettivament issottomettiet it-tilwima relatata ma’ dawn it-talbiet għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni qabel il-preżentata tar-rikors, li, għalhekk, fi kwalunkwe każ, ma kienx prematur.

76

Wara li saru dawn il-preċiżazzjonijiet, issa jeħtieġ li jiġu eżaminati suċċessivament it-talbiet għal annullament u għad-danni.

Fuq it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

77

Preliminarjament, ir-rikorrenti tippreċiża li l-għan tat-talbiet għal annullament tagħha jolqtu d-deċiżjoni kkontestata biss sa fejn il-President tal-Bank, l-ewwel nett, irrifjuta li jikklassifika bħala fastidju psikoloġiku l-prattiki esposti mir-rikorrenti u msemmija fil-punti 20 sa 25, 31, 34, 46, 50 u 51 tar-rapport (iktar ’il quddiem l-“aġir ikkontestat”); it-tieni nett, irrifjuta li jiftaħ il-proċedura dixxiplinari kontra d-Direttur il-ġdid, u, it-tielet nett, ordna li d-deċiżjoni kkontestata tibqa’ strettament kunfidenzjali fir-rigward tal-viċi presidenti tal-Bank.

78

Għalhekk, insostenn tat-talbiet tagħha għal annullament hekk limitati, hija tinvoka tliet motivi, ibbażati, rispettivament:

l-ewwel nett, fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fil-klassifikazzjoni tal-aġir ikkontestat;

it-tieni nett, fuq żball ta’ liġi marbut mal-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra d-Direttur il-ġdid;

it-tielet nett, fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligu tar-rikorrenti, fil-kwalità tagħha ta’ vittma, li żżomm kunfidenzjali d-deċiżjoni kkontestata.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fid-deskrizzjoni tal-aġir ikkontestat

79

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni, taħt żewġ partijiet separati, minn naħa, li l-kumitat ta’ investigazzjoni wettaq żball ta’ liġi meta qies li, sabiex ċertu aġir ikkontestat jiġi kklassifikat bħala fastidju psikoloġiku, kien meħtieġ li dan l-aġir ikun ġie rripetut, u, min-naħa l-oħra, li, kuntrarjament għal dak li jgħid ir-rapport, ċertu aġir ikkontestat kien oġġettivament jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

80

Insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-kumitat ta’ investigazzjoni, li jissemmew fil-punti 25, 34 u 46 tar-rapport u approvati mill-President tal-Bank fid-deċiżjoni kkontestata, huma żbaljati sa fejn, sabiex jirrifjuta li jikklassifika bħala fastidju psikoloġiku l-aġir inkwistjoni f’dawn il-punti, il-kumitat ta’ investigazzjoni sempliċement irrileva li dawn kienu seħħew darba biss.

81

Issa, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta, ir-rekwiżit ta’ repetizzjoni ma jirrigwardax ir-riproduzzjoni tal-istess att identiku, iżda li jerġa’ jkun hemm, matul perijodu pjuttost twil, manifestazzjonijiet ostili li jirriżultaw minn multipliċità ta’ atti jew ta’ aġir li ma humiex neċessarjament u strettament l-istess. Kull interpretazzjoni kuntrarja twassal għar-riżultat, fil-fehma tagħha assurd, li persuna li tirċievi diversi atti ostili ma titqiesx li hija vittma ta’ fastidju psikoloġiku għas-sempliċi raġuni li dawn ma humiex strettament identiċi.

82

Għaldaqstant, billi eskluda, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-aġir ta’ tmaqdir, ta’ żamma ta’ informazzjoni u ta’ aggressjoni verbali, kif eżaminati, rispettivament, fil-punti 25, 34 u 46 tar-rapport, jista’ jaqa’ taħt fastidju psikoloġiku jew li seta’ jaggrava l-aġir ta’ fastidju psikoloġiku identifikat fir-rapport tal-kumitat ta’ investigazzjoni, il-President tal-Bank wettaq żball ta’ liġi.

83

Għal raġunijiet ta’ kompletezza, ir-rikorrenti ssostni li, fir-rigward tat-tmaqdir li hija tallega li kienet is-suġġett tiegħu, tali aġir seħħ ukoll f’April u f’Ġunju 2016. Għaldaqstant, billi adotta bħala tiegħu l-konstatazzjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni li tgħid li kien hemm aġir ta’ tmaqdir f’okkażjoni waħda biss, il-President tal-Bank għamel żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dan ir-rigward.

84

Il-Bank jitlob li l-ewwel parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda bħala infondata. Huwa jenfasizza li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, id-definizzjoni ta’ fastidju psikoloġiku, li tinsab fil-punt 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar id-dinjità fix-xogħol, ma hijiex limitata biex teżiġi li l-aġir ikkritikat ikun ġie rripetut fuq “perijodu pjuttost twil”, iżda teżiġi wkoll li l-aġir invokat ma jkunux “f’lok[u]” fis-sens ta’ “abbużivi”, hekk kif huwa pprovdut fil-ġurisprudenza dwar il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku skont l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. Barra minn hekk, il-Bank isostni li l-kundizzjoni ta’ “repetizzjoni”, imsemmija fil-punt 3.6.1, tfisser repetizzjoni ta’ atti tal-istess tip li jkunu ġew osservati diversi drabi u li, minħabba din ir-repetizzjoni, jiġu kklassifikati bħala abbużivi. F’dan ir-rigward, huwa jqis li l-pożizzjoni tar-rikorrenti, li tmur kontra l-ġurisprudenza, tirriżulta fit-trasformazzjoni f’aġir uniku ta’ fastidju psikoloġiku ta’ atti oġġettivament differenti u separati fiż-żmien.

85

Fi kwalunkwe każ, l-aġir ikkontestat ma jifformax grupp wieħed. Għall-kuntrarju, hija preċiżament in-natura iżolata u distintiva ta’ kull azzjoni li pprekludiet tali konstatazzjoni tal-uniċità ta’ aġir li f’dan il-każ jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

86

Għal dak li jirrigwarda l-allegazzjoni, ifformulata għall-kompletezza mir-rikorrenti, il-Bank isostni li din hija nieqsa mill-fatti, peress li d-Direttur il-ġdid kien ifformula kritika ma’ terzi fil-konfront tar-rikorrenti darba biss.

87

Preliminarjament, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “meta, fuq perijodu pjuttost twil, ikunu rrepetuti kliem, attitudnijiet jew aġir ostili jew mhux f’lokhom, espressi jew manifesti minn membru jew iktar tal-persunal fil-konfront ta’ membru ieħor tal-persunal”. Din id-dispożizzjoni tal-Kodiċi ta’ Kondotta għandha tinqara flimkien mad-dispożizzjoni tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol, li tittratta d-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku u li tgħid li l-fatt li l-“l-aġir inkwistjoni jkunx intenzjonat jew le ma hijiex rilevanti [peress li l‑]prinċipju determinanti huwa li l-fastidju u l-intimidazzjoni huma tipi ta’ aġir mhux mixtieqa u inaċċettabbli li jippreġudikaw l-istima u l-kunfidenza li l-individwu li jkun is-suġġett ta’ dan l-aġir ikollu fih innifsu” (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, CG vs BEI, F‑103/11, EU:F:2014:185, punt 68).

88

Għalhekk, skont id-definizzjoni mogħtija lill-fastidju psikoloġiku fil-politika ta’ dinjità fix-xogħol, moqrija flimkien mal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta, kliem, attitudnijiet jew l-aġir ta’ membru tal-persunal tal-Bank fir-rigward ta’ membru ieħor ta’ dan il-persunal jikkostitwixxu “fastidju psikoloġiku” meta jkunu oġġettivament ikkawżaw preġudizzju għall-istima u l-kunfidenza li persuna jkollha fiha nnifisha (sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, CG vs BEI, F‑103/11, EU:F:2014:185, punt 69).

89

Id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku” li tinsab fl-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta teħtieġ natura ripetittiva, barra minn hekk “fuq perijodu pjuttost twil”, ta’ kliem, attitudnijiet jew aġir ostili jew mhux f’lokhom sabiex dawn ikunu jistgħu jaqgħu taħt dan il-kunċett. Minn din il-perspettiva, din id-definizzjoni tixbaħ dik imsemmija fl-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, li jiddefinixxi l-“fastidju psikoloġiku”, għal uffiċjali u membri tal-persunal suġġetti għal dawn ir-regolamenti, bħala “imġiba mhux xierqa” li tikkonkretizza ruħha permezz ta’ aġir, kliem, atti, ġesti jew kitbiet immanifestati “tul perjodu, […] ripetittiv[] jew si[s]tematik[u] ”, li jimplika li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li essenzjalment iseħħ tul iż-żmien u jippreżupponi l-eżistenza ta’ aġir ripetut jew kontinwu u li jkun “volontarju”, bil-kontra ta’ “aċċidentali” (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2017, HQ vs CPVO, T‑592/16, EU:T:2017:897, punt 101, u tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punti 7677).

90

Għalhekk, dan ir-riferiment fil-ġurisprudenza għall-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal għal “proċess li jseħħ neċessarjament tul perijodu ta’ żmien u jippreżupponi l-eżistenza ta’ aġir ripetut jew kontinwu” jista’ japplika wkoll, b’analoġija, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku” applikabbli għall-membri tal-persunal tal-Bank [ara, b’analoġija, fir-rigward tas-sistema dixxiplinari tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), is-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2015, AX vs BĊE, F‑73/13, EU:F:2015:9, punt 103].

91

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku huwa differenti minn dak ta’ “fastidju sesswali”, fis-sens tal-Artikolu 3.6.2 tal-Kodiċi ta’ Kondotta ddefinit bħala “kwalunkwe fastidju ta’ natura sesswali li huwa manifestament mhux mixtieq mid-destinatarju tiegħu, jew kwalunkwe kliem, azzjoni jew aġir b’konnotazzjoni sesswali li wkoll ikunu manifestament inopportuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (ara wkoll, b’mod analogu, id-definizzjoni fl-Artikolu 12a(4) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-uffiċjali u aġenti suġġetti għall-imsemmija Regolamenti tal-Persunal).

92

Fil-fatt, filwaqt li l-konstatazzjoni ta’ fastidju sesswali ma tiddependix neċessarjament mir-rikorrenza tal-aġir jew tal-aġiri b’konnotazzjonijiet sesswali mhux mixtieqa, il-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku hija, min-naħa tagħha, ir-riżultat ta’ konstatazzjoni ta’ grupp ta’ aġiri u bħala prinċipju ma jistax isir fuq il-bażi tal-konstatazzjoni ta’ aġir iżolat. Huwa għal din ir-raġuni li l-fatt li membru tal-persunal ikun aċċidentalment adotta ton mhux xieraq f’laqgħat jew f’diskussjonijiet ma’ membru tal-persunal ieħor ma jaqax, bħala prinċipju, taħt il-kunċett ta’ fastidju psikoloġiku (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 95).

93

Madankollu, li jkun meħtieġ, kif isostni l-Bank f’dan il-każ, li l-klassifikazzjoni ta’ “fastidju psikoloġiku” tkun tiddependi fuq ir-repetizzjoni fiż-żmien ta’ aġir identiku jew tal-istess tip imur kontra dan il-kunċett ta’ proċess fiż-żmien. Fil-fatt, bħala riżultat ta’ tali proċess, il-fastidju psikoloġiku jista’, mid-definizzjoni tiegħu, ikun ir-riżultat ta’ grupp ta’ aġiri differenti, minn membru tal-persunal tal-Bank fir-rigward ta’ ieħor, li, meħuda waħedhom, ma jikkostitwixxux neċessarjament fihom infushom fastidju psikoloġiku, iżda li, evalwati b’mod globali u fil-kuntest tagħhom, inkluż minħabba l-akkumulazzjoni tagħhom fiż-żmien, jistgħu jitqiesu li “oġġettivament jippreġudika[w] l-istima personali u l-kunfidenza ta’ [dak il-membru tal-persunal l-ieħor]” destinatarju ta’ dak l-aġir fis-sens tal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

94

Huwa għal din ir-raġuni li, meta tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk l-aġir invokat minn rikorrent jikkostitwixxix fastidju psikoloġiku, għandhom jiġu eżaminati dawn il-fatti kemm waħedhom kif ukoll kollha flimkien bħala elementi ta’ ambjent globali ta’ xogħol maħluq mill-aġir ta’ membru tal-persunal fil-konfront ta’ membru tal-persunal ieħor (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punti 81128).

95

Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li sostna l-kumitat ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari fil-punti 25, 34 u 46 tar-rapport tiegħu, in-negazzjoni ta’ aġir allegat bħala li jikkostitwixxi “fastidju psikoloġiku” fis-sens tal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li dan l-aġir ġie osservat darba biss. Għall-kuntrarju, huwa l-kumitat ta’ investigazzjoni li għandu jeżamina jekk dan l-istess aġir, kemm waħdu kif ukoll flimkien ma’ oħrajn, setax iwassal biex “jippreġudika l-istima personali u l-kunfidenza ta’ [dak il-membru tal-persunal l-ieħor]” destinatarju tal-imsemmi aġir kif iddefinit fl-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta.

96

Peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-President tal-Bank ħaddan l-evalwazzjonijiet tal-kumitat ta’ investigazzjoni u, għaldaqstant, eżiġa b’mod żbaljat li, sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku”, aġir għandu jkun ripetut bl-istess mod, mingħajr ma għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-effett kumulattiv ta’ aġir differenti fuq il-preġudizzju għall-istima personali u tal-kunfidenza personali tad-destinatarju ta’ tali aġir, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tintlaqa’.

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

97

Fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li, billi rrifjuta li jikklassifika l-aġir ikkontestat bħala li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku, il-Bank wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fir-replika, hija ssemmi madankollu tmien prattiki, fir-rigward tal-aġir ikkontestat, li, b’mod żbaljat, ma ġewx irrikonoxxuti bħala li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku fid-deċiżjoni kkontestata. Hija tenfasizza wkoll li r-ristrutturazzjoni tad-dipartiment inkwistjoni ma setgħet fl-ebda każ tiġġustifika aġir ta’ fastidju psikoloġiku għall-implimentazzjoni tagħha.

98

Il-Bank jitlob li t-tieni parti tal-ewwel motiv tiġi miċħuda, billi jenfasizza li d-diffikultajiet interni fid-dipartiment inkwistjoni kienu hemm qabel il-wasla tad-Direttur il-ġdid, li “kien ġie rreklutat biex iwettaq ristrutturazzjoni diġà deċiża u jtemm in-nuqqas ta’ ħiliet meħtieġa fi ħdan dan id-dipartiment (skills shortage)”.

99

Sabiex tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-tieni parti tal-ewwel motiv, li fiha r-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-aġir differenti li, anki jekk jittieħed b’mod iżolat, oġġettivament jikkostitwixxi, fil-fehma tagħha, fastidju psikoloġiku, għandu l-ewwel nett jiġi eżaminat suċċessivament kull wieħed minn dan l-aġir allegat u, f’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku” msemmi fl-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta huwa bbażat fuq kunċett oġġettiv li, għalkemm huwa bbażat fuq klassifikazzjoni kuntestwali ta’ atti u ta’ aġir ta’ uffiċjali u membri tal-persunal li ma huwiex dejjem sempliċi li jsir, ma jimplikax madankollu li jsiru evalwazzjonijiet kumplessi, bħal dawk li jistgħu jirriżultaw minn kunċetti ta’ natura ekonomika (ara, fir-rigward tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, is-sentenzi tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, EU:C:1991:186, punt 86, u tas-27 ta’ Settembru 2007, Ikea Wholesale,C‑351/04, EU:C:2007:547, punt 40), xjentifika (ara, għad-deċiżjonijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Rütgers Germany et vs ECHA, T‑94/10, EU:T:2013:107, punti 9899) jew anki teknika (ara, għad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju Komunitarju tal-Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), is-sentenza tal-15 ta’ April 2010, Schräder vs CPVO, C‑38/09 P, EU:C:2010:196, punt 77), li jiġġustifikaw li jiġi rrikonoxxut marġni ta’ diskrezzjoni lill-amministrazzjoni fl-applikazzjoni tal-kunċett inkwistjoni. Għalhekk, fil-preżenza ta’ allegazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 3.6.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta, għandu jiġi mistħarreġ jekk il-Bank wettaqx żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tad-definizzjoni tal-fastidju psikoloġiku msemmi f’din id-dispożizzjoni, u mhux ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti.

100

Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-allegata strateġija ta’ “eżilju” tar-rikorrenti, li mmaterjalizza b’mod partikolari permezz tal-iżvelar, mid-Direttur il-ġdid, tal-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ser tikseb il-kariga ta’ kap ta’ diviżjoni li tant xtaqet, għandu jiġi rrilevat li, fl-ilment, ir-rikorrenti kienet sostniet biss li mid-deċiżjoni tad-Direttur il-ġdid li jippreżenta l-organigramma l-ġdida tad-dipartiment fil-waranofsinhar tad-29 ta’ Ġunju 2015, jiġifieri lejliet l-intervista fil-kuntest tal-proċedura intiża sabiex timtela l-kariga ta’ kap ta’ diviżjoni li xtaqet ir-rikorrenti, seta’ jiġi dedott unikament li huwa kien impliċitament iddeċida li r-rikorrenti ma kinitx ser tikseb dan il-post. Madankollu, fir-rikors, hija ssostni iktar kategorikament li d-Direttur il-ġdid kien avżaha li ma kinitx ser tingħata dan il-post.

101

Minbarra dan l-iżvilupp fl-allegazzjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ma pprovdietx evidenza li, minkejja l-fatt li din id-deċiżjoni kellha tittieħed kolleġjalment minn bord ta’ għażla, id-Direttur il-ġdid kien diġà ddeċieda, qabel l-intervista, dwar l-eżitu tal-proċedura ta’ reklutaġġ għall-post ta’ kap ta’ diviżjoni u għarrafha li ma kinitx ser tintgħażel għal din il-pożizzjoni matul jew bil-fatt tal-preżentazzjoni tal-organigramma l-ġdida tad-dipartiment matul il-laqgħa tad-29 ta’ Ġunju 2015.

102

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tosserva li, fl-ittra li hija bagħtet fl-1 ta’ Lulju 2015 lil membru tal-persunal tal-Bank, ir-rikorrenti indikat biss li hija ma kinitx kunfidenti fl-eżitu tal-proċedura ta’ għażla u, f’dan il-kuntest, hija rrivelat li d-Direttur il-ġdid kien spjegalha, fir-rigward tal-fatt li hija kienet tinsab f’ċerta pożizzjoni fl-organigramma l-ġdida li kien ser jippreżenta lid-dipartiment inkwistjoni, li kellu jagħmel dan sabiex tingħata stampa sħiħa tad-dipartiment, iżda li dan ma kienx ser ikollu impatt fuq l-intervista tagħha mal-bord. Issa, dan pjuttost juri li d-Direttur il-ġdid kien għadu ma ħax deċiżjoni f’dan ir-rigward. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti ma qisitx neċessarju li tikkontesta l-eżitu tal-proċedura ta’ reklutaġġ f’din il-pożizzjoni, minkejja li hija tallega li din il-proċedura ġiet ippreġudikata favur persuna li kienet kollega tad-Direttur il-ġdid f’organizzazzjoni internazzjonali oħra.

103

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-President tal-Bank, fl-adozzjoni tiegħu tal-analiżi fir-rapport tal-kumitat ta’ investigazzjoni, ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta kkonstata, minn naħa, li r-rikorrenti ma wrietx in-natura irregolari tal-proċedura ta’ għażla li fiha hija ma rnexxilhiex fi kwalunkwe każ tiġi kklassifikata fit-tieni post, jiġifieri eżatt wara l-persuna allegatament maħtura b’favoritiżmu, u ma kienx irnexxielha turi ħila biżżejjed f’ċertu għarfien meħtieġ għall-pożizzjoni, u li, min-naħa l-oħra, din l-allegazzjoni ma setgħetx titqies li tikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

104

It-tieni nett, bl-istess mod, fir-rigward tad-deċiżjoni biex jiżżarma t-tim ristrett ta’ tliet persuni li qabel kellha l-ġestjoni tiegħu r-rikorrenti meta d-dipartiment inkwistjoni kien taħt it-tmexxija tad-direttur preċedenti li kienet taqa’ taħtu direttament, il-Qorti Ġenerali tfakkar li, bħall-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni, il-Bank għandu l-libertà li jistruttura d-diviżjonijiet amministrattivi tiegħu billi jieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ fatturi, bħan-natura u l-portata tal-kompiti mogħtija lilhom u l-possibbiltajiet baġitarji, kif ukoll l-evoluzzjoni tal-prijoritajiet tiegħu. Din il-libertà tinvolvi dik li jitneħħew impjiegi u li tinbidel l-allokazzjoni tal-kompiti ta’ impjiegi miżmuma, fl-interess ta’ effettività ikbar fl-organizzazzjoni tax-xogħlijiet, kif ukoll is-setgħa li jiġu assenjati mill-ġdid kompiti li qabel kienu jitwettqu mid-detentur tal-impjieg imneħħi (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑584/16, EU:T:2017:282, punt 103, u tal-10 ta’ Settembru 2014, Tzikas vs AFE, F‑120/13, EU:F:2014:197, punt 82).

105

Għaldaqstant, hekk kif essenzjalment irrileva l-kumitat ta’ investigazzjoni, anki jekk id-Direttur il-ġdid kellu jieħu iktar żmien biex jispjega lir-rikorrenti dwar il-ħtieġa li jkun hemm iktar żvilupp tal-kompiti li hija kienet tieħu ħsieb qabel taħt it-tmexxija tad-direttur preċedenti, xorta kien jibqa’ l-fatt li r-riorganizzazzjoni tad-dipartiment inkwistjoni kienet ġiet deċiża mill-Bank, qabel id-dħul fis-servizz tad-Direttur il-ġdid, minħabba rendiment insodisfaċenti ta’ dan id-dipartiment u li, għaldaqstant, it-tneħħija tat-tim li qabel kien ġestit mir-rikorrenti, inkwantu hu kien ser jimplimenta din ir-ristrutturazzjoni, kienet taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Bank fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tiegħu u ma setgħetx raġonevolment tiġi interpretata bħala fastidju psikoloġiku min-naħa tad-Direttur il-ġdid li jimplimenta r-ristrutturazzjoni tad-dipartiment inkwistjoni deċiża mill-Bank.

106

L-ilment tar-rikorrenti għandu għalhekk jiġi miċħud fuq dan il-punt, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tintlaqa’ t-talba tagħha intiża sabiex il-Bank jintalab, bħala miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jipproduċi r-rapporti ta’ evalwazzjoni tad-Direttur il-ġdid sabiex jiġi stabbilit li s-superjuri ta’ dan tal-aħħar kienu informati bil-problemi li ltaqa’ magħhom mal-persunal fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tad-dipartiment inkwistjoni, kif ukoll l-informazzjoni kollha miġbura mill-impjegati ta’ dan id-dipartiment mill-“business partners” u d-dipartimenti mediċi dwar l-aġir tad-Direttur il-ġdid minn Ottubru 2014 sa Ġunju 2016.

107

Fir-rigward, fit-tielet lok, tal-kummenti magħmula fi ħdan id-dipartiment mid-Direttur il-ġdid dwar, minn naħa, il-fatt li l-impjegati tal-Bank ma għandhomx jilmentaw dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jiddispjaċih li ma setax ikeċċi kif irid l-impjegati li ma jkunux adatti għalih kif kien il-każ fil-karigi preċedenti tiegħu qabel ma daħal jaħdem mal-Bank, il-kumitat ta’ investigazzjoni kkonkluda fir-rapport tiegħu li tali osservazzjonijiet ma kinux jidhru irraġonevoli u li l-ilmenti tar-rikorrenti fir-rigward tagħhom kienu “infondati inkwantu allegazzjonijiet ta’ fastidju”. Tali konklużjoni ma kinitx, fiha nnifsha, żbaljata, peress li ma kienx ġie stabbilit li, kienu kemm kienu goffi fid-dawl ta’ tmexxija tajba ta’ dipartiment, dawn il-kummenti kienu neċessarjament u speċifikament jikkonċernaw lir-rikorrenti. Għaldaqstant, dawn lanqas ma jistgħu jitqiesu li huma theddid espress fil-konfront tagħha.

108

Fir-rigward, fir-raba’ lok, tal-fatt li d-Direttur il-ġdid kien poġġa fid-dubju r-rwol tar-rikorrenti bħala kap ta’ tim, b’mod partikolari meta kkritika, anki billi ċaħad id-dritt tagħha li tiffissa għanijiet għat-tliet membri ta’ dan il-grupp u li tevalwahom, għandu jitfakkar li, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jgawdu minnha l-istituzzjonijiet fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħhom, la d-deċiżjonijiet amministrattivi dwar kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-organizzazzjoni tad-dipartimenti, anki jekk ikunu diffiċli li jiġu aċċettati, u lanqas in-nuqqas ta’ qbil mal-amministrazzjoni dwar dawn l-istess kwistjonijiet, ma jistgħu fihom infushom jipprovaw l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il-Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 98, u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

Għaldaqstant, peress li l-funzjoni ta’ kap tat-tim ma kinitx funzjoni formalment iddefinita fir-regoli applikabbli fi ħdan il-Bank u, fil-każ tar-rikorrenti, kienet responsabbiltà li kien fdalha d-direttur preċedenti, huwa mingħajr ma wettaq żball ta’ evalwazzjoni li l-President tal-Bank, bl-adozzjoni tiegħu tal-konstatazzjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni fuq dan il-punt, qies li dan it-tqegħid indiskussjoni mid-Direttur il-ġdid fuq l-awtorità tar-rikorrenti bħala kap ta’ tim, għalkemm ma kienx f’loku, f’dan il-każ fid-dawl tal-Artikolu 3.3 tal-Kodiċi ta’ Kondotta li jgħid li “[il-]kummenti kritiċi [tas-superjuri ġerarkiċi] għandhom jiġu espressi b’mod skjett u onest, mingħajr allużjonijiet jew theddid moħbi”, ma jikkostitwixxux forma ta’ fastidju psikoloġiku.

110

Fir-rigward, fil-ħames lok, tal-fatt li r-rikorrenti ma kinitx ġiet mistiedna tipparteċipa f’ċerti laqgħat, deċiżjoni bħal din, bħala tali, tista’ taqa’ taħt is-setgħa diskrezzjonali tad-Direttur il-ġdid fl-organizzazzjoni tax-xogħlijiet tad-dipartiment inkwistjoni u, għaldaqstant, fiha nnifisha ma tikkostitwixxix neċessarjament fastidju psikoloġiku.

111

Bl-istess mod, fis-sitt lok, fir-rigward tal-fatt li d-Direttur il-ġdid kien interrompa prematurament laqgħa bejn l-assistent Segretarju Ġenerali tal-Bank, ir-rikorrenti u huwa stess, minħabba nuqqas ta’ preparazzjoni tar-rikorrenti dwar is-suġġett ta’ din il-laqgħa, tali aġir ma jikkostitwixxix neċessarjament fih innifsu fastidju psikoloġiku fir-rigward tar-rikorrenti.

112

Fir-rigward, fis-seba’ lok, tal-allegazzjoni li d-Direttur il-ġdid ipprefera fil-kuntatti tiegħu lill-persuni rreklutati ġodda taħt it-tmexxija tiegħu għad-detriment ta’ persuni diġà fil-kariga meta beda jaqdi dmirijietu, ma jidhirx li, bħala tali, dan l-aġir, li juri fuq kollox dgħufija fil-ġestjoni, jista’ jitqies li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fil-konfront tar-rikorrenti.

113

Finalment, fit-tmien lok, dwar l-affermazzjoni tar-rikorrenti dwar il-waqfa ħesrem li sofriet il-karriera tagħha wara t-tluq tad-direttur preċedenti tad-dipartiment inkwistjoni u tad-dħul fis-servizz tad-Direttur il-ġdid, għandu jiġi enfasizzat li, l-istess kif il-promozzjoni ta’ membru tal-persunal ma tippermettix li jiġi eskluż li dan ikun vittma ta’ fastidju jew ta’ mġiba malizzjuża min-naħa tas-superjur ġerarkiku tiegħu (sentenza tas-16 ta’ Settembru 2013, Faita vs KESE, F‑92/11, EU:F:2013:130, punt 89), il-fatt li r-rikorrenti allegatament ġarrbet rallentament fl-iżvilupp tal-karriera tagħha fih innifisu ma jikkostitwixxix neċessarjament fastidju psikoloġiku.

114

B’mod partikolari, f’kuntest fejn ir-rikorrenti ma kkontestatx l-evalwazzjonijiet tagħha, u lanqas id-deċiżjonijiet dwar il-progress tagħha allegatament issa iktar bil-mod, għandu jitfakkar li, barra l-proċess ta’ evalwazzjoni, ta’ promozzjoni u ta’ għażla fejn jista’ jikkontesta d-deċiżjonijiet li jirrigwardawh, membru tal-persunal ma jistax ikollu aspettattiva leġittima ta’ kontinwità fi żvilupp ta’ karriera mgħaġġla jew fil-kisba tal-funzjonijiet ta’ kap ta’ diviżjoni li għalihom il-membru tal-persunal kellu assigurazzjonijiet mill-predeċessur tas-superjur ġerarkiku attwali tiegħu.

115

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha, minn naħa, tintlaqa’ parzjalment it-tieni parti tal-ewwel aggravju sa fejn, fir-rigward tal-aġir kontenzjuż, il-President tal-Bank ma setax jikkonkludi li dawn ma kinux jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku” mingħajr ma eżaminahom f’kuntest globali u, min-naħa l-oħra, li din il-parti tiġi miċħuda fir-rigward tal-kumplament f’dak li jikkonċerna l-evalwazzjoni magħmula separatament mill-Bank għal kull aġir individwali kkontestat.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi marbut mal-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra d-Direttur il-ġdid

116

Insostenn tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni prinċipalment li, meta rrifjuta li jiftaħ f’dan il-każ il-proċedura dixxiplinari kontra d-Direttur il-ġdid, il-President tal-Bank kiser kemm il-politika tad-dinjità fix-xogħol kif ukoll il-proċedura dixxiplinari stabbilita fl-Artikoli 38 sa 40 tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, hija ssostni li, f’dan il-każ, u minkejja r-rikonoxximent ta’ fastidju psikoloġiku, il-President tal-Bank ma adotta ebda sanzjoni fir-rigward tad-Direttur il-ġdid, lanqas ċanfira bil-miktub. Huwa fil-fatt sempliċement hedded lill-persuna kkonċernata li jiftaħ il-proċedura dixxiplinari kontra tiegħu fil-każ ta’ reċidiva fi żmien tliet snin, biex b’hekk segwa r-rakkomandazzjonijiet tal-kumitat ta’ investigazzjoni. Issa, skont ir-rikorrenti, li tħoss li għandha interess ġuridiku f’dan ir-rigward, il-President tal-Bank ma kellux għażla oħra, f’dan il-każ, ħlief li jiddeċiedi li jagħti bidu għal proċeduri dixxiplinari.

117

B’mod partikolari, il-politika ta’ dinjità fix-xogħol tipprevedi biss ħames tipi ta’ miżuri li fosthom ma hemmx theddida ta’ proċedura dixxiplinari fil-każ ta’ reċidiva. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, li tibbaża ruħha, f’dan ir-rigward, fuq il-punt 68 tas-sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, OZ vs BEI (T‑607/16, mhux ippubblikata, taħt appell, EU:T:2017:495), il-kumitat ta’ investigazzjoni ma kellu ebda għażla ħlief li jiċħad l-ilment jew jilqgħu u, f’dan il-każ, li jirrakkomanda proċeduri dixxiplinari, anki jekk, fuq dan l-aħħar punt, ir-rikorrenti ssostni li ma titlobx li d-Direttur il-ġdid għandu neċessarjament jingħata l-iktar sanzjoni iebsa.

118

Għalhekk, meta rrinunzja li jadotta, fil-livell tiegħu, is-sanzjoni ta’ ċanfira bil-miktub jew jiddeċiedi li jagħti bidu għall-proċeduri dixxiplinari quddiem il-kumitat dixxiplinari konġunt (joint committee) previsti fl-Artikolu 40 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-President tal-Bank kiser ir-ratio legis kemm tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol kif ukoll id-dispożizzjonijiet dwar il-proċedura dixxiplinari.

119

Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti tqis, sussidjarjament, li, anki jekk jitqies li l-President tal-Bank igawdi minn setgħa diskrezzjonali fil-miżuri li għandhom jiġu adottati wara r-rapport tal-kumitat ta’ investigazzjoni, il-miżuri meħuda f’din il-kwistjoni huma fi kwalunkwe każ manifestament insuffiċjenti fid-dawl tal-gravità tal-aġir allegat jew, tal-inqas, ta’ dawk irrikonoxxuti, fir-rapport, bħala li jikkostitwixxu fastidju psikoloġiku. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha wkoll fuq il-perizja tal-uffiċjal mediku tal-Bank li jgħid li, mill-2013, kienet teżisti fil-BEI kultura li tiffavorixxi l-fastidju psikoloġiku. B’hekk, in-nuqqas ta’ ftuħ ta’ proċedura f’dan il-każ jikkontribwixxi għall-banalizzazzjoni tal-fastidju psikoloġiku għalkemm dan huwa pprojbit fil-Bank. B’mod partikolari, is-sempliċi theddida ta’ proċedura dixxiplinari fil-każ ta’ reċidiva fit-tliet snin li ġejjin ma hijiex ta’ natura li tissodisfa l-funzjonijiet ta’ prevenzjoni u ta’ dissważjoni li normalment tkun marbuta ma’ sanzjoni amministrattiva.

120

Il-Bank jitlob li t-tieni motiv jiġi miċħud bħala infondat, filwaqt li jqiegħed f’dubju l-interess ġuridiku tar-rikorrenti. Fil-fatt, skont il-Bank, ebda membru tal-persunal ma għandu interess li membru tal-persunal ieħor, f’dan il-każ id-Direttur il-ġdid, jiġi suġġett għal proċedura dixxiplinari jew ikun suġġett għal sanzjoni dixxiplinari.

121

Fir-rigward tal-mertu, il-Bank isostni li la l-politika tad-dinjità fix-xogħol, u lanqas ebda dispożizzjoni oħra applikabbli fi ħdanu ma jimponu obbligu li tinfetaħ proċedura dixxiplinari, u dan anki fil-każ ta’ fastidju psikoloġiku pprovat. Fil-fatt, il-President tal-Bank għandu f’dan ir-rigward setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tal-miżuri li jinħtieġu f’tali każ, bl-istess mod kif il-kumitat ta’ investigazzjoni għandu l-possibbiltà li jifformula għadd ta’ rakkomandazzjonijiet, iżda ma huwiex neċessarjament meħtieġ li jiġi rrakkomandat il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari. Dan huwa l-każ hawnhekk, essenzjalment, tal-osservanza mill-President tal-Bank tal-prinċipju ta’ proporzjonalità bejn il-gravità tal-fastidju kkonstatat u l-miżuri meħtieġa li għandhom jiġu adottati bħala konsegwenza. F’dan il-kuntest, il-Bank iqis li, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-President tiegħu ma kienx intitolat li jimponi s-sanzjoni taċ-ċanfira bil-miktub mingħajr konsultazzjoni tal-kumitat dixxiplinari konġunt, liema konsultazzjoni tikkostitwixxi għall-kuntrarju formalità sostanzjali.

122

Fi kwalunkwe każ, il-bank jiċħad l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-miżuri adottati f’dan il-każ kienu insuffiċjenti fid-dawl tal-gravità tal-fatti kkonstatati mill-kumitat ta’ investigazzjoni u mtennija min-naħa tiegħu mill-President tal-BEI. F’dan ir-rigward, huwa jqis li l-vittma ta’ fastidju psikoloġiku ma tistax tinvoka l-osservanza ta’ għan ta’ dissważjoni u ta’ prevenzjoni fid-definizzjoni tal-miżuri adottati mill-President tal-Bank fil-każ ta’ fastidju pprovat li jikkonċernaha, peress li, dejjem skont il-Bank, dan ikun qed jagħti lil tali vittma dritt li wieħed jaġixxi fl-interess tal-liġi, ħaġa li tmur kontra l-ġurisprudenza.

123

Iktar sussidjarjament, il-Bank iqis li dan il-każ, filwaqt li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku, ma kienx każ serju li jiġġustifika l-ftuħ immedjat ta’ proċedura dixxiplinari kontra d-Direttur il-ġdid. Fil-fatt, għalkemm mingħajr dubju r-rikorrenti suġġettivament ipperċepietu bħala gravi, l-aġir tad-Direttur il-ġdid kien fir-realtà oġġettivament ikkaratterizzat, essenzjalment, minn ġestjoni ħażina u minn komunikazzjoni insuffiċjenti.

124

Preliminarjament, sa fejn ir-rikorrenti tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata peress li din ma tikkostitwixxix miżura xierqa tal-President tal-Bank bi tweġiba għall-ilment tagħha, għandu jiġi miċħud l-argument tal-Bank dwar in-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrenti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, huwa inerenti fir-rekwiżiti ta’ stħarriġ ġudizzjarju effettiv tad-deċiżjoni kkontestata li r-rikorrenti tkun tista’ tikkontesta, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, l-adegwatezza tal-miżuri adottati bi tweġiba għall-ilment tagħha. Il-fatt li, b’dan il-mod, hija tilmenta li l-Bank ma fetaħx il-proċedura dixxiplinari kontra terzi, f’dan il-każ id-Direttur il-ġdid, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, peress li huwa stabbilit li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma taġixxix fl-interess tal-liġi u, għall-kuntrarju, tressaq ilmenti li huma personali għaliha.

– Dwar miżuri li jistgħu, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall BEI, jiġu rrakkomandati mill-kumitat ta’ investigazzjoni u sussegwentement adottati mill-President tal-Bank fil-każ ipprovat ta’ fastidju psikoloġiku

125

Wara li saret din il-preċiżazzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol, “il-kumitat [ta’ investigazzjoni] jista’ jesprimi diversi rakkomandazzjonijiet maħsuba sabiex:

il-każ jiġi abbandunat, wara li ż-żewġ partijiet setgħu jiċċaraw is-sitwazzjoni u tkun instabet soluzzjoni għall-futur, aċċettabbli għaż-żewġ naħat;

il-każ ma jitqiesx bħala intimidazzjoni jew fastidju, iżda bħala kunflitt fuq ix-xogħol li għandu jkun is-suġġett ta’ eżami iktar fil-fond jew ta’ segwitu;

l-ilment jiġi miċħud;

jittieħdu l-miżuri neċessarji jekk il-kumitat [ta’ investigazzjoni] juri li l-ilment huwa infondat u malintenzjonat;

tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari [fir-rigward tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju]”.

126

Formalment, il-politika ta’ dinjità fix-xogħol ma tipprovdix espressament li, fejn il-kumitat ta’ investigazzjoni jikkonstata l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku fi tmiem l-investigazzjoni tiegħu, huwa għandu neċessarjament jirrakkomanda l-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari, li huwa biss wieħed mill-ħames tipi ta’ rakkomandazzjoni espressament previsti minn dan it-test.

127

Madankollu, f’tali każ ta’ konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku, huma biss l-ewwel u l-ħames tipi ta’ rakkomandazzjoni li jkunu applikabbli, jiġifieri jew ir-rakkomandazzjoni intiża li l-kawża tiġi abbandunata minħabba li ż-żewġ partijiet setgħu jiċċaraw is-sitwazzjoni u li tkun instabet soluzzjoni għall-futur, aċċettabbli għaż-żewġ partijiet, jew dik li tinfetaħ il-proċedura dixxiplinari.

128

Fin-nuqqas li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għall-futur bejn il-partijiet, kif huwa l-każ hawnhekk, sa fejn, meta tikkontesta d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti esprimiet b’mod ċar in-nuqqas ta’ qbil tagħha dwar il-miżuri proposti mill-kumitat ta’ investigazzjoni u magħżula mill-President tal-Bank, il-formulazzjoni tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol tindika li l-konstatazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku mill-kumitat ta’ investigazzjoni għandha bħala prinċipju twassal għar-rakkomandazzjoni tal-ftuħ tal-proċedura dixxiplinari.

129

Fir-rigward tat-tipi ta’ deċiżjonijiet li l-President tal-Bank jista’ jieħu abbażi ta’ rapport stabbilit mill-kumitat ta’ investigazzjoni, il-politika ta’ dinjità fix-xogħol tipprovdi enumerazzjoni ta’ tliet miżuri eventwali li għandhom jittieħdu. B’hekk, hija ssostni li “jista’ jkun hemm, pereżempju, l-implimentazzjoni ta’ proċedura dixxiplinari [fil-konfront tal-persuna li allegatament tkun responsabbli għall-fastidju], it-tnedija ta’ investigazzjonijiet addizzjonali f’diviżjoni ta’ ħidma jew dipartiment speċifiku, [jew] ta’ soluzzjoni aċċettata bi ftehim komuni bejn il-partijiet” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fid-dawl tal-użu tal-kelma “pereżempju”, jidher li din il-lista ma hijiex eżawrjenti.

130

Fir-rigward tas-segwitu dixxiplinari li jista’ jiġi deċiż immedjatament mill-President tal-Bank fil-każ ta’ fastidju psikoloġiku pprovat, l-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi sistema dixxiplinari, simili għal dik prevista fl-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal, kompluta bl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid li jistgħu jiġu adottati tliet miżuri dixxiplinari skont il-gravità tal-każ. Filwaqt li l-ewwel waħda, “twissija bil-miktub”, tista’ tiġi adottata mingħajr l-intervent tal-Kumitat dixxiplinari Konġunt, simili għall-bord dixxiplinari previst mir-Regolamenti tal-Persunal, iż-żewġ miżuri oħra ma jistgħux jiġu adottati ħlief wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat dixxiplinari Konġunt, li l-kompożizzjoni tiegħu hija rregolata mill-Artikolu 40 tar-Regolamenti tal-Persunal. Dawn iż-żewġ miżuri huma t-“tkeċċija għal raġuni gravi, mingħajr avviż minn qabel bi jew mingħajr allowance tat-tluq” u t-“tkeċċija għal raġuni gravi, mingħajr avviż jew allowance tat-tluq, u bi drittijiet għall-pensjoni mnaqqsa”.

131

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Bank, dwar il-kliem tal-Artikolu 38 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-impożizzjoni mill-President tal-Bank ta’ sanzjoni ma tkunx teħtieġ, f’kull każ, li jiġi adit il-Kumitat dixxiplinari Konġunt.

– Fuq in-natura u s-suffiċjenza tal-miżuri adottati fil-każ ta’ fastidju psikoloġiku pprovat

132

F’dan il-każ, il-kumitat ta’ investigazzjoni rrakkomanda l-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari, iżda kkundizzjonaha bir-reċidiva tad-Direttur il-ġdid jekk jikser il-projbizzjoni ta’ fastidju psikoloġiku fi ħdan il-Bank. Peress li l-President tal-Bank approva din ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat ta’ investigazzjoni, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, kif issostni r-rikorrenti, din il-miżura setgħetx tiġi adottata minn dan tal-aħħar f’dan il-każ partikolari.

133

Dan iqajjem il-kwistjonijiet tal-marġni ta’ diskrezzjoni tal-President tal-Bank fid-determinazzjoni tal-miżura jew miżuri li għandu jieħu fil-preżenza ta’ fastidju psikoloġiku stabbilit mill-kumitat ta’ investigazzjoni, kif ukoll tan-natura xierqa tal-miżuri adottati f’dan il-każ.

134

F’dan ir-rigward, billi l-korp regolatorju applikabbli għall-Bank ma jipprovdix dispożizzjoni li fiha kunċett simili, hemm bżonn li jkun hemm ispirazzjoni, fid-dawl tal-għanijiet simili mfittxija skont l-Artikolu 3.2.1 tal-Kodiċi ta’ Kondotta u tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, mill-ġurisprudenza dwar l-obbligu ta’ assistenza li jirriżulta mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jgħid, minn naħa, “[l]-Unjoni għandha tassisti kull uffiċjal, partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjetà li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu” u, min-naħa l-oħra, “[h]uma għandhom jikkumpensaw in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata”.

135

F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-uffiċjali u membri tal-persunal suġġetti għat-testijiet imsemmija fl-Artikolu 336 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li, fir-rigward tal-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, taħt l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 137; tal-24 ta’ April 2017, HF vs Il-Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 48, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 89).

136

Barra minn hekk, dwar il-fastidju, b’mod ġenerali, l-istituzzjoni ma tistax tadotta sanzjonijiet, dixxiplinari jew oħrajn, kontra l-persuna li allegatament tkun responsabbli għall-fastidju allegat, sew jekk ikun jew le superjur ġerarkiku tal-vittma allegata, ħlief jekk il-miżuri istruttorji ordnati, skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, jistabbilixxu b’ċertezza l-eżistenza, min-naħa tal-persuna akkużata mill-uffiċjal jew mill-membru tal-persunal, ta’ aġir li jippreġudika l-funzjonament tajjeb tas-servizz jew id-dinjità u r-reputazzjoni tal-vittma allegata (sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1989, Katsoufros vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 55/88, EU:C:1989:409, punt 16; tat-28 ta’ Frar 1996, Dimitriadis vs Il-Qorti tal-Awdituri, T‑294/94, EU:T:1996:24, punt 39, u tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il-Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 90).

137

Fuq il-bażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġurisprudenzjali, għandu jitqies li, bil-ħsieb tal-implimentazzjoni tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol, il-President tal-Bank għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu wara r-rapport stabbilit mill-kumitat ta’ investigazzjoni.

138

F’dan il-każ, il-President tal-Bank ma qiesx li kien meħtieġ li jimponi ċanfira bil-miktub lid-direttur inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Bank ma allegax, fir-risposta, li l-indikazzjoni li tgħid li dan id-direttur kien jesponi ruħu għal proċeduri dixxiplinari fil-każ ta’ reċidiva fi żmien tliet snin kellha titqies bħala twiddiba, u lanqas li din ħadet forma bil-miktub irreġistrata fil-fajl amministrattiv tad-Direttur il-ġdid. Barra minn hekk, huwa stabbilit li l-President tal-Bank ma ddeċidiex li jadixxi immedjatament lill-Kumitat dixxiplinari Konġunt skont l-Artikoli 38 u 40 tar-Regolamenti tal-Persunal.

139

B’hekk, b’mod definittiv, b’risposta għal każ madankollu kkonstatat minnu ta’ fastidju psikoloġiku, il-President tal-Bank sempliċement indika lill-persuna li ressqet ilment taħt din il-politika li l-membru tal-persunal li taha fastidju kien ġie informat bil-fatt li kien ser ikun espost għal proċeduri dixxiplinari biss fil-każ ta’ reċidiva matul perijodu ta’ tliet snin.

140

Madankollu, il-Qorti Ġenerali tirrileva, minn naħa, li tali miżura, applikabbli biss fil-każ ta’ reċidiva tal-persuna kkonċernata, timplika li s-sanzjoni tal-aġir ta’ fastidju psikoloġiku pprovat tiddependi fuq il-konstatazzjoni ta’ aġir ġdid oġġezzjonabbli, anki jekk din il-konstatazzjoni tiddependi, fejn applikabbli, mid-deċiżjoni imprevedibbli tal-vittma l-ġdida jekk tressaqx jew le lment skont il-politika ta’ dinjità tax-xogħol.

141

Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-għanijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta u tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol u, b’mod partikolari, tal-gravità intrinsika ta’ kull aġir ta’ fastidju psikoloġiku ddikjarata f’dawn it-testi adottati mill-Bank, għandu jitqies li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, il-miżuri adottati mill-President tal-Bank ma kinux biżżejjed u, għalhekk, ma kinux xierqa meta mqabbla mal-gravità tal-każ ineżami, għall-inqas għal dak li jirrigwarda l-effetti immedjati li kellhom jirriżultaw minn dan l-aġir identifikat mill-President tal-Bank bħala li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku.

142

Għaldaqstant, bla ħsara għall-eżami globali li l-Bank għandu jagħmel fir-rigward tal-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-ewwel motiv u mingħajr ma huwa meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk il-kumitat ta’ investigazzjoni kellux jieħu inkunsiderazzjoni iktar, fil-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, l-allegati lmenti ta’ erba’ membri tal-persunal oħra fid-dipartiment mediku tal-Bank u, barra minn hekk, jekk tali allegazzjonijiet jikkostitwixxux ilment li huwa personali għar-rikorrenti skont il-ġurisprudenza u li ma jagħtix lill-uffiċjali u lill-membri tal-persunal dritt li wieħed jaġixxi fl-interess tal-liġi jew tal-persunal ta’ istituzzjoni jew aġenzija tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-28 ta’ April 2017, HN vs Il-Kummissjoni, T‑588/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:292, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata), hemm lok li jintlaqa’ t-tieni motiv.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligu tar-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ vittma, li żżomm id-deċiżjoni kkontestata kunfidenzjali

143

Insostenn tat-tielet motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Bank ma setax jeħtieġ minnha li żżomm kunfidenzjali, inkluż fir-rigward tal-qafas tad-diriġenti tal-Bank, l-eżistenza u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

144

F’dan ir-rigward, hija tammetti li, fl-istadju tat-tressiq tal-ilment, il-politika ta’ dinjità fix-xogħol tinkludi obbligu ta’ kunfidenzjalità li jorbot lill-vittma, lill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, lix-xhieda kif ukoll lill-parteċipanti l-oħra fil-proċeduri. Fil-fatt, huwa leġittimu li tiġi protetta r-reputazzjoni tad-diversi protagonisti sakemm il-fatti jiġu stabbiliti. Madankollu, ir-rikorrenti tqis li, ladarba l-proċedura ta’ investigazzjoni tintemm, ebda dispożizzjoni legali ma tawtorizza lill-President tal-Bank jirrikjedi s-silenzju tal-persuna li tkun ġiet irrikonoxxuta bħala vittma ta’ fastidju psikoloġiku, peress li tali ħtieġa tiffavorixxi l-protezzjoni tar-reputazzjoni tal-persuna inkwistjoni, minkejja li din tkun ġiet irrikonoxxuta bħala li wettqet atti ta’ fastidju psikoloġiku.

145

B’hekk, skont ir-rikorrenti, huwa inerenti fil-politika tad-dinjità fix-xogħol li persuna li tkun ġiet irrikonoxxuta bħala vittma ta’ fastidju psikoloġiku jew, bil-kontra, il-persuna akkużata inġustament bħala allegatament responsabbli għall-fastidju tista’ tuża r-riżultat tal-proċedura ta’ investigazzjoni. Għall-vittma, dan japplika b’mod partikolari biex jiġu stabbiliti mill-ġdid l-integrità professjonali u l-bilanċ psikoloġiku tagħha. Issa, dan neċessarjament jiddependi fuq ir-rikonoxximent minn kulħadd tal-fondatezza tal-ilment tagħha u tas-sofferenza li kienet ġiet esposta għaliha. F’dan il-każ, ir-rikorrenti, b’mod partikolari, kellha interess li tkun tista’ tispjega lill-eqreb superjur ġerarkiku tagħha jew lill-persuna li timpjegaha sussegwentement ir-raġunijiet oġġettivi għalfejn hija kienet vittma ta’ burn out u kellha tinterrompi l-karriera tagħha permezz ta’ LRP ta’ sentejn. Dan huwa kkorroborat mill-punti 257 u 258 tas-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2012, Z vs Il-Qorti tal-Ġustizzja (F‑88/09 u F‑48/10, EU:F:2012:171).

146

Ir-rekwiżit tal-Bank li jżomm kunfidenzjali d-deċiżjoni kkontestata jikkostitwixxi wkoll żball manifest ta’ evalwazzjoni, peress li din id-deċiżjoni tikkontribwixxi biex il-fastidju psikoloġiku jitrawwem fil-Bank, filwaqt li, fir-rigward tar-regoli applikabbli, huwa obbligu tal-BEI, skont id-dmir tiegħu ta’ diliġenza u ta’ premura, li jieħu ħsieb juri l-eżistenza ta’ dan il-każ ta’ fastidju psikoloġiku, sabiex ikunu jistgħu jitkellmu vittmi potenzjali oħra, b’mod partikolari, f’dan il-każ, l-erba’ persuni oħra tad-dipartiment inkwistjoni li fetħu qalbhom dwar din il-kwistjoni mal-uffiċjal mediku tal-Bank.

147

Il-Bank isostni li, sa fejn dan huwa intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-10 ta’ April 2017, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fi kwalunkwe każ, iċ-ċirkustanza li, f’din l-ittra, il-kwistjoni tal-kunfidenzjalità kienet ġiet imfakkra lir-rikorrenti ma twassalx għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, peress li, minn naħa, dan huwa att li ġie wara din id-deċiżjoni, u min-naħa l-oħra, dan huwa att aċċessorju u separabbli mid-deċiżjoni msemmija. Barra minn hekk, din it-tfakkira elementari tad-dmir ta’ kunfidenzjalità tar-rikorrenti ma kienx jikkonsisti fil-ħolqien ta’ obbligu ta’ kunfidenzjalità ġdid u, fi kwalunkwe każ, kien iġġustifikat f’dan il-każ partikolari.

148

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-legalità tal-att ikkontestat għandha tiġi evalwata skont il-punti ta’ fatt u ta’ dritt eżistenti fid-data meta jkun ġie adottat l-att (sentenzi tas-7 ta’ Frar 1979, Franza vs Il‑Kummissjoni, 15/76 u 16/76, EU:C:1979:29, punt 7; tas-17 ta’ Mejju 2001, IECC vs Il-Kummissjoni, C-449/98 P, EU:C:2001:275, punt 87, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker,C‑309/10, EU:C:2011:531, punt 31).

149

F’dan il-każ, kif tenfasizza ġustament ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata għandha, b’ittri kbar, l-annotazzjoni “Strettament kunfidenzjali” (strictly confidential), madankollu mingħajr ma jista’ jiġi immedjatament dedott minnha li, permezz ta’ din l-indikazzjoni, il-President tal-Bank ried jipprojbixxi lir-rikorrenti milli tiżvela lil membri oħra tal-persunal l-eżistenza u l-kontenut ta’ din id-deċiżjoni.

150

Biex wieħed jifhem il-portata ta’ dik l-annotazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, għandu jsir riferiment kemm għall-Artikolu 9 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank u għall-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol. F’dan ir-rigward, dan l-Artikolu 9 jipprovdi li, fir-rigward tal-persuni esterni għall-Bank, “[i]l-membri tal-persunal ma jistgħux, mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel, jirrappurtaw jew jiżvelaw informazzjoni jew dokumenti […] li jikkonċernaw il-Bank jew marbuta mal-attività ta’ dan tal-aħħar”. Il-politika tad-dinjità fix-xogħol tipprovdi min-naħa tagħha li l-“partijiet kollha involuti fl-investigazzjoni u s-seduti ta’ smigħ, inklużi l-assistenti […] u [x]-xhieda, għandhom ikunu suġġetti għall-obbligu ta’ kunfidenzjalità” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Barra minn hekk, din tipprevedi li, “[s]abiex jiġu protetti l-partijiet kollha kkonċernati, l-atti jinżammu b’mod strettament kunfidenzjali u l-informazzjoni tiġi ddivulgata biss fil-każ ta’ ħtieġa assoluta” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

151

Għaldaqstant, għandu jiġi ammess li, meta poġġa, b’ittri kbar fuq id-deċiżjoni kkontestata, il-kliem “Strettament kunfidenzjali”, il-President tal-Bank ried jipprojbixxi lir-rikorrenti, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq, li tiżvela l-eżistenza u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kemm lil persuni esterni għall-Bank kif ukoll lil membri tal-persunal l-oħra u lid-diriġenti tal-Bank. Dan jikkorrispondi barra minn hekk ma dak li jsostni, essenzjalment, il-Bank fir-risposta tiegħu.

152

F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-konstatazzjoni ma hijiex neċessarjament ikkorroborata mill-fatt li, fl-ittra tal-10 ta’ April 2017 – li kien fiha, b’ittri kbar, il-kliem “Personali u kunfidenzjali” (Personal and confidential), iżda li madankollu r-rikorrenti ma talbitx l-annullament tagħha f’dan il-każ –, ġie kkonstatat li jista’ jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti kienet kisret ir-regoli ta’ kunfidenzjalità meta bagħtet il-messaġġ elettroniku tas-6 ta’ Frar 2017, li s-suġġett tagħha kien “ta’ natura ferm kunfidenzjali billi, fost l-oħrajn, [kienet] taffettwa r-reputazzjoni professjonali ta’ membru tal-persunal tal-BEI”, lil diversi destinatarji. Fil-fatt, f’dik id-data, il-proċedura quddiem il-kumitat ta’ investigazzjoni kienet għadha għaddejja. Għalhekk, f’din id-data, ir-rikorrenti kienet marbuta bl-obbligu ta’ kunfidenzjalità previst fil-politika ta’ dinjità fix-xogħol sakemm il-proċedura ta’ investigazzjoni kienet għadha għaddejja u anki meta hija riedet tirreferi biss għas-senjalazzjoni li kienet għamlet skont il-politika ta’ senjalazzjoni.

153

Min-naħa l-oħra, il-kontenut tal-ittra tad-9 ta’ Mejju 2017 jikkonferma, min-naħa tiegħu, li permezz tal-indikazzjoni “Strettament kunfidenzjali” fid-deċiżjoni kkontestata, il-President tal-Bank kellu l-intenzjoni li jipprojbixxi lir-rikorrenti milli tiżvela l-eżistenza u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata kemm lil persuni esterni għall-Bank kif ukoll lil membri tal-persunal l-oħra u lid-diriġenti tal-Bank. Fil-fatt, fl-ittra tad-9 ta’ Mejju 2017, kien indikat lir-rikorrenti li, kif hija kienet taf, id-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ta’ dinjità fix-xogħol għandhom jiġu ttrattati b’kunfidenzjalità mill-iktar stretta u li l-ittra ta’ apoloġija tad-Direttur il-ġdid, ifformulata fl-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma kellhiex tiġi żvelata jew ippubblikata lil terzi mir-rikorrenti.

154

Għalhekk għandu jiġi ddeterminat jekk il-President tal-Bank jew id-dipartimenti tiegħu setgħux jorbtu d-deċiżjoni kkontestata u l-ittra ta’ apoloġija tad-Direttur il-ġdid b’livell ta’ kunfidenzjalità li jwassal għall-projbizzjoni fuq ir-rikorrenti li tikxef lil terzi l-eżistenza ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll il-kontenut tagħhom.

155

Fuq dan il-punt, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3(d) tal-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol jistabbilixxi li meta membru tal-persunal iressaq ilment, “dan ma jistax jiġi rtirat u [li] din il-proċedura għandha tkompli sal-aħħar”.

156

F’dan ir-rigward, l-importanza li l-investigazzjoni amministrattiva titwassal sa tmiemha hija b’mod partikolari relatata, minn naħa, mar-rikonoxximent eventwali mill-Bank, fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, li titmexxa eventwalment bl-għajnuna ta’ korp distint, bħall-kumitat ta’ investigazzjoni, tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku li jista’, fih innifsu, ikollu effett pożittiv fil-proċess terapewtiku ta’ rkupru tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal li ngħata l-fastidju u, barra minn hekk, jista’ jintuża mill-vittma għall-finijiet ta’ eventwali azzjoni ġudizzjarja nazzjonali. Min-naħa l-oħra, it-tmexxija sa tmiemha ta’ investigazzjoni amministrattiva tista’, għall-kuntrarju, tippermetti li jiġu kkonfutati l-allegazzjonijiet tal-vittma allegata, u b’dan il-mod tippermetti li jiġu rrimedjati d-danni li tali akkuża, jekk din tirriżulta li tkun infondata, setgħet ikkawżat lill-persuna kkonċernata minn proċedura ta’ investigazzjoni bħala l-persuna li allegatament tat fastidju (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punti 123124 u l-ġurisprudenza ċċitata).

157

Issa, li kieku kellu jiġi impost fuq membru tal-persunal tal-Bank vittma ta’ fastidju psikoloġiku li jibqa’ sieket dwar l-eżistenza ta’ tali fastidju, dan ikollu l-konsegwenza li, lil hinn mill-fatt li huwa ma jkunx iktar neċessarjament kapaċi jiġġustifika kull assenza eventwali għal raġunijiet ta’ mard marbut mal-imsemmi fastidju psikoloġiku, li l-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tuża l-konstatazzjonijiet magħmula mill-kumitat ta’ investigazzjoni u mill-President tal-Bank, rispettivament fir-rapport u fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ azzjoni eventwali magħmula quddiem qorti nazzjonali kontra l-persuna li tkun tatha fastidju.

158

Tali interpretazzjoni tar-regoli applikabbli għall-Bank tkun tidħol f’kunflitt mal-għan, sottostanti għall-Kodiċi ta’ Kondotta u għall-politika tad-dinjità fix-xogħol, li jiġi prekluż u ssanzjonat kwalunkwe fastidju psikoloġiku fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, anki jekk il-fastidju psikoloġiku, sa fejn jaffettwa s-saħħa u d-dinjità tal-persuna li tkun il-vittma tiegħu, jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-ħaddiem, fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

159

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tielet motiv għandu jintlaqa’ u li, għaldaqstant, fil-limiti ta’ dak li ġie kkonstatat fil-punti 115 u 142 ta’ din is-sentenza kif ukoll fil-kuntest tal-kunsiderazzjoni tat-tielet motiv, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

Fuq it-talbiet għad-danni

160

Ir-rikorrenti tressaq tliet talbiet għad-danni li għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

161

Min-naħa tiegħu, il-Bank jitlob li t-talbiet għad-danni jiġu miċħuda, billi jikkontesta l-eżistenza ta’ kwalunkwe ħtija min-naħa tiegħu.

Fuq il-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta minn prattiki ta’ fastidju kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata

162

Skont ir-rikorrenti, il-prattiki ta’ fastidju psikoloġiku tad-Direttur il-ġdid ikkawżawlha dannu li l-Bank għandu l-obbligu li jikkumpensa peress li l-aġir li n-natura ta’ fastidju psikoloġiku tiegħu ġie rrikonoxxut mill-kumitat ta’ investigazzjoni u mill-President tal-Bank kien ġie adottat fl-eżerċizzju mid-Direttur il-ġdid ta’ dmirijietu. Għalhekk, ir-rikorrenti titlob, prinċipalment, bħala kumpens tad-dannu għar-reputazzjoni tagħha u saħħitha, li huwa pprovat permezz taċ-ċertifikat mediku tal-psikjatra tagħha, kumpens fl-ammont ta’ EUR 121992, li jikkorrispondi għal sena salarju gross, jiġifieri għal nofs is-salarju li kienet tirċievi li kieku ma kinitx obbligata titlob LRP ta’ sentejn sabiex toqgħod ’il bogħod mill-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju fiż-żmien allegat.

163

Sussidjarjament, hija tqis li l-ammont tal-kumpens mitlub minħabba aġir tad-Direttur il-ġdid ma jistax ikun inqas mill-ammont tal-bonus tal-prestazzjoni li dan irċieva fl-2015 u fl-2016, snin li matulhom dan kien ta fastidju psikoloġiku lir-rikorrenti. Fil-fatt, tali metodu ta’ evalwazzjoni tad-dannu tagħha jippermetti li jiġi evitat li l-persuna kkonċernata tiġi kkumpensata mill-Bank għall-atti oġġezzjonabbli li wettaq u li ġew irrikonoxxuti bħala tali mill-kumitat ta’ investigazzjoni u mill-President tal-Bank. Sabiex tinqata’ din it-talba sussidjarja, ir-rikorrenti tistieden lill-Qorti Ġenerali tordna lill-BEI jinformaha bl-ammont ta’ dan il-bonus tal-prestazzjoni jew fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jew waqt is-seduta li madankollu din finalment ma talbitx.

164

Il-Bank jitlob li din it-talba għad-danni tiġi miċħuda, filwaqt li jirrileva li t-talba tar-rikorrenti ma hija bbażata fuq ebda element mediku kredibbli li jistabbilixxi rabta bejn il-fastidju kkonstatat u l-allegat dannu lill-istat ta’ saħħa tar-rikorrenti. Huwa jqis ukoll li segwa l-proċeduri applikabbli u li tmexxew fi żmien xieraq. B’mod partikolari, isostni li r-rikorrenti ma wrietx fhiex kienet tikkonsisti l-ħtija tal-Bank.

165

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-BEI jridu jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tiegħu, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

166

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita wkoll applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi bejn il-BEI u l-membri tal-persunal tiegħu, kawżi bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, indipendentement mis-sistema ta’ impjieg applikabbli għall-persunal tagħha, isegwu regoli partikolari u speċjali meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE. Fil-fatt, b’mod differenti minn kull individwu ieħor li jaġixxi skont dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni li huwa jiddependi minnha permezz ta’ relazzjoni ġuridika ta’ impjieg li tinvolvi ekwilibriju ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproki speċifiċi, li huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata. Dan l-ekwilibriju huwa intiż essenzjalment sabiex tiġi ppreżervata r-relazzjoni ta’ fiduċja li għandha teżisti bejn l-istituzzjonijiet u l-uffiċjali tagħhom sabiex iċ-ċittadini jiġu ggarantiti t-twettiq sew tal-missjonijiet ta’ interess ġenerali assenjati lill-istituzzjonijiet. Minn dan isegwi li, meta hija taġixxi bħala entità li timpjega, l-Unjoni hija suġġetta għal responsabbiltà addizzjonali, li timmanifesta ruħha permezz tal-obbligu li tikkumpensa d-danni kkawżati lill-persunal tagħha minn kull illegalità mwettqa fil-kapaċità tagħha bħala persuna li timpjega (sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46, mhux riveduta permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Frar 2011, “Eżami mill-ġdid”Il‑Kummissjoni vs Petrilli (C‑17/11 RX, EU:C:2011:55, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 103) u mhux biss, kif inhu l-każ għar-rikorsi ppreżentati skont l-Artikolu 268 u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għall-ksur suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

167

Barra minn hekk, jekk waħda mit-tliet kundizzjonijiet, imfakkra fil-punt 165 ta’ din is-sentenza, ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali (sentenza tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, EU:C:1999:402, punt 14).

168

Fir-rigward tad-danni allegatament imġarrba mir-rikorrenti minħabba l-aġir tad-direttur il-ġdid, għandu jiġi enfasizzat li, anki jekk dawn l-azzjonijiet twettqu minnu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li huma jistgħu jinvolvu r-responsabbiltà personali tal-persuna kkonċernata fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mir-rikorrenti quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti, anki jekk, f’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li huwa l-każ taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-regoli applikabbli għall-BEI ma jipprevedux obbligu ta’ għajnuna li jimponi li l-Bank jassisti lir-rikorrenti, b’mod partikolari finanzjarjament, f’tali riċerka ta’ kumpens u li jkun responsabbli in solidum, fejn xieraq, għad-danni kkawżati minn kwalunkwe membru tal-persunal tiegħu lil xi ħadd ieħor mill-membri tal-persunal tiegħu (ara, f’dak li jirrigwarda l-portata tad-dmir ta’ assistenza taħt l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, CH vs Il-Parlament, F‑129/12, EU:F:2013:203, punt 57).

169

Għalhekk, ir-responsabbiltà tal-Bank ma tistax tiġi stabbilita fuq il-bażi tal-aġir ta’ wieħed mill-membri tal-persunal tiegħu lejn membru tal-persunal ieħor sakemm dan l-aġir ma kienx rikjest mill-awtorità ġerarkika, liema ħaġa ma hijiex il-każ f’din il-kawża.

170

Minn dan isegwi li l-kundizzjoni dwar l-illegalità ta’ aġir tal-Bank hija nieqsa fir-rigward tad-dannu allegatament imġarrab mir-rikorrenti minħabba l-aġir li ħoloq “fastidju psikoloġiku” attribwit lid-Direttur il‑ġdid u jista’, bħala tali, jiġi rrimedjat permezz ta’ azzjoni magħmula kontra l-persuna kkonċernata quddiem qorti nazzjonali.

171

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax issostni, b’mod raġonevoli, li l-Bank kien naqas fl-implimentazzjoni tal-proċeduri interni meta, f’dan il-każ, dan mexxa l-proċedura prevista mill-politika tad-dinjità fix-xogħol sa tmiemha u meta, fid-deċiżjoni kkontestata, anki jekk ma ġibidtx il-konsegwenzi kollha li kienu meħtieġa, il-President tal-Bank irrikonoxxa l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku f’dak li jirrigwarda ċertu aġir oġġezzjonabbli tad-Direttur il-ġdid.

172

Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma ressqitx prova ta’ ħtija tal-Bank fir-rigward tad-dannu allegatament imġarrab minħabba fastidju psikoloġiku mid-Direttur il-ġdid fil-konfront tagħha.

173

Fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn il-ħtija u d-dannu allegat lanqas ma hija sodisfatta f’dan il-każ.

174

Fil-fatt, mill-proċess jirriżulta li, fl-applikazzjoni tagħha għal LRP, ir-rikorrenti kienet invokat żewġ motivi fejn f’wieħed kienet ir-rieda tagħha li żżomm ’l bogħod mid-Dipartiment inkwistjoni matul il-proċedura ta’ investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, ma jidhirx li hija talbet lill-Bank li tiġi temporanjament assenjata f’dipartiment ieħor tal-inqas fl-istess funzjonijiet, anki jekk hija kienet lesta, fuq bażi ta’ ftehim bonarju, li taċċetta promozzjoni għal impjieg tal-grupp ta’ dmirijiet tal-kapijiet ta’ diviżjoni f’dipartiment ieħor.

175

Għalhekk, fid-dawl tal-fatt li l-amministrazzjoni ma laqgħetx it-talba tagħha ħlief għall-motiv l-ieħor, jiġifieri dak li twaqqaf l-impriża tagħha jew li tingħaqad ma’ impriża oħra, jidher li n-nuqqas ta’ dħul mill-Bank matul perijodu ta’ sentejn, kif ukoll id-dannu morali tagħha f’dan ir-rigward, huma l-konsegwenza tal-għażla tagħha li tieħu l-LRP.

176

Minn dak li ntqal jirriżulta li, mingħajr ma hemm bżonn li wieħed jistaqsi fuq ir-rilevanza tal-informazzjoni mitluba mir-rikorrenti dwar l-ammont tal-bonus ta’ prestazzjoni li rċieva d-Direttur il-ġdid, it-talbiet għad-danni sabiex jingħata kumpens għad-dannu morali li jirriżulta mill-prattiki ta’ fastidju kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-kumpens għad-dannu morali separabbli mill-illegalitajiet li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata

177

Ir-rikorrenti ssostni li hija sofriet dannu morali, separabbli mill-illegalitajiet li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata u li ma jistax jiġi kkumpensat totalment b’sempliċi annullament ta’ dik id-deċiżjoni.

178

Dan id-dannu morali li hija tistma ex aequo et bono fl-ammont ta’ EUR 25000 jirriżulta, l-ewwel nett, mill-għażla tal-kumitat ta’ investigazzjoni u l-President tal-Bank li ma ssirx investigazzjoni tal-prattiki oġġezzjonabbli kollha li d-Direttur il-ġdid kien allegatament l-awtur tagħhom u li kienu ġew invokati minn erba’ membri oħra tad-dipartiment inkwistjoni; it-tieni nett, min-nuqqas ta’ miżuri meħuda mill-Bank biex jistabbilixxi mill-ġdid ir-reputazzjoni professjonali tar-rikorrenti u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni matul il-proċedura prekontenzjuża u kontenzjuża li ma tiżvela lil ħadd fi ħdan il-Bank li hija kienet vittma ta’ fastidju psikoloġiku; it-tielet nett, mis-sentiment ta’ inġustizzja u turmenti li hija affaċċjat minħabba l-fatt li, sabiex id-drittijiet tagħha jiġu rrikonoxxuti, hija ġiet imġiegħla tagħmel dawn il-proċeduri, inkluż dik ta’ konċiljazzjoni u, ir-raba’ nett, minħabba l-fatt li d-Direttur il-ġdid kien skuża ruħu biss tardivament. Hija ssemmi wkoll in-nuqqas ta’ propensità tal-Bank li jsolvi t-tilwima b’mod amikevoli, peress li dan tal-aħħar ma aċċettax li joffrilha post bħala kap ta’ diviżjoni f’dipartiment ieħor, u lanqas kumpens.

179

Il-Bank jikkontesta l-eżistenza ta’ dannu morali separabbli mill-allegati illegalitajiet li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata, billi jenfasizza, b’mod partikolari, li huwa ma kellux l-obbligu li jagħmel proċedura ta’ investigazzjoni dwar l-erba’ persuni msemmija mir-rikorrenti bħala li kienu vittmi ta’ fastidju psikoloġiku, peress li dawn il-persuni ma kinux ressqu lment f’dan is-sens u peress li r-rikorrenti ma kellha ebda interess ġuridiku favur terzi. Barra minn hekk, fid-dawl tal-livell ta’ preċiżjoni u ta’ kompletezza tal-ilment tar-rikorrenti, il-kumitat ta’ investigazzjoni ma kellux l-obbligu li jinvestiga lil hinn mill-fatti allegati. Fir-rigward tar-reputazzjoni tar-rikorrenti u tal-obbligu li sarilha biex tinżamm il-kunfidenzjalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bank ma jarax kif ir-rikorrenti ġarrbet dannu morali, b’mod partikolari peress li l-Bank għandu dritt li juża rimedji interni jew esterni fil-każ ta’ ksur mill-membri tal-persunal tiegħu jew minn partijiet terzi ta’ regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli fi ħdanu. Dwar in-nuqqas ta’ proposta ta’ pożizzjoni ġdida, il-Bank ifakkar li r-rikorrenti kienet f’LRP u li hija ma kellhiex għalhekk l-intenzjoni li tkompli x-xogħol fi żmien qasir, liema ħaġa tiġġustifika li ma kienet saritilha l-ebda offerta ta’ impjieg ieħor.

180

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-annullament ta’ att ivvizzjat b’illegalità, bħad-deċiżjoni kkontestata, jikkostitwixxi, fih innifsu, kumpens adegwat u, bħala prinċipju, suffiċjenti għal kull dannu morali li dan l-att seta’ kkawża. Madankollu, dan ma jistax ikun il-każ meta r-rikorrenti turi li tkun ġarrbet dannu morali li jkun jista’ jiġi sseparat mill-illegalità li fuqha jkun ibbażat l-annullament u li ma jkunx jista’ jiġi kkumpensat totalment b’dan l-annullament (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-31 ta’ Marzu 2004, Girardot vs Il-Kummissjoni, T‑10/02, EU:T:2004:94, punt 131; tad-19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il-Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 80, u tas-16 ta’ Mejju 2017, CW vs Il-Parlament, T‑742/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:338, punt 64).

181

F’dan il-każ, fir-rigward tal-għażla tal-kumitat ta’ investigazzjoni u tal-President tal-Bank li ma jagħmlux tali investigazzjoni ta’ prattiki oġġezzjonabbli li allegatament kien l-awtur tagħhom id-Direttur il-ġdid u li ġew invokati minn erba’ membri oħra tad-dipartiment inkwistjoni, għandu jitfakkar li l-President tal-Bank għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-determinazzjoni tal-miżuri meħtieġa fil-każ ta’ fastidju psikoloġiku pprovat.

182

B’hekk, anki jekk, fost il-miżuri espressament imsemmija fil-proċedura ta’ investigazzjoni fil-qasam tal-politika ta’ dinjità fix-xogħol, it-“tnedija ta’ investigazzjonijiet addizzjonali f’diviżjoni ta’ xogħol jew ta’ dipartiment speċifiku”, ma jistax jiġi aċċettat, fid-dawl tal-aġir ta’ fastidju identifikat f’dan l-istadju fid-deċiżjoni kkontestata u bla ħsara għall-eżami mill-ġdid tal-każ wara l-għoti ta’ din is-sentenza, li l-President tal-Bank, f’dan il-każ, mar lil hinn mil-limiti tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta ma ddeċidiex, f’dan l-istadju, li jestendi l-investigazzjoni għal aġir tad-Direttur il-ġdid fir-rigward ta’ persuni oħra minbarra r-rikorrenti.

183

Fir-rigward tal-projbizzjoni li kienet saret lir-rikorrenti milli tiżvela l-eżistenza u l-kontenut, minn naħa, tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, tal-ittra ta’ apoloġija tad-Direttur il-ġdid, għandu jiġi kkonstatat li, anki jekk, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ir-rikorrenti kienet marbuta b’obbligu ta’ kunfidenzjalità, li jimplika l-obbligu ta’ moderazzjoni u prudenza meta tintbagħat il-posta elettronika lil diversi destinatarji mhux direttament involuti fil-proċedura ta’ investigazzjoni jew ta’ senjalazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-Bank ma setax jobbligaha, ladarba l-proċedura ta’ investigazzjoni tkun ingħalqet, li tibqa’ siekta dwar il-fastidju psikoloġiku, meta l-President tal-Bank kien madankollu, huwa stess, irrikonoxxa li hija kienet il-vittma.

184

Din l-illegalità, li taffettwa d-deċiżjoni kkontestata, imponiet perjodu ta’ silenzju mhux dovut fuq ir-rikorrenti, b’mod li projbizzjoni bħal din ta’ komunikazzjoni dwar dan is-suġġett ikkawżatilha dannu morali li ma jistax jiġi kompletament irrimedjat permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Frar 1990, Culin vs Il-Kummissjoni, C‑343/87, EU:C:1990:49, punt 28).

185

Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ tendenza tal-Bank li jsolvi t-tilwima amikevolment, għandu jiġi kkonstatat li, indipendentement mill-eżistenza ta’ proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-vittma ta’ fastidju psikoloġiku ma tistax tkun intitolata li titlob lil istituzzjoni li dan il-fastidju psikoloġiku pprojbit mid-dispożizzjonijiet applikabbli fi ħdan il-Bank jiġi kkumpensat bl-għoti ta’ pożizzjoni partikolari, u lanqas, b’mod partikolari, ta’ impjieg bħal dak ta’ kap ta’ diviżjoni li jiġi pprovdut permezz ta’ proċedura ta’ għażla skont il-merti tal-kandidati u miftuħa għall-uffiċjali kollha ta’ din l-istituzzjoni. Bl-istess mod, anki jekk, għal raġunijiet ta’ paċifikazzjoni, huwa jista’ jikkunsidra tali approċċ, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni, il-Bank ma kienx ikun obbligat f’dan il-każ li joffri lir-rikorrenti kumpens sabiex isolvi t-tilwima bejnha u d-Direttur il-ġdid.

186

Fir-rigward tal-ittra ta’ apoloġija, mibgħuta lir-rikorrenti fid-9 ta’ Mejju 2018, jiġifieri inqas minn xahrejn wara d-deċiżjoni kkontestata, din ċertament setgħet saret u ntbagħtet iktar malajr. Madankollu, tali dewmien jibqa’ relattiv u ma jiġġustifikax konstatazzjoni ta’ ħtija, fil-konfront tal-Bank, li tista’ tagħti lok għar-responsabbiltà tiegħu.

187

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tqis li ssir evalwazzjoni ġusta tad-dannu morali mġarrab mir-rikorrenti, u li ma jistax jiġi kompletament irrimedjat permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, billi jiġi ffissat, ex aequo et bono, l-ammont ta’ EUR 10000.

Fuq il-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta minn nuqqasijiet allegatament imwettqa mill-kap tad-dipartiment tal-persunal

188

Skont ir-rikorrenti, permezz tal-ittra tiegħu tal-10 ta’ April 2017, il-kap tad-dipartiment tal-persunal wettaq żewġ żbalji separati li kkawżaw dannu li din qed titlob kumpens għalih. L-ewwel nett, il-kliem ta’ din l-ittra juri ksur tal-Artikolu 2 tat-“Termini ta’ referenza” tad-direttur ġenerali tal-konformità, li huwa mistenni li jwettaq l-investigazzjonijiet tiegħu b’mod indipendenti mid-direttorati ġenerali u mid-dipartimenti tal-Bank l-oħra. Fil-fatt, dawn juru, minn naħa, li l-kap tad-dipartiment tal-persunal kien jaf dwar l-istat tal-progress u tal-passi meħuda fil-kuntest tal-proċedura ta’ senjalazzjoni, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-kap tad-dipartiment tal-persunal kien assuma għalih il-prerogattivi tal-President u tal-Viċi Presidenti tal-Bank fis-superviżjoni tad-disfunzjonijiet manifesti tal-proċedura ta’ rapportar.

189

It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li l-kap tad-dipartiment tal-persunal, primarjament, hedded ritaljazzjoni jew wettaq att ta’ intimidazzjoni kontra l-avukat tagħha u kontriha stess fis-sens tal-fuljett dwar id-dinjità fuq ix-xogħol u l-politika ta’ senjalazzjoni, li jistgħu jiskoraġġixxuha, bħala vittma ta’ fastidju psikoloġiku, milli teżerċita d-drittijiet tagħha, b’mod partikolari kontra l-persuna li tatha l-fastidju. Sussidjarjament, ir-rikorrenti tara, fil-kliem tal-kap tad-dipartiment tal-persunal li jinsab fl-ittra tal-10 ta’ April 2017, ksur tad-dmir ta’ diliġenza u ta’ premura tal-Bank, liema ksur kien jirriżulta mir-riċerka mill-kap tad-dipartiment tal-persunal ta’ mezzi ta’ azzjoni kontra r-rikorrenti u l-avukat tagħha. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li l-affermazzjonijiet li jinsabu f’din l-ittra dwar ksur potenzjali minnha tal-obbligi tagħha taħt il-kunfidenzjalità tal-proċedura ta’ investigazzjoni ma huma bl-ebda mod issostanzjati u fir-realtà huma mingħajr bażi. B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma tara ebda raġuni għalfejn l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tagħha tas-6 ta’ Frar 2017 għandha tkun kunfidenzjali fir-rigward tal-President u tal-Viċi Presidenti tal-Bank, kif ukoll ebda ħsara potenzjali għar-reputazzjoni tad-Direttur il-ġdid, peress li dan kien instab ħati ta’ aġir li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku fil-konfront tar-rikorrenti.

190

Peress li qieset li l-aġir tal-kap tad-dipartiment tal-persunal ħalliha fi stat ta’ inċertezza u ta’ inkwiet serju li kkontribwixxa għal telf ta’ fiduċja fl-imparzjalità tal-Bank, fejn il-persuni responsabbli wrew b’hekk li pprovaw jipproteġu akkost ta’ kollox ir-reputazzjoni tad-Direttur il-ġdid minflok ma assistewha biex terġa’ tistabbilixxi r-reputazzjoni professjonali tagħha stess bħala vittma ta’ fastidju psikoloġiku, hija titlob ammont minimu ta’ EUR 25000 bħala kumpens għad-dannu morali li hija allegatament ġarrbet minħabba dan.

191

Il-Bank jinvoka, prinċipalment, l-inammissibbiltà tat-talbiet għad-danni relattivi għall-ittra tal-10 ta’ April 2017, sa fejn din l-ittra, dwar il-proċedura ta’ senjalazzjoni, separata mill-proċedura ta’ investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma timponi ebda obbligu ta’ kunfidenzjalità fir-rigward ta’ din l-aħħar deċiżjoni. Hija għaldaqstant ma tikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat u ma tirriflettix l-eżistenza ta’ nuqqas amministrattiv li jista’ jagħti lok għal kumpens. Għalhekk, it-talba għal kumpens fuq dan il-punt hija prematura u, f’kull każ, il-Bank isostni, sussidjarjament, li hija infondata.

192

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tfakkar, qabel kollox, li, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni l-Bank, il-fatt li l-ittra tal-10 ta’ April 2017 ma tikkostitwixxix att li jikkawża preġudizzju ma jistax iwassal għall-inammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet għad-danni, sakemm huwa stabbilit li r-rikorrenti takkuża lill-BEI b’aġir li jista’ jagħti lok għar-responsabbiltà tagħha u li, barra minn hekk, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, dawn it-talbiet ma jiddependux fuq it-tressiq ta’ talbiet għal annullament ta’ din l-ittra, u lanqas fuq l-ammissibbiltà ta’ tali talbiet għal annullament.

193

Imbagħad, il-Qorti Ġenerali tqis li, f’kull każ, dawn it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda fil-mertu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi ddeterminat jekk dawn, koperti mit-tieni talba għal konċiljazzjoni mressqa mir-rikorrenti fl-14 ta’ Ġunju 2017, josservawx l-obbligu msemmi fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal li t-tilwima tiġi sottomessa għal proċedura ta’ konċiljazzjoni qabel id-data tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, jiġifieri fil-15 ta’ Ġunju 2017.

194

Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-ewwel tliet paragrafi tal-ittra tal-10 ta’ April 2017, iffirmata mill-kap tad-dipartiment tal-persunal u mid-direttur tad-dipartiment tar-relazzjonijiet soċjali u tad-dipartimenti amministrattivi, huma fformulati f’termini ġenerali intiżi biex lir-rikorrenti jiġikkonfermat li l-proċedura ta’ senjalazzjoni kienet għadha għaddejja u li d-dipartimenti tal-Bank kienu għamlu l-almu tagħhom biex jikkonformaw ruħhom mad-dispożizzjonijiet applikabbli fi ħdanu.

195

Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, dawn it-termini ġenerali ma jippermettux li jinżamm responsabbli l-kap tad-dipartiment tal-persunal bi ksur tal-indipendenza tad-direttur ġenerali tal-konformità fl-ipproċessar tas-senjalazzjoni magħmula mir-rikorrenti skont il-politika ta’ senjalazzjoni, u lanqas li jiġi dedott li dan il-kap tad-dipartiment tal-persunal kien jaf bid-dettalji dwar il-progress u l-miżuri meħuda fil-kuntest tal-proċedura ta’ senjalazzjoni, u lanqas li dan użurpa l-prerogattivi tal-President u tal-Viċi Presidenti tal-Bank fis-superviżjoni ta’ kwalunkwe disfunzjonijiet eventwali manifesti tal-proċedura ta’ senjalazzjoni.

196

Fir-rigward tal-fatt li l-kap tad-dipartiment tal-persunal kien informaha dwar il-fatt li l-Bank irriżerva d-dritt li jeżamina l-possibbilitajiet legali li jiddefendi l-interessi tiegħu, inklużi dawk dwar l-osservanza tar-regoli ta’ kunfidenzjalità applikabbli fi ħdanu, għandu jiġi rrilevat li, meta r-rikorrenti bagħtet il-messaġġ elettroniku tagħha tas-6 ta’ Frar 2017 lil diversi destinatarji, il-proċedura ta’ investigazzjoni mibdija wara l-ilment tagħha kienet għaddejja, b’mod li r-rikorrenti kienet marbuta b’obbligu ta’ kunfidenzjalità, anki meta kellha l-intenzjoni li tqajjem is-senjalazzjoni liema proċedura hija, qabel kollox, ukoll suġġetta għal sistema ta’ kunfidenzjalità.

197

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk, iktar tard, il-President tal-Bank iddikjara li l-ilment tar-rikorrenti kien parzjalment fondat u li, għalhekk, meta ntbagħat dan il-messaġġ elettroniku din ma setgħetx taffettwa b’mod inġust ir-reputazzjoni professjonali tad-Direttur il-ġdid, il-kap tad-dipartiment tal-persunal madankollu seta’ b’mod leġittimu jiġbed l-attenzjoni tar-rikorrenti u tal-avukat tagħha dwar il-fatt li l-istatus ta’ min jagħmel l-ilment fi proċedura ta’ investigazzjoni dwar fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku jew ta’ awtur ta’ senjalazzjoni ta’ aġir li jikser il-Kodiċi ta’ Kondotta ma kienx jippermettilu jeħles mill-obbligi ta’ kunfidenzjalità applikabbli, mingħajr distinzjoni u sabiex tiġi ppreżervata minn kull ħsara bla bżonn ir-reputazzjoni professjonali tal-protagonisti kollha, kemm tal-vittma allegata kif ukoll tax-xhieda u tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju, u dan matul il-proċedura ta’ investigazzjoni kollha.

198

Fl-aħħar nett, il-kontenut tal-ittra tal-10 ta’ April 2017 lanqas ma jippermetti li tiġi dedotta l-parzjalità tal-Bank jew tad-dipartimenti fl-ipproċessar, li kien għadu għaddej fid-data tal-preżentata tar-rikors, tas-senjalazzjoni tar-rikorrenti.

199

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandhom jintlaqgħu parzjalment it-talbiet għal annullament u jintlaqgħu parzjalment it-talbiet għall-kumpens billi l-Bank jiġi kkundannat iħallas lir-rikorrenti, għad-dannu morali mġarrab, ammont ta’ EUR 10000.

Fuq l-ispejjeż

200

Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher iġġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

201

Fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, sa fejn it-talbiet għal annullament essenzjalment ġew milqugħa u, billi ma indikax lill-membru tiegħu fil-kumitat ta’ konċiljazzjoni fit-terminu ta’ ġimgħa msemmi fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Bank ġiegħel lir-rikorrenti teżerċita d-dritt għal rimedju tagħha biex issostni b’mod effettiv id-drittijiet tagħha fir-rigward tal-imsemmija talbiet, jidher xieraq li jiġi deċiż li l-Bank għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u għandu jiġi kkundannat ibati nofs l-ispejjeż tar-rikorrenti.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tal-20 ta’ Marzu 2017 hija parzjalment annullata sa fejn tapplika definizzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ “fastidju psikoloġiku”, sa fejn ma tipprovdi ebda segwitu dixxiplinari immedjat għall-każ ipprovat ta’ fastidju morali fi ħdan il-BEI u sa fejn timponi obbligu ta’ kunfidenzjalità fuq id-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni kuntrarjament għall-għanijiet ta’ proċedura ta’ investigazzjoni dwar allegat każ ta’ fastidju psikoloġiku.

 

2)

Il-bqija tat-talbiet għal annullament huma miċħuda.

 

3)

Il-BEI huwa kkundannat iħallas lil SQ, għad-dannu morali li ġarrbet, l-ammont ta’ EUR 10000.

 

4)

Il-bqija tat-talbiet għal kumpens huma miċħuda.

 

5)

Il-BEI għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u għandu jħallas nofs l-ispejjeż imġarrba minn SQ.

 

6)

SQ għandha tħallas nofs l-ispejjeż tagħha stess.

 

Pelikánová

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Lulju 2018.

Firem

Werrej

 

Il-kuntest ġuridiku

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Fuq l-ilment dwar fastidju psikoloġiku u s-senjalazzjoni

 

Fuq il-proċedura ta’ investigazzjoni

 

Fuq ir-rapport tal-investigazzjoni

 

Fuq id-deċiżjoni kkontestata u l-miżuri għall-implimentazzjoni tagħha

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Fid-dritt

 

Rimarki preliminari dwar is-sistema ta’ impjieg fi ħdan il-Bank u fuq l-osservanza tal-proċedura prekontenzjuża għar-rikorsi li jolqtu l-Bank

 

Fuq it-talbiet għall-annullament parzjali tad-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fid-deskrizzjoni tal-aġir ikkontestat

 

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv

 

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi marbut mal-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra d-Direttur il-ġdid

 

– Dwar miżuri li jistgħu, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli għall BEI, jiġu rrakkomandati mill-kumitat ta’ investigazzjoni u sussegwentement adottati mill-President tal-Bank fil-każ ipprovat ta’ fastidju psikoloġiku

 

– Fuq in-natura u s-suffiċjenza tal-miżuri adottati fil-każ ta’ fastidju psikoloġiku pprovat

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-obbligu tar-rikorrenti, fil-kapaċità tagħha ta’ vittma, li żżomm id-deċiżjoni kkontestata kunfidenzjali

 

Fuq it-talbiet għad-danni

 

Fuq il-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta minn prattiki ta’ fastidju kkonstatati fid-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq il-kumpens għad-dannu morali separabbli mill-illegalitajiet li jaffettwaw id-deċiżjoni kkontestata

 

Fuq il-kumpens għad-dannu morali li jirriżulta minn nuqqasijiet allegatament imwettqa mill-kap tad-dipartiment tal-persunal

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

( 1 ) Data kunfidenzjali moħbija.