Kawża T‑324/17

SAS Cargo Group A/S et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla Estiża) tat-30 ta’ Marzu 2022

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera fuq it-trasport bl-ajru – Koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezzijiet tas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (sovrataxxa għall-karburant, sovrataxxa għas-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-sovrataxxi) – Skambju ta’ informazzjoni – Kompetenza territorjali tal-Kummissjoni – Drittijiet tad-difiża – Opportunitajiet ugwali għall-partijiet – Artikolu 266 TFUE – Restrizzjoni statali – Ksur uniku u kontinwu – Ammont tal-multa – Valur tal-bejgħ – Gravità tal-ksur – Tul tal-parteċipazzjoni fil-ksur – Ċirkustanzi attenwanti – Parteċipazzjoni sostanzjalment ridotta – Ċirkustanzi aggravanti – Reċidiva – Ġurisdizzjoni sħiħa”

  1. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl – Portata – Komunikazzjoni tat-tweġibiet għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Rifjut ta’ komunikazzjoni ta’ dokument – Konsegwenzi – Neċessità li ssir, fuq il-livell tal-oneru tal-prova li taqa’ fuq l-impriża kkonċernata, distinzjoni bejn id-dokumenti li huma prova kontra u dawk li jiskaġunaw

    (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

    (ara l-punti 90-102)

  2. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Aċċess għall-fajl – Portata – Rifjut li jiġi kkomunikat dokument li huwa prova kontra – Prova tal-ksur li tista’ tiġi ppreżentata b’referenza għal provi dokumentarji oħra kkomunikati lill-partijiet – Assenza ta’ ksur tad-drittijiet tad-difiża

    (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

    (ara l-punti 96, 124, 550)

  3. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet – Kontenut neċessarju – Indikazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-kriterju tal-effetti kkwalifikati fil-preżenza ta’ aġiri implimentati f’pajjiżi terzi – Esklużjoni

    (Artikolu 101(1) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 27(2))

    (ara l-punti 135 sa 147)

  4. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni territorjali – Kompetenza tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku – Implimentazzjoni jew effetti kkwalifikati bħala prattiki abbużivi fiż-ŻEE – Rimedji alternattivi – Kriterju ta’ effett immedjat, sostanzjali u prevedibbli – Portata fil-preżenza ta’ aġir li għandu bħala suġġett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53)

    (ara l-punti 129, 130, 163 sa 171, 177 sa 181, 183 sa 189, 195, 197, 201, 202 sa 206, 217 sa 222, 228 sa 231)

  5. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Identifikazzjoni tal-ksur sanzjonat – Rekwiżiti li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Ċarezza u preċiżjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni – Evalwazzjoni – Preeminenza tal-formulazzjoni tad-dispożittiv fuq il-motivi

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8 u 11(2); Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

    (ara l-punti 242, 243, 247 sa 252)

  6. Akkordji – Projbizzjoni – Ksur – Ftehimiet u prattiki miftiehma li jikkostitwixxu ksur uniku – Kunċett – Prattiki u aġiri li jikkostitwixxu ksur li jagħmlu parti minn pjan ġenerali li jipprevedi għan uniku – Evalwazzjoni – Kriterji – Identiċità tal-għan u tas-suġġetti – Indizji rilevanti

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8)

    (ara l-punti 296 sa 299, 315, 347)

  7. Akkordji – Delimitazzjoni tas-suq – Suġġett – Evalwazzjoni tal-effett tal-akkordju fuq il-kompetizzjoni u fuq il-kummerċ bejn Stati Membri – Konsegwenzi fir-rigward tal-portata tal-obbligu li jinsab fuq il-Kummissjoni f’dan ir-rigward

    (Artikolu 101(1) TFUE)

    (ara l-punti 306 sa 312)

  8. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Indizji prodotti mill-Kummissjoni – Kuntatti bejn impriżi ta’ trasport tal-ajru membri ta’ alleanza – Obbligi probatorji tal-impriżi li jikkontestaw in-natura illegali ta’ dawn il-kuntatti fir-rigward ta’ eżenzjonijiet li jibbenefikaw minn din l-alleanza

    (Artikolu 101(1) u (3) TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 3975/87, Artikolu 2(1))

    (ara l-punti 354, 364 sa 366, 369 sa 377, 425 sa 427)

  9. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Ksur uniku u kontinwu – Għarfien jew prevedibbiltà tal-pjan globali tal-akkordju u tal-elementi prinċipali tiegħu – Sensiela ta’ indizji

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

    (ara l-punti 459 sa 461, 652 sa 658, 669 sa 687, 698 sa 712)

  10. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Aġir impost minn miżuri statali – Esklużjoni – Portata – Restrizzjonijiet Statali eżerċitati minn pajjiż terz – Assenza ta’ effett – Ammissibbiltà fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku

    (Artikolu 101 u 102 TFUE)

    (ara l-punti 499 sa 503)

  11. Kompetizzjoni – Regoli tal-Unjoni – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae – Aġir impost minn miżuri statali – Esklużjoni – Kundizzjonijiet – Eżistenza ta’ restrizzjonijiet statali li jistgħu jeskludu kull aġir awtonomu tal-impriżi – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq l-impriża li tipprevalixxi ruħha – Portata

    (Artikolu 101 u 102 TFUE)

    (ara l-punti 509 sa 513, 532, 549, 562)

  12. Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Modalità ta’ prova – Użu ta’ sensiela ta’ indizji – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ elementi stabbiliti barra mill-perijodu tal-ksur – Ammissibbiltà – Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja fir-rigward tal-indizji kkunsidrati individwalment

    (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 2)

    (ara l-punti 588 sa 594)

  13. Rikors għal annullament – Sentenza ta’ annullament – Portata – Annullament parzjali ta’ att tad-dritt tal-Unjoni – Annullament parzjali ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikklassifika aġir antikompetittiv differenti bħala ksur uniku u kontinwu u li timponi multa – Insuffiċjenza ta’ elementi kkunsidrati sabiex tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni tal-impriżi inkriminati f’wieħed mill-komponenti tal-ksur uniku u kontinwat – Assenza ta’ effett fuq il-legalità tal-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni ta’ dawn l-impriżi fil-ksur globali

    (Artikoli 101, 263 u 264 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

    (ara l-punti 728, 907, 908)

  14. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Teħid inkunsiderazzjoni biss tal-valur tal-bejgħ imwettaq b’relazzjoni diretta jew indiretta mal-ksur fis-settur ġeografiku kkonċernat – Bejgħ imwettaq ġewwa t-territorju taż-Żona Ekonomika Ewropea – Akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru – Teħid inkunsiderazzjoni tal-valur tal-bejgħ ta’ servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija deħlin – Ammissibbiltà

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 13)

    (ara l-punti 763 sa 766, 771, 779 sa 789)

  15. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Determinazzjoni tal-valur tal-bejgħ – Bejgħ imwettaq b’rabta diretta jew indiretta mal-ksur – Akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru – Akkordju dwar diversi elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija – Teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont sħiħ ta’ bejgħ marbut mas-servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija – Ammissibbiltà

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 6 u 13)

    (ara l-punti 809 sa 816)

  16. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Gravità tal-ksur – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Natura tal-ksur – Akkordju orizzontali fil-qasam tal-prezzijiet – Gravità inerenti għal tali ksur li jiġġustifika l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ gravità għoli

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punti 19 sa 23)

    (ara l-punti 833 sa 840)

  17. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Ċirkustanzi aggravanti – Reċidiva – Kunċett – Xebh tal-ksur – Għażla tal-koeffiċjent ta’ żieda – Teħid inkunsiderazzjoni tas-sovrapożizzjoni parzjali tal-perijodi ta’ ksur – Ammissibbiltà

    (Artikolu 101 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 28)

    (ara l-punti 871 sa 881)

  18. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Aġġustament tal-ammont bażiku – Ċirkustanzi attenwanti – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-Kummissjoni sabiex twettaq evalwazzjoni globali – Kriterju tal-parteċipazzjoni sostanzjalment imnaqqsa – Fatturi ta’ evalwazzjoni

    (Artikolu 101 TFUE; Ftehim ŻEE, Artikolu 53; Ftehim KE-Svizzera dwar it-trasport bl-ajru, Artikolu 8; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, punt 29)

    (ara l-punti 888, 889, 899 sa 901)

  19. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa tal-qorti tal-Unjoni – Portata – Limitu – Osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Teħid inkunsiderazzjoni tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi

    (Artikolu 261 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 31; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 2006/C 210/02)

    (ara l-punti 919 sa 925)

Sunt

Ir-rikorrenti, SAS Cargo Group A/S (iktar ’il quddiem “SAS Cargo”), Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden (iktar ’il quddiem “SAS Consortium”) u SAS AB (iktar ’il quddiem “SAS”), huma attivi fis-suq tas-servizzi ta’ ġarr ta’ merkanzija bl-ajru.

Huma fost 19-il destinatarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, dwar proċedimenti ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera fuq it-trasport bl-ajru (Każ AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li permezz tiegħu l-impriżi inkwistjoni kienu kkoordinaw, matul il-perijodi bejn l-1999 u l-2006, l-aġir tagħhom fil-qasam tat-tariffi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fid-dinja kollha. Hija imponiet fuq l-appellanti multi ( 1 ) għall-parteċipazzjoni tagħhom f’dan il-ksur.

Fis-7 ta’ Diċembru 2005, il-Kummissjoni rċeviet, skont l-Avviż dwar il-klemenza tal-2002 ( 2 ), talba għal immunità mressqa minn Lufthansa u tnejn mis-sussidjarji tagħha. Din it-talba kienet issemmi l-eżistenza ta’ kuntatti antikompetittivi bejn diversi impriżi li joperaw fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bl-ajru (iktar ’il quddiem “it-trasportaturi”), rigward diversi elementi kostituttivi tal-prezz tas-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ dan is-suq, jiġifieri l-istabbiliment ta’ sovrataxxi fuq il-“karburant” u “is-sigurtà”, kif ukoll, essenzjalment, ir-rifjut ta’ dawn it-trasportaturi li jħallsu kummissjoni fuq dawn is-sovrataxxi. Il-provi miġbura mill-Kummissjoni u l-investigazzjonijiet tagħha wassluha sabiex, fid-19 ta’ Diċembru 2007, tibgħat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lil 27 trasportatur, u sussegwentement sabiex tadotta, fid-9 ta’ Novembru 2010, fil-konfront ta’ 21 trasportatur, fosthom ir-rikorrenti, deċiżjoni inizjali ( 3 ). Madankollu, din ġiet annullata mill-Qorti Ġenerali, b’sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2015 ( 4 ), fil-limitu tat-talbiet għal annullament rispettivi għal dan il-għan, minħabba kontradizzjonijiet li jivvizzjaw il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali tilqa’ parzjalment it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti. Għalkemm, permezz ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali tivvalida, fil-prinċipju tagħha, l-analiżi segwita mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu li jaffettwa lil diversi tipi ta’ rotot tal-ajru, hija madankollu tqis li ma humiex issostanzjati biżżejjed diversi elementi relatati mal-portata preċiża tar-responsabbiltà imputata lill-appellanti minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-komponenti differenti ta’ dan il-ksur. Barra minn hekk, din is-sentenza tippermetti lill-Qorti Ġenerali tagħmel preċiżazzjonijiet, b’mod partikolari dwar il-portata tal-kompetenza tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE fil-preżenza ta’ aġir antikompetittiv adottat f’pajjiżi terzi, kif ukoll dwar il-portata tar-rekwiżit ta’ rispett tad-dritt għal smigħ fil-qasam tal-aċċess għall-elementi pprovduti mill-impriżi b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, id-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni b’mod żbaljat irrifjutat lir-rikorrenti l-aċċess għal siltiet differenti mir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, sa fejn dawn huma provi inkriminanti. Madankollu, tali irregolarità tista’ twassal għall-annullament ta’ att biss jekk jiġi stabbilit li r-riżultat li waslet għalih il-Kummissjoni seta’ kien differenti fl-assenza tal-elementi inkriminanti inkwistjoni. Huwa fil-kuntest tal-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur inkwistjoni li l-Qorti Ġenerali tqis li hija għandha, jekk ikun il-każ, tislet il-konsegwenzi ta’ dan in-nuqqas ta’ żvelar.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina żewġ ilmenti li jirrigwardaw id-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tar-regoli tal-Unjoni, fid-dawl tal-portata ġeografika tal-ksur kontenzjuż. B’hekk, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li huwa mingħajr ma eċċediet il-limiti tal-kompetenza territorjali tagħha li l-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li jaffettwa t-titjiriet fuq ir-rotot tal-ajru msejħa “deħlin”, mifhuma bħala r-rotot li jitilqu minn ajruporti li jinsabu f’pajjiżi terzi u b’destinazzjoni ta’ dawk li jinsabu fl-Istati Membri tal-Unjoni jew tal-Istati l-oħra li huma partijiet fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) li ma humiex membri tal-Unjoni, fil-limiti ratione temporis stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, din tfakkar li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tikkonstata u tissanzjona aġir adottat barra mit-territorju tal-Unjoni jew taż-ŻEE, sa fejn dan ikun ġie implimentat f’dan it-territorju jew meta jkun prevedibbli li dan jipproduċi effett immedjat u sostanzjali. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kellha raġun tirrikonoxxi li hija kompetenti fir-rigward tal-effetti kklassifikati tal-ksur kontenzjuż. B’mod iktar partikolari, il-ħsara inerenti għal ftehim jew għal prattika orizzontali fil-qasam tal-prezz, bħall-ksur kontenzjuż, li minnu tirriżulta l-klassifikazzjoni tiegħu bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba “għan”, kienet teżentaha milli tfittex l-effetti konkreti fi ħdan iż-ŻEE. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni setgħet taċċetta n-natura prevedibbli, immedjata u sostanzjali tal-effetti tal-aġir kontenzjuż fi ħdan iż-ŻEE, li tirriżulta mir-riperkussjoni, li l-funzjonament normali tas-suq jippermetti li jiġi raġonevolment mistenni, mill-burdnara mitluba jħallsu l-ispiża miżjuda tas-servizzi tat-trasport bl-ajru fuq ir-rotot ikkonċernati, tal-ispiża addizzjonali korrispondenti fuq l-ispedituri. Din ir-riperkussjoni tista’ hija stess tikkontribwixxi għal żieda fil-prezz tal-merkanzija importata fiż-ŻEE. Bl-istess mod, il-Qorti Ġenerali tqis li huwa wkoll għalxejn li r-rikorrenti jsostnu nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni sabiex tikkonstata u tissanzjona ksur tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE fuq ir-rotot bejn l-Isvizzera, minn naħa, u n-Norveġja u l-Islanda min-naħa l-oħra. Fil-fatt, dan il-motiv ma huwiex fondat, peress li mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkonstatat ebda ksur ta’ din id-dispożizzjoni fuq l-imsemmija rotot.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-analiżi segwita mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur kontenzjuż, ikkunsidrata bħala ksur uniku u kontinwu, fid-dawl tal-aġir deskritt fid-deċiżjoni kkontestata, ma hija vvizzjata minn ebda żball ta’ liġi jew ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-Qorti Ġenerali tosserva li l-fatturi kkunsidrati mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-analiżi tagħha, relatati b’mod partikolari mal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv uniku u mal-identità tal-impriżi u tas-servizzi inkwistjoni, kienu tali li jippermettu lill-Kummissjoni tikklassifika l-aġir kontenzjuż bħala ksur uniku. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni insostenn tal-konklużjoni tagħha huma suffiċjenti u nieqsa minn kull żball ta’ evalwazzjoni.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ilmenti intiżi, essenzjalment, sabiex jikkontestaw il-portata tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu.

F’dak li jikkonċerna, l-ewwel nett, l-evalwazzjoni tal-elementi kkunsidrati mill-Kummissjoni fir-rigward tal-aġir implimentat f’pajjiżi terzi, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, qabel kollox, li l-prinċipji li jirregolaw il-motiv ta’ difiża bbażat fuq ir-restrizzjoni tal-Istat japplikaw kemm għal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri kif ukoll għal dawk ta’ pajjiżi terzi u li l-oneru tal-prova jaqa’ fuq il-parti li tinvoka dan il-motiv. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali tosserva li, sabiex tikkonkludi dwar l-ineżistenza ta’ tali restrizzjoni fil-pajjiżi terzi kkonċernati differenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq elementi li hija kienet, b’mod żbaljat, irrifjutat l-aċċess għalihom lir-rikorrenti. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata, madankollu, li t-talbiet li insostenn tagħhom ġew invokati dawn l-elementi jibqgħu fondati, inkluż fl-assenza tal-imsemmija elementi. Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, kuntrarjament għal dak li qalet il-Kummissjoni, l-awtoritajiet Tajlandiżi kienu ħolqu qafas legali li jelimina kull possibbiltà ta’ kompetizzjoni bejn it-trasportaturi fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tas-sovrataxxa “karburant” applikabbli għat-titjiriet li jitilqu mit-Tajlandja u lejn iż-ŻEE bejn Lulju 2005 u Frar 2006.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ilmenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur uniku u kontinwu u tqis b’mod partikolari li ma hijiex issostanzjata b’mod suffiċjenti l-konstatazzjoni li tgħid li huma kellhom l-għarfien meħtieġ sabiex il-komponent relatat mar-rifjut tal-għoti ta’ kummissjoni jiġi imputat lilhom.

Minn dan il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, sa fejn din tikkonstata l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-komponent tal-ksur uniku u kontinwat marbut mar-rifjut tal-għoti ta’ tnaqqis kif ukoll ta’ dak relatat mas-sovrataxxa fuq il-“karburant”, f’dak li jirrigwarda r-rotot li jitilqu mit-Tajlandja u lejn iż-ŻEE bejn Lulju 2005 u Frar 2006, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kummissjoni kellha sensiela ta’ indizji preċiżi u konkordanti, anki wara l-esklużjoni ta’ xi indizji mhux issostanzjati biżżejjed, biex tikkonkludi li r-rikorrenti pparteċipaw fil-ksur uniku u kontinwu deskritt fid-deċiżjoni kkontestata.

Fil-ħames lok, il-Qorti Ġenerali teżamina l-ilmenti tar-rikorrenti kontra d-determinazzjoni tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda kritika talli ddeterminat il-valur tal-bejgħ b’riferiment għad-dħul mill-bejgħ ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija fuq ir-rotot deħlin, qabel l-applikazzjoni ta’ tnaqqis ta’ 50 % tal-ammont bażiku tal-multa, iġġustifikat mill-partikolaritajiet tas-suq ikkunsidrat. Barra minn hekk, l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ gravità ta’ 16 %, fuq skala minn 0 sa 30 %, titqies bħala nieqsa minn żbalji. Fil-fatt, minn naħa, tali koeffiċjent ta’ gravità huwa favorevoli ħafna għar-rikorrenti fid-dawl tal-gravità inerenti għall-prattiki kontenzjużi. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ma kienu kkontestaw l-ebda wieħed mit-tliet fatturi addizzjonali li fuqhom kienet ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-koeffiċjent tal-gravità, jiġifieri l-ishma tas-suq akkumulati tat-trasportaturi inkriminati, il-portata ġeografika tal-akkordju kontenzjuż u l-implimentazzjoni tal-prattiki inkwistjoni. Fl-aħħar nett, iż-żieda ta’ 50 % tal-ammont bażiku li ġie applikat għar-rikorrenti minħabba reċidiva ma għandha l-ebda wieħed mill-ilmenti esposti minn dawn tal-aħħar. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ksur inkwistjoni u l-ksur preċedenti ta’ tqassim ta’ swieq li abbażi tiegħu l-appellanti kienu preċedentement ġew issanzjonati huma simili, sa fejn dawn jikkonċernaw it-tnejn li huma akkordju orizzontali li l-Kummissjoni qieset li jikser l-Artikolu 101 TFUE.

Fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali tagħmel użu mill-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta. Filwaqt li tapplika l-metodu ta’ kalkolu segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, hija tqis, kuntrarjament għall-Kummissjoni, li huwa neċessarju li jiġi inkluż id-dħul mill-bejgħ magħmul mir-rikorrenti fuq ir-rotot moqdija esklużivament ġewwa, rispettivament, id-Danimarka, l-Isvezja u n-Norveġja. Fil-fatt, dawn ir-rotot kienu jaqgħu taħt il-kamp tal-ksur inkwistjoni u l-inklużjoni tad-dħul mill-bejgħ imwettaq fuqhom kienet neċessarja sabiex tiġi żgurata ugwaljanza fit-trattament mat-trasportaturi l-oħra inkriminati u sabiex issir evalwazzjoni ġusta tal-importanza ekonomika tal-ksur inkwistjoni u tar-rwol ta’ kull trasportatur inkriminat f’dan tal-aħħar. Il-Qorti Ġenerali tqis ukoll li, peress li l-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur uniku u kontinwu kienet iktar limitata milli kkonstatat il-Kummissjoni, għandu jingħatalha tnaqqis addizzjonali minħabba ċ-ċirkustanzi attenwanti. Konsegwentement, hija tikkalkola mill-ġdid l-ammont tal-multi rispettivi imposti fuq ir-rikorrenti, billi tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq SAS Consortium għal EUR 7030618, dak tal-multa imposta flimkien u in solidum fuq din tal-aħħar u fuq SAS Cargo għal EUR 5937909, dak tal-multa imposta fuq SAS Cargo għal EUR 21687090, dak tal-multa imposta flimkien u in solidum fuq din tal-aħħar u fuq SAS għal EUR 29045427 u dak tal-multa imposta flimkien u in solidum fuq dawn it-tliet kumpanniji għal EUR 6314572.


( 1 ) F’dan il-każ, SAS Consortium ġiet imposta multa ta’ EUR 5355000 kif ukoll, flimkien u in solidum ma’ SAS Cargo, multa ta’ EUR 4254250, SAS Cargo multa ta’ EUR 22308250 kif ukoll, flimkien u in solidum ma’ SAS multa ta’ EUR 32984250; fl-aħħar nett, it-tliet kumpanniji ġew imposti, flimkien u in solidum, multa ta’ EUR 5265750.

( 2 ) Avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155).

( 3 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 7694 finali, tad-9 ta’ Novembru 2010, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Kommunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-trasport bl-ajru (Każ COMP/39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”).

( 4 ) Sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2005, Air Canada vs Il-Kummissjoni (T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il-Kummissjoni (T‑28/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:995), Japan Airlines vs Il-Kummissjoni (T‑36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992), Cathay Pacific Airways vs Il-Kummissjoni (T‑38/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:985), Cargolux Airlines vs Il-Kummissjoni (T‑39/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:991), Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il-Kummissjoni (T‑40/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:986), Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo Pte vs Il-Kummissjoni (T‑43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989), Deutsche Lufthansa et vs Il-Kummissjoni (T‑46/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:987), British Airways vs Il-Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988), SAS Cargo Group et vs Il-Kummissjoni (T‑56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990), Air France KLM vs Il-Kummissjoni (T‑62/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:996), Air France vs Il-Kummissjoni (T‑63/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:993) u Martinair Holland vs Il-Kummissjoni (T‑67/11, EU:T:2015:984).