SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

30 ta’ Jannar 2019 ( *1 )

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fir-rigward tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna – Iffriżar ta’ fondi – Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Żamma ta’ isem ir-rikorrent fuq il-lista – Obbligu ta’ motivazzjoni – Eċċezzjoni ta’ illegalità – Prinċipju ta’ proporzjonalità – Bażi legali – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Prinċipju ta’ ne bis in idem

Fil-Kawża T-290/17,

Edward Stavytskyi, residenti fi Brussell (il-Belġju), irrappreżentat minn J. Grayston, solicitor, P. Gjørtler, G. Pandey u D. Rovetta, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn V. Piessevaux u J.-P. Hix, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Paasivirta u L. Baumgart, bħala aġenti,

intervenjenti,

li tirrigwarda talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381 tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 34), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/374 tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna (ĠU 2017, L 58, p. 1), sa fejn l-isem tar-rikorrent inżamm fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn G. Berardis (Relatur), President, D. Spielmann u Z. Csehi, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta ta’ 12 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrent, Edward Stavytskyi, huwa ex Ministru għall-Karburanti u l-Enerġija fl-Ukraina.

2

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2014/119/PESK, dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 26).

3

Il-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 jippreċiżaw dan li ġej:

“(1)

Fl-20 ta’ Frar 2014, il-Kunsill ikkundanna f’termini l-aktar qawwija kull użu tal-vjolenza fl-Ukraina. Huwa appella għal tmiem immedjat tal-vjolenza fl-Ukraina, u għar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa appella lill-Gvern tal-Ukraina sabiex jeżerċita trażżin massimu u lill-kapijiet tal-oppożizzjoni sabiex jiddisassoċjaw ruħhom minn dawk li jirrikorru għal azzjoni radikali, inkluża l-vjolenza.

(2)

Fit-3 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill qabel biex jiffoka miżuri restrittivi fuq l-iffriżar u rkupru ta’ assi ta’ persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan tal-konsolidazzjoni u s-sostenn tal-[I]stat ta’ dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina.”

4

L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni 2014/119 jipprovdi li:

“Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati mill-persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukraina, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.   L-ebda fond jew riżors ekonomiku ma għandu jsir disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għal benefiċċju ta’, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew entitajiet elenkati fl-Anness.”

5

Il-modalitajiet tal-miżuri restrittivi inkwistjoni huma ddefiniti fil-paragrafi segwenti tal-istess artikolu.

6

Fil-5 ta’ Marzu 2014, il-Kunsill adotta wkoll, abbażi tal-Artikolu 215(2) TFUE, ir-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukraina (ĠU 2014, L 66, p. 1).

7

Skont id-Deċiżjoni 2014/119, ir-Regolament Nru 208/2014 jimponi l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni u jiddefinixxi l-modalitajiet tal-imsemmija miżuri restrittivi f’termini identiċi, essenzjalment, għal dawk tal-imsemmija deċiżjoni.

8

L-ismijiet tal-persuni msemmija fid-Deċiżjoni 2014/119 u fir-Regolament Nru 208/2014 jidhru fil-lista li tinsab fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni u fl-Anness I tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem il-“lista inkwistjoni”) flimkien, b’mod partikolari, mal-motivazzjoni tal-inklużjoni tagħhom. L-isem tar-rikorrent ma jidhirx fl-imsemmija lista.

9

Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 ġew emendati bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2014/216/PESK tal-14 ta’ April 2014 li timplimenta d-Deċiżjoni 2014/119/PESK (ĠU 2014, L 111, p. 91) u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 381/2014 tal-14 ta’ April 2014 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 (ĠU 2014, L 111, p. 33) (iktar ’il quddiem l-“atti ta’ April 2014”).

10

Permezz tal-atti ta’ April 2014, l-isem tar-rikorrent żdied fuq il-lista inkwistjoni, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “eks Ministru għall-Karburanti u l-Enerġija” u l-motivazzjoni l-ġdida segwenti u l-motivazzjoni segwenti:

“Persuna soġġetta għal investigazzjoni fl-Ukraina dwar involviment f’reati b’rabta mal-approprjazzjoni indebita ta’ fondi tal-Istat tal-Ukraina u t-trasferiment illegali tagħhom barra l-Ukraina.”

11

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-25 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrent ippreżenta rikors għall-annullament tal-atti ta’ April 2014, sa fejn dawn jikkonċernawh. Dan ir-rikors ġie rreġistrat taħt ir-referenza T-486/14.

12

Id-Deċiżjoni 2014/119 ġiet emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/143 tad-29 ta’ Jannar 2015 (ĠU 2015, L 24, p. 16), li daħlet fis-seħħ fil-31 ta’ Jannar 2015. Fir-rigward tal-kriterji ta’ indikazzjoni tal-persuni kkonċernati mill-miżuri restrittivi inkwistjoni, mill-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2015/143 jirriżulta li l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119 huwa ssostitwit bit-test li ġej:

“1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, huma proprjetà ta’, huma miżmuma jew ikkontrollati minn persuni li jkunu ġew identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna u persuni responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ukrajna, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, persuni identifikati bħala responsabbli għall-misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat tal-Ukrajna jinkludu persuni li huma soġġetti għal investigazzjoni mill-awtoritajiet tal-Ukrajna:

a)

għall-misapproprijazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali misapproprjazzjoni; jew

b)

għall-abbuż tal-uffiċju bħala detentur ta’ pożizzjoni pubblika biex jakkwista vantaġġ mhux ġustifikat għalih jew għal parti terza, u li b’hekk jikkawża telf ta’ fondi jew assi pubbliċi tal-Ukrajna, jew għall-kompliċità f’tali abbuż.”

13

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/138 tad-29 ta’ Jannar 2015 li jemenda r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 24, p. 1), emenda lil dan tal-aħħar konformement mad-Deċiżjoni 2015/143.

14

Id-Deċiżjoni 2014/119 u r-Regolament Nru 208/2014 kienu sussegwentement emendati bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/364 tal-5 ta’ Marzu 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2015, L 62, p. 25), u bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/357 tal-5 ta’ Marzu 2015 li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2015, L 62, p. 1). Fid-Deċiżjoni 2015/364, l-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2014/119 ġie ssostitwit b’test ġdid, li jipproroga l-miżuri restrittivi inkwistjoni sas-6 ta’ Marzu 2016. Fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357, l-Anness I tar-Regolament Nru 208/2014 ġie ssostitwit b’test ġdid li jemenda l-inklużjoni relatata ma’ 18-il persuna.

15

Permezz tad-Deċiżjoni 2015/364 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2015/357, l-isem tar-rikorrent inżamm fil-lista, bl-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “eks Ministru għall-Karburanti u l-Enerġija” u l-motivazzjoni l-ġdida segwenti:

“Persuna soġġetta għal proċeduri kriminali mill-awtoritajiet Ukreni għall-miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew assi pubbliċi.”

16

Ir-rikorrent ma ppreżentax rikors kontra d-Deċiżjoni 2015/364 u r-Regolament ta’ Implmentazzjoni 2015/357.

17

Permezz tas-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45), il-Qorti Ġenerali annullat l-atti ta’ April 2014, billi kkonstatat, essenzjalment, li l-isem tar-rikorrent kien inkluż fil-lista inkwistjoni mingħajr ma l-Kunsill kellu provi suffiċjenti.

18

Fl-4 ta’ Marzu 2016, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/318 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2016, L 60, p. 76), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/311, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2016, L 60, p. 1), li permezz tiegħu pproroga sas-6 ta’ Marzu 2017 l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, u dan mingħajr ma emenda l-motivazzjoni li tikkonċerna r-rikorrent, kif ikkwotata fil-punt 15 iktar ’il fuq.

19

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrent ippreżenta rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2016/318 u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/311, sa fejn dawn l-atti jikkonċernawhom. Dan ir-rikors ġie rreġistrat taħt ir-referenza T‑242/16.

20

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrent sostna mal-Kunsill li dan tal-aħħar kien twassal biex iwettaq żball minħabba informazzjoni allegatament falza pprovduta mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina (iktar ’il quddiem l-“UPĠ”) u talab l-aċċess għal ċerti dokumenti.

21

B’risposta għal din l-ittra, permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2016, l-ewwel nett, il-Kunsill informa lir-rikorrent bl-intenzjoni tiegħu li jżomm il-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu. It-tieni nett, il-Kunsill osserva li l-UPĠ, permezz ta’ ittri tal-25 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Novembru 2016, kien ikkonferma li r-rikorrent kien is-suġġett ta’ proċedura kriminali għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. It-tielet nett, il-Kunsill egħmeż mal-ittra tiegħu dawn id-dokumenti kif ukoll dokument ieħor tat-18 ta’ Novembru 2016, li kien jinkludi domandi li huwa kien bagħat lill-UPĠ u r-risposti ta’ dan tal-aħħar (iktar ’il quddiem ir-“risposti tal-UPĠ”). Ir-raba’ nett, il-Kunsill stieden lir-rikorrent jibgħatlu l-osservazzjonijiet eventwali tiegħu sa mhux iktar tard mit-13 ta’ Jannar 2017.

22

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent isostni mal-Kunsill, b’mod partikolari, li l-UPĠ kien immanipola l-proċedura kriminali inkwistjoni, bl-uniku skop li jżommha pendenti, u li l-fatti kkonċernati minn din il-proċedura kienu diġà ġew eżaminati minn awtoritajiet Ukraini oħra, inkluż ġudizzjarji, li ma kienu sabu xejn illegali. Ir-rikorrent innota wkoll li huwa kien talab lill-kummissjoni ta’ kontroll tal-fajls tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali (Interpol) tirtira l-inklużjoni ta’ ismu mil-lista dwar il-persuni mfittxija fuq livell internazzjonali.

23

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Frar 2017, il-Kunsill bagħat lir-rikorrent ċerti dokumenti li l-awtoritajiet Ukraini kienu pprovdewlu, jiġifieri ittra tal-UPĠ tas-27 ta’ Jannar 2017 u diversi deċiżjonijiet ta’ qrati Ukraini, u stiednu jesprimi ruħu dwar dan sa mhux iktar tard mit-13 ta’ Frar 2017.

24

Permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Frar 2017, ir-rikorrent irrisponda għal dan l-invit.

25

Fit-3 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/119 (ĠU 2017, L 58, p. 34), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/374, li jimplimenta r-Regolament Nru 208/2014 (ĠU 2017, L 58, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“atti kkontestati”), li permezz tagħhom ipproroga sas-6 ta’ Marzu 2018 l-applikazzjoni tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, u dan mingħajr ma emenda r-raġuni li tikkonċerna lir-rikorrent, kif ikkwotata fil-punt 15 iktar ’il fuq.

26

Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Marzu 2017, il-Kunsill innotifika lir-rikorrent l-atti kkontestati u rrisponda, b’mod konġunt, għall-ittri tiegħu tat-13 ta’ Jannar u tat-13 ta’ Frar 2017.

27

Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T‑242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent imsemmi fil-punt 19 iktar ’il fuq.

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

28

Permezz ta’ rikors ippreżentat fil-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Mejju 2017, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

29

Fit-28 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill ippreżenta r-risposta, segwita, fit-3 ta’ Awwissu 2017, minn talba mmotivata, konformament mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, intiża sabiex jikseb li l-kontenut ta’ ċerti dokumenti annessi mar-rikors u mal-imsemmija risposta ma jiġix iċċitat fid-dokumenti relatati ma’ din il-kawża li l-pubbliku għandu aċċess għalihom.

30

Fil-5 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża, insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2017, il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ din it-talba, abbażi tal-Artikolu 144(4) tar-Regoli tal-Proċedura, peress li l-partijiet ma qajjmux kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità.

31

Il-fażi bil-miktub tal-proċedura ngħalqet fid-19 ta’ Diċembru 2017, wara li ġew ippreżentati r-replika, il-kontroreplika, in-nota ta’ intervent u l-osservazzjonijiet tal-partijiet prinċipali dwar dan tal-aħħar.

32

Permezz ta’ nota ppreżentata fir-Reġistru fis-17 ta’ Jannar 2018, ir-rikorrent talab li tinżamm seduta, skont l-Artikolu 106(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura.

33

Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

34

Instemgħu s-sottomissjonijiet u r-risposti tal-partijiet prinċipali għad-domandi magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tat-12 ta’ Settembru 2018, li l-Kummissjoni ma pparteċipatx għaliha, kif kienet informat b’dan lill-Qorti Ġenerali permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Awwissu 2018.

35

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-atti kkontestati, sa fejn iżommu l-isem tar-rikorrent fuq il-lista inkwistjoni;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

36

Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors;

sussidjarjament, f’każ ta’ annullament tal-atti kkontestati, iżżomm l-effetti tad-Deċiżjoni 2017/381, sakemm l-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2017/374 isir effettiv, konformement mal-Artikolu 60 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

37

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

Id-dritt

38

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi, ibbażati, rispettivament, l-ewwel, fuq l-illegalità tal-kriterju ta’ inklużjoni previst fl-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni 2014/119, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/143, u fl-Artikolu 3(1)a tar-Regolament Nru 208/2014, kif emendat bir-Regolament 2015/138 (iktar ’il quddiem il-“kriterju rilevanti”), it-tieni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni sa fejn il-fatt li huwa suġġett ta’ proċedura kriminali quddiem l-awtoritajiet Ukraini ma jikkostitwixxix bażi fattwali suffiċjenti, it-tielet, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, ir-raba’ fuq żball dwar il-bażi ġuridika, sa fejn il-miżuri restrittivi li jikkonċernawh ma jaqgħux taħt il-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK), iżda taħt il-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam kriminali.

39

Fid-dawl tar-rabtiet bejn ċerti argumenti li jinsabu f’motivi differenti, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrent jinvoka, essenzjalment, l-ewwel nett, il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni nett, l-illegalità, in-natura sproporzjonata kif ukoll l-assenza ta’ bażi ġuridika tal-kriterju rilevanti u, it-tielet nett, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju għall-każ tiegħu.

Fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

40

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni li abbażi tagħha ismu nżamm fuq il-lista mill-atti kkontestati, li tikkoinċidi ma’ dik ikkwotata fil-punt 15 iktar ’il fuq, hija ġeneralment sterjotipata, peress li hija llimitata sabiex tirriproduċi t-termini użati fid-definizzjoni tal-kriterju rilevanti.

41

Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma jistax jikkompleta l-imsemmija motivazzjoni bl-informazzjoni li tinsab fl-ittri li huwa bagħat lir-rikorrent matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tal-atti kkontestati (ara l-punti 21, 23 u 26 iktar ’il fuq), sa fejn att ġuridiku għandu jkun jinkludi hu stess motivazzjoni suffiċjenti. Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni addizzjonali li tirriżulta mill-ittri inkwistjoni ma tikkostitwixxix motivazzjoni suffiċjenti.

42

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

43

Għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, “[l]-atti legali għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati”.

44

Bis-saħħa tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), li għaliha l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess valur legali bħat-Trattati, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi b’mod partikolari “l-obbligu għall-amministrazzjoni li tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħha”.

45

Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u mill-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi adattata għan-natura tal-att ikkontestat u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat. Hija għandha turi b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’tali mod li tippermetti li l-parti kkonċernata ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41(2)(ċ) tal-Karta għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss ta’ kliemha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll fid-dawl tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam inkwistjoni. Għalhekk, minn naħa, att li jikkawża preġudizzju jkun motivat b’mod suffiċjenti jekk jiġi adottat f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata li permezz tiegħu tkun tista’ tifhem il-portata tal-miżura meħuda fir-rigward tagħha. Min-naħa l-oħra, il-grad ta’ preċiżjoni tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandu jkun proporzjonali għall-possibbiltajiet materjali u għall-kundizzjonijiet tekniċi jew ta’ żmien li fih hija għandha tintervjeni (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

B’mod partikolari, il-motivazzjoni ta’ miżura ta’ ffriżar tal-assi, bħala prinċipju, ma tistax tikkonsisti biss f’formulazzjoni ġenerali u sterjotipata. Ħlief għall-eċċezzjonijiet imsemmija fil-punt 46 iktar ’il fuq, tali miżura għandha, bil-kontra ta’ dan, tindika r-raġunijiet speċifiċi u konkreti li għalihom il-Kunsill iqis li l-leġiżlazzjoni rilevanti hija applikabbli għall-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-motivazzjoni mogħtija meta nżamm isem ir-rikorrent fil-lista inkwistjoni (ara l-punt 15 iktar ’il fuq) hija speċifika u konkreta u tistabbilixxi l-elementi li jikkostitwixxu l-bażi tal-imsemmija żamma, jiġifieri l-fatt li kien is-suġġett ta’ proċeduri kriminali mibdija mill-awtoritajiet Ukraini għal miżapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi.

49

Barra minn hekk, iż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent saret f’kuntest magħruf minnu, li kien ġie informat, matul l-iskambji mal-Kunsill, b’mod partikolari l-ittri tal-UPĠ tal-25 ta’ Lulju 2016, tas-16 ta’ Novembru 2016 u tas-27 ta’ Jannar 2017 kif ukoll tar-risposti tal-UPĠ (ara l-punti 21 u 23 iktar ’il fuq), li fuqhom il-Kunsill ibbaża ż-żamma tal-imsemmija miżuri (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Il-Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punti 53 u 54 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-6 ta’ Settembru 2013, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill, T-35/10 u T-7/11, EU:T:2013:397, punt 88). F’dawn l-ittri huma indikati l-isem tal-awtorità responsabbli għall-investigazzjonijiet, in-numri u d-data ta’ ftuħ tal-proċeduri kriminali mibdija, b’mod partikolari, fil-konfornt tar-rikorrent, il-fatti li huwa akkużat bihom, l-isem tal-persuni u l-korpi kkonċernati, u l-ammont tal-fondi pubbliċi allegatament misapproprjati, l-artikoli rilevanti tal-Kodiċi Kriminali Ukrain kif ukoll il-fatt li r-rikorrent ġie informat bil-miktub bil-fatt li kien issuspettat. B’mod partikolari, l-ittra tal-25 ta’ Lulju 2016 tippreċiża dan li ġej:

[kunfidenzjali] ( 1 ).

50

Fl-ittra tat-12 ta’ Diċembru 2016, il-Kunsill indika b’mod ċar li l-ittra tal-UPĠ tal-25 ta’ Lulju 2016, kif ikkonfermata minn dik tas-16 ta’ Novembru 2016, kienet tinkludi l-informazzjoni rilevanti sabiex jiġi konkluż li r-rikorrent kien għadu s-suġġett ta’ proċedura kriminali li tikkonċerna misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi.

51

Barra minn hekk, l-atti kkontestati ġew adottati f’kuntest li jinkludi wkoll l-iskambju li sar bejn ir-rikorrent u l-Kunsill fil-kuntest tal-kawżi li wasslu għas-sentenzi tat-28 ta’ Jannar 2016, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-486/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:45), u tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166).

52

Għandu jiġi kkonstatat li din l-informazzjoni kollha ġiet rċevuta mir-rikorrent qabel l-adozzjoni tal-atti kkontestati.

53

Fir-rigward tal-ittra tas-6 ta’ Marzu 2017, li, min-naħa tagħha, hija posterjuri għall-adozzjoni tal-atti kkontestati, għandu jiġi nnotat li din hija llimitata sabiex, essenzjalment, tirreferi għal elementi li jinsabu fil-korrispondenza li r-rikorrent u l-Kunsill kienu skambjaw qabel ma l-imsemmija atti ġew adottati kif ukoll qabel il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali. B’hekk, din l-ittra tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fl-eżami ta’ dawn l-atti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il-Kunsill, T-262/15, EU:T:2017:392, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi rrilevat li l-kontenut tal-ittra tas-6 ta’ Marzu 2017 jikkoinċidi sewwa ma’ dak tal-atti kkontestati u tal-korrispondenza skambjata qabel bejn il-Kunsill u r-rikorrent (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2017, Kiselev vs Il-Kunsill, T-262/15, EU:T:2017:392, punti 48 u 49).

54

Fid-dawl ta’ dak kollu li ġie espost, għandu jiġi konkluż li l-atti kkontestati, imqegħda fil-kuntest tagħom, jipprovdu, suffiċjentement skont il-liġi, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jikkostitwixxu, skont l-awturi tagħhom, il-bażi tagħhom.

55

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bl-argument tar-rikorrent dwar in-natura allegatament sterjotipata tal-motivazzjoni li tikkonċernah.

56

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu f’din il-motivazzjoni huma l-istess bħal dawk li abbażi tagħhom persuni fiżiċi oħra msemmija fil-lista ġew suġġetti għal miżuri restrittivi, huma huma intiżi madankollu sabiex jiddeskrivu s-sitwazzjoni konkreta tar-rikorrent, li, l-istess bħal persuni oħra, kienet, skont il-Kunsill, is-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji li għandhom rabta ma’ investigazzjonijiet dwar miżapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi fl-Ukraina (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali essenzjali li għandu jiġi distint mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li taqa’ taħt il-legalità tal-mertu tal-att kontenzjuż. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ att tikkonsisti fl-espressjoni formali tal-motivi li fuqhom huwa bbażat dan l-att. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tal-imsemmi att, iżda mhux il-motivazzjoni tiegħu, li tista’ tkun suffiċjenti għalkemm tesprimi motivi żbaljati (ara s-sentenza tal-5 ta’ Novembru 2014, Mayaleh vs Il-Kunsill, T-307/12 u T-408/13, EU:T:2014:926, punt 96 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Għalhekk, anki fl-ipoteżi li, kif sostna r-rikorrent matul is-seduta, il-Kunsill, meta jżomm, wara diversi snin, miżuri restrittivi fil-konfront tal-istess persuna, għandu obbligu ta’ diliġenza ikbar, dan il-fatt ma għandux effett fuq l-istħarriġ li l-Qorti Ġenerali twettaq f’dak li jikkonċerna l-motivazzjoni tal-atti kkontestati, meta tista’ tiġġustifika stħarriġ iktar strett f’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.

59

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilmenti tar-rikorrent ibbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandhom jiġu miċħuda.

Fuq l-illegalità, in-natura sproporzjonata u l-assenza ta’ bażi ġuridika ta’ kriterju rilevanti

60

Ir-rikorrent isostni li l-kriterju rilevanti, kif previst mid-Deċiżjoni 2015/143 u mir-Regolament 2015/138 huwa illegali, minħabba ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u minħabba assenza ta’ bażi ġuridika fil-kuntest tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni (PESK), fl-ipoteżi fejn jista’ jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li jiġu adottati miżuri restrittivi fil-konfront ta’ kwalunkwe persuna fil-mira ta’ investigazzjoni mill-awtoritajiet Ukraini fir-rigward ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-fatti li din il-persuna hija akkużata bihom jistgħux jimminaw l-Istat ta’ dritt fl-Ukraina, u għalhekk il-bażi ġuridiċi u istituzzjonali ta’ dan il-pajjiż.

61

Skont ir-rikorrent, fl-ipoteżi fejn il-kriterju rilevanti jippermetti li jkunu mmirati biss persuni relatati ma’ tali fatti, il-Kunsill ikollu jwettaq hu stess kontroll ta’ proporzjonalità. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jammetti li, skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill jista’ fil-prinċipju, jibbaża ruħu fuq l-informazzjoni li l-UPĠ ikkomunikalu. Madankollu, il-Kunsill b’daqshekk ma huwiex eżentat milli jwettaq evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk din l-informazzjoni hijiex biżżejjed sabiex jiġi kkunsidrat li l-fatti li hija akkużata bihom il-persuna suġġett ta’ investigazzjoni huma tali li jimminaw l-Istat ta’ dritt fl-Ukraina. Huwa biss jekk jiġi żgurat li risposta affermattiva tista’ tingħata għal din id-domanda li l-Kunsill ikun qiegħed josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Fil-każ kuntrarju, l-eventwali interventi min-naħa tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni marbuta ma’ proċeduri kriminali pendenti f’pajjiż terz ma jistgħux jaqgħu taħt il-PESK, iżda taħt il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-qasam kriminali u tal-kooperazzjoni mill-pulizija. Għalhekk, sabiex jiġi evitat li jinkiser l-Artikolu 40 TUE, huma għandhom jiġu adottati fuq bażi ġuridiċi differenti mill-Artikolu 29 TUE u l-Artikolu 215 TFUE, fejn huwa ppreċiżat li r-rikors għal dan tal-aħħar jippreżupponi l-adozzjoni preliminari ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt il-PESK.

62

Il-Kunsill u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

63

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-partijiet jaqblu dwar il-fatt li l-ġurisprudenza rrikonoxxiet li miżuri restrittivi meħuda b’applikazzjoni tal-kriterju rilevanti jistgħu jiġu leġittimament adottati abbażi tal-Artikolu 29 TUE u tal-Artikolu 215 TFUE, sakemm il-fatti ta’ żnaturament ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li l-persuni fil-mira huma ssuspsettati bihom ikollhom karatteristiċi tali li jistgħu jimminaw il-fondamenti istituzzjonali u ġuridiċi tal-pajjiż inkwistjoni, fid-dawl tal-ammonti kkonċernati, it-tip ta’ fondi jew assi misapproprijati jew tal-kuntest li seħħew fih.

64

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-għanijiet tat-Trattat UE dwar il-PESK huma msemmija, b’mod partikolari, fl-Artikolu 21(2)(b) TUE li jipprovdi kif ġej:

“L-Unjoni għandha tiddefinixxi u twettaq politika u azzjonijiet komuni, u għandha taħdem sabiex tassigura grad għoli ta’ koperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex: […] tikkonsolida u tappoġġa d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali”.

65

Dan il-għan issemma fil-premessa 2 tad-Deċiżjoni 2014/119, ikkwotat fil-punt 3 iktar ’il fuq.

66

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-ġurisprudenza stabbilixxiet li għanijiet bħal dak imsemmi fl-Artikolu 21(2)(b) TUE kellhom il-vokazzjoni li jiġu milquta minn iffriżar tal-fondi li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kien, bħal f’dan il-każ, limitat għall-persuni identifikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi kif ukoll għall-persuni, entitajiet jew korpi marbuta magħhom, jiġifieri persuni li l-aġir tagħhom huwa suxxettibbli li jkun fixkel il-funzjonament tajjeb tal-istituzzjonijiet pubbliċi u tal-korpi marbuta magħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

67

Bl-istess mod, għandu jiġi osservat li r-rispett tal-Istat tad-dritt huwa wieħed mill-valuri ewlenin li fuqhom tistrieħ l-Unjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2 TUE kif ukoll mill-preamboli tat-Trattat UE u minn dawk tal-Karta. Barra minn hekk ir-rispett tal-Istat tad-dritt jikkostitwixxi rekwiżit għall-adeżjoni fl-Unjoni, skont l-Artikolu 49 TUE. Il-kunċett ta’ Stat tad-dritt huwa wkoll stabbilit, taħt il-formulazzojni alternattiva ta’ “preeminenza tad-dritt”, fil-preambolu tal-Konvenzjoni għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 97).

68

Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kif ukoll il-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa, permezz tal-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija permezz tad-dritt, jipprovdu lista mhux eżawrjenti tal-prinċipji u tar-regoli li jistgħu jagħmlu parti mill-kunċett ta’ Stat tad-dritt. Fost dawn hemm il-prinċipji ta’ legalità, ta’ ċertezza legali u ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju; qrati indipendenti u imparzjali; stħarriġ ġudizzjarju effettiv, inkluż ir-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-ugwaljanza quddiem il-liġi [ara, f’dan ir-rigward, il-lista tal-kriterji tal-Istat tad-dritt adottata mill-Kummissjoni Ewropea għad-demokrazija bid-dritt matul il-mija u sitt sessjoni plenarja tagħha (Venezia, 11-12 ta’ Marzu 2016)]. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, ċerti strumenti ġuridiċi jsemmi b’mod partikolari l-ġlieda kontra l-korruzzjoni inkwantu prinċipju li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ Stat tad-dritt (ara, pereżempju, ir-Regolament (KE) Nru 1638/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-24 ta’ Ottubru 2006 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali għat-twaqqif ta’ Strument Ewropew ta’ Viċinat u Sħubija (ĠU 2006, L 310, p. 1)) (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 98).

69

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li t-tressiq ta’ azzjoni kontra reati ekonomiċi, bħall-misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, huwa mezz importanti għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni u li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni tikkostitwixxi, fil-kuntest tal-azzjoni esterna tal-Unjoni, prinċipju stabbilit fi ħdan il-kunċett ta’ Stat tad-dritt (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 141).

70

Issa, għalkemm ma jistax jiġi eskluż li ċertu aġir li jirrigwarda fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jista’ jippreġudika l-Istat tad-dritt, ma jistax jiġi aċċettat li kull fatt ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, imwettaq f’pajjiż terz, jiġġustifika intervent tal-Unjoni bil-għan li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż, fil-kuntest tal-kompetenzi tiegħu fil-qasam tal-PESK. Sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit li misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi tista’ tiġġustifika azzjoni tal-Unjoni fil-kuntest tal-PESK, ibbażata fuq l-għan li jiġi kkonsolidat u sostnut l-Istat tad-dritt, huwa, mill-inqas, neċessarju li l-fatti kkontestati jkunu tali li jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-pajjiż ikkonċernat (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T‑346/14, EU:T:2016:497, punt 99).

71

Minn dan jirriżulta li l-kriterju relevanti jista’ jitqies li huwa konformi mal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni biss sa fejn huwa possibbli li jiġi attribwit lilu sens li huwa kompatibbli mar-rekwiżiti tar-regoli superjuri li għalihom huwa suġġett, u b’mod iktar speċifiku mal-għan tal-konsolidazzjoni u ta’ sostenn tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tippermetti li tiġi osservata s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li minnha jgawdi l-Kunsill sabiex jiddefinixxi l-kriterji ġenerali ta’ inklużjoni, filwaqt li jiggarantixxi stħarriġ, bħala prinċipju komplet, tal-legalità tal-atti tal-Unjoni fir-rigward tad-drittijiet fundamentali (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

72

Għalhekk, il-kriterju rilevanti għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jinkludix, b’mod astratt, kull att ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi, iżda jirrigwarda pjuttost fatti ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi li, fid-dawl tal-ammont jew tat-tip ta’ fondi jew ta’ assi misapproprjati jew li fil-kuntest li fih seħħew, jistgħu minn tal-inqas jippreġudikaw il-bażi istituzzjonali u ġuridika tal-Ukraina, b’mod partikolari l-prinċipji ta’ legalità, ta’ projbizzjoni li l-awtorità eżekuttiva taġixxi b’mod arbitrarju, tal-istħarriġ ġudizzjarju effettiv u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, u, fl-aħħar lok, jippreġudikaw ir-rispett tal-Istat tad-dritt f’dan il-pajjiż. Interpretat b’dan il-mod, dan il-kriterju huwa konformi u proporzjonat mal-għanijiet rilevanti tat-Trattat UE (sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 101).

73

Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, li l-partijiet ma jikkontestawx, għandu jiġi konkluż li l-kriterju rilevanti, hekk interpretat, ma huwiex illegali u seta’ jiġi introdott permezz ta’ atti bbażati fuq l-Artikolu 29 TUE u fuq l-Artikolu 215 TFUE, li jikkostitwixxu għalhekk bażi ġuridiċi xierqa.

74

Minn dan jirriżulta wkoll li, permezz tal-previżjoni tal-kriterju rilevanti, il-Kunsill ma kisirx l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 40 TUE skont liema l-implimentazzjoni tal-PESK ma taffettwax l-applikazzjoni tal-proċeduri u l-portata rispettiva tal-attributi tal-istitituzzjonijiet previsti mit-trattati għall-eżerċizzju tal-kompetenzi tal-Unjoni msemmija fl-Artikoli 3 u 6 TFUE.

75

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-UPĠ huwa wieħed mill-ogħla awtoritajiet ġudizzjarji fl-Ukraina, peress li jaġixxi, f’dan l-Istat, fi kwalità ta’ ministeru pubbliku fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali u jwettaq investigazzjonijiet preliminari fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Yanukovych vs Il-Kunsill, C-598/16 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:786, punt 53). Bl-istess mod, diġà ġie deċiż li provi li jirriżulta mill-UPĠ, sakemm il-kontenut tagħhom ikun biżżejjed preċiż, jistgħu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuni suġġetti ta’ proċeduri kriminali għal misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Yanukovych vs Il-Kunsill, T-346/14, EU:T:2016:497, punt 139), kif, fil-fatt, jammetti r-rikorrent.

76

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ilmenti tar-rikorrent ibbażati fuq l-illegalità, in-natura sproporzjonata u l-assenza ta’ bażi ġuridika tal-kriterju rilevanti għandhom jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

77

Għaldaqstant, għandu jiġi eżamnat jekk il-Kunsill, fl-applikazzjoni għar-rikorrent tal-kriterju rilevanti, interpretat fis-sens indikat b’mod partikolari fil-punt 72 iktar ’il fuq, wettaqx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.

Fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa fl-applikazzjoni tal-kriterju rilevanti għall-każ tar-rikorrent

78

Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-Kunsill, fl-adozzjoni tal-atti kkontestati, ma kellux bażi fattwali solida biżżejjed.

79

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-argumenti tar-rikorrent.

80

Qabel ma jiġu eżaminati fid-dettall l-argumenti ta’ dan tal-aħħar, jaqbel li jsiru kunsiderazzjonijiet preliminari dwar l-istħarriġ ġudizzjarju u dwar l-obbligi tal-Kunsill.

Fuq l-istħarriġ ġudizzjarju u fuq l-obbligi tal-Kunsill

81

Skont il-ġurisprudenza, hija l-qorti tal-Unjoni li għandha, fil-kuntest tal-istħarriġ ġudizzjarju tal-miżuri restrittivi, tirrikonoxxi lill-Kunsill marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ għad-definizzjoni tal-kriterji ġenerali li jiddelimitaw iċ-ċirku ta’ persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali miżuri (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82

Madankollu, l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta jeżiġi li, taħt l-istħarriġ tal-legalità tar-raġunijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni li tinkludi jew li żżomm l-isem ta’ persuna speċifika fuq lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi, il-qorti tal-Unjoni trid tiżgura li din id-deċiżjoni, li hija ta’ importanza individwali għal din il-persuna, hija bbażata fuq bażi fattwali soda biżżejjed. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li huma l-bażi tal-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tax-xebh astratt tal-motivi invokati, iżda jirrigwarda l-kwistjoni ta’ jekk dawn il-motivi, jew, għall-inqas wieħed minnhom meqjus suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex issostanzjati b’mod suffiċjentement preċiż u konkret (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikat, EU:T:2018:166, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83

Skont il-ġurisprudenza, il-Kunsill ma huwiex obbligat li, ex officio u sistematikament, jibda’ l-investigazzjonijiet tiegħu stess jew li jwettaq verifiki sabiex jikseb informazzjoni speċifika addizzjonali, meta huwa diġà jkollu elementi prodotti mill-awtoritajiet ta’ pajjiz terz sabiex jadotta miżuri restrittivi kontra persuni li joriġinaw minn dan il-pajjiż u li hemmhekk huma s-suġġett ta’ proċeduri ġudizzjarji (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 83 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie osservat fil-punt 75 iktar ’il fuq, l-UPĠ huwa wieħed mill-ogħla awtoritajiet ġudizzjarji Ukraini.

85

Ċertament, f’danil-każ, huwa l-Kunsill li kellu jeżamina b’reqqa u imparzjalità l-provi prodotti quddiemu mill-awtoritajiet Ukraini fid-dawl, b’mod partikolari, tal-osservazzjonijiet u tal-eventwali elementi skaġunanti ppreżentati mir-rikorrent. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill huwa suġġett għall-obbligu li josserva l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta, li huwa marbut miegħu, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi kollha rilevanti tal-każ inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86

Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, sabiex jiġu evalwati n-natura, il-mod u l-intensità tal-prova li tista’ tkun meħtieġa mill-Kunsill, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni n-natura u l-portata speċifika tal-miżuri restrittivi kif ukoll tal-għan tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

87

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tad-Deċiżjoni 2014/119 (are l-punt 3 iktar ’il fuq), din taqa’ taħt il-kuntest iktar ġenerali ta’ politika tal-Unjoni ta’ appoġġ lill-awtoritajiet Ukraini intiża sabiex tiffavorixxi l-istabbilizzazzjoni politika tal-Ukraina. Din għalhekk taqdi l-għanijiet tal-PESK, li huma ddefiniti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 21(2)(b) TUE, li jipprevedi li l-Unjoni għandha timplimenta kooperazzjoni internazzjonali biex tikkonsolida u ssostni d-demokrazija, l-Istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata).

88

Huwa f’dan il-kuntest li l-miżuri restrittivi inkwistjoni jipprevedu l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi b’mod partikolari ta’ persuni li ġew identifikati bħala responsabbli għal misapproprjazzjoni ta’ fondi tal-Istat Ukrain. Fil-fatt, il-faċilità tal-irkupru ta’ dawn il-fondi ssaħħaħ u ssostni l-Istat tad-dritt fl-Ukraina (ara l-punti 68 sa 72 iktar ’il fuq).

89

Minn dan isegwi li l-miżuri restrittivi inkwistjoni ma humiex intiżi li jissanzjonaw aġir kundannabbli li possibbilment twettaq mill-persuni kkonċernati, u lanqas ma huma intiżi li jiddiswaduhom, permezz tar-restrizzjoni, milli jwettqu tali aġir. L-uniku għan ta’ dawn il-miżuri huwa li jiffaċilitaw il-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Ukraini, tal-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi mwettqa u li jżommu l-possibbiltà, għal dawn l-awtoritajiet, li jirkupraw il-prodott ta’ tali miżapproprjazzjonijiet. Huma għandhom għalhekk natura purament kawtelatorja (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

90

Għalhekk, il-miżuri restrittivi inkwistjoni, li ġew imposti mill-Kunsill abbażi tal-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikoli 21 u 29 TUE, ma għandhom l-ebda konnotazzjoni kriminali. Dawn għalhekk ma jistgħux jiġu assimilati għal deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ assi adottata minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali ta’ Stat Membru fil-kuntest tal-proċeduri kriminali applikabbli u b’osservanza tal-garanziji mogħtija minn dawn il-proċeduri. Konsegwentement, ir-rekwiżiti imposti fuq il-Kunsill fil-qasam tal-provi li hija bbażata fuqhom l-inklużjoni ta’ isem ta’ persuna fuq il-lista ta’ dawk suġġetti għal iffriżar ta’ assi ma jistgħux ikunu strettament identiċi għal dawk imposti fuq l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali fil-każ imsemmi iktar ’il fuq (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

F’dan il-każ, il-Kunsill għandu jivverifika, minn naħa, sa fejn id-l-informazzjoni mibgħuta mill-UPĠ li fuqha huwa beħsiebu jibbaża ruħu jippermettu li jiġi stabbilit li, kif indikat fil-motivi għall-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-lista inkwistjoni, dan huwa s-suġġett ta’ proċeduri kriminali min-naħa tal-awtoritajiet Ukraini għal fatti li jistgħu jiġu kklassifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi u, min-naħa l-oħra, li dawn il-proċeduri jippermettu li l-aġir tar-rikorrent jiġi kkwalifikat b’mod konformi mal-kriterji rilevanti. Huwa biss f’każ li dawn il-kontrolli ma jkollhomx suċċess, fid-dawl tal-prinċipju ġurisprudenzjali mfakkar fil-punt 85 iktar ’il fuq, li l-Kunsill għandu jagħmel verifiki supplimentari (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92

Barra minn hekk, fil-kuntest tal-kooperazzjoni rregolata mill-atti kkontestati (ara l-punt 87 iktar ’il fuq), fil-prinċipju, ma huwiex il-Kunsill li għandu jeżamina u jevalwa hu stess l-eżattezza u r-relevanza tal-elementi li jibbażaw ruħhom fuqhom l-awtoritajiet Ukraini sabiex imexxu proċeduri kriminali kontra r-rikorrent għal fatti li jistgħu jiġu kkwalifikati bħala misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi. Fil-fatt, kif ġie espost fil-punt 89 iktar ’il fuq, bl-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill ma jipprovax jissanzjona huwa stess il-misapproprjazzjonijiet ta’ fondi pubbliċi investigati mill-awtoritajiet Ukraini, iżda li jżomm l-opportunità, għal dawn l-awtoritajiet, li jikkonstataw l-imsemmija misapproprjazzjonijiet filwaqt li jirkupraw il-prodott tagħhom. Għalhekk huma dawn l-awtoritajiet li għandhom, fil-kuntest ta’ dawn il-proċeduri, jivverifikaw il-provi li fuqhom huma jibbażaw ruħhom u, jekk ikun meħtieġ, li jisiltu minnhom l-konsegwenzi fir-rigward tal-eżitu ta’ dawn il-proċeduri. Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 90 iktar ’il fuq, l-obbligu tal-Kunsill fil-kuntest tal-atti kkontestati ma jistax jitqabbel ma’ dawk tal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali ta’ Stat Membru fil-kuntest ta’ proċedura kriminali ta’ ffriżar ta’ assi, miftuħa b’mod partikolari fil-kuntest tal-kooperazzjoni kriminali internazzjonali (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata).

93

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-punt 77 tas-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2015Ezz et vs Il-Kunsill (C-220/14 P, EU:C:2015:147), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, li huwa l-Kunsill jew il-Qorti Ġenerali li għandu jivverifika mhux il-fondatezza tal-investigazzjonijiet li r-rikorrenti huma s-suġġetti tagħhom, iżda unikament il-fondatezza tad-deċiżjoni ta’ ffriżar tal-fondi fid-dawl tat-talba ta’ għajnuna reċiproka tal-awtoritajiet Eġizzjani.

94

Ċertament, il-Kunsill ma jistax japprova, fiċ-ċirkustanzi kollha, il-konstatazzjonijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji Ukraini li jidhru fid-dokumenti prodotti minn dawn tal-aħħar. Tali aġir ma huwa konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u lanqas, b’mod ġenerali, mal-obbligu li l-instituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom li jirrispettaw id-drittijiet fundamentali fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, abbażi tal-applikazzjoni konġunta tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-Artikolu 51(1) tal-Karta.(ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

95

Madankollu, huwa l-Kunsill li għandu jevalwa, skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża, in-neċessità li jwettaq verifiki addizzjonali, b’mod partikolari, li jitlob lill-awtoritajiet Ukraini jikkomunikawlu provi addizzjonali jekk jirriżulta li dawk diġà prodotti ma humiex suffiċjenti jew koerenti. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li elementi mgħarrfa lill-Kunsill, jew mill-awtoritajiet Ukraini nnifishom, jew b’xi mod ieħor, ma jwasslux sabiex din l-istituzzjoni jkollha dubji dwar in-natura suffiċjenti tal-provi diġà prodotti minn dawn l-awtoritajiet. Barra minn hekk, fil-kuntest tal-possibbiltà li l-persuni kkonċernati għandhom jingħataw sabiex jippreżentaw osservazzjonijiet dwar il-motivi li l-Kunsill beħsiebu jagħti sabiex iżomm isimhom fil-lista inkwistjoni, dawn il-persuni għandhom ikunu jistgħu jippreżentaw tali elementi, jekk mhux saħansitra elementi li jiskaġunaw, ta’ natura li jkunu jeħtieġu li l-Kunsill iwettaq verifiki addizzjonali. B’mod partikolari, għalkemm il-Kunsill ma għandux jissostitwixxi ruħu għall-awtoritajiet ġudizzjarji Ukraini fl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-proċeduri kriminali msemmija fl-ittri tal-UPĠ, ma jistax jiġi eskluż li, fid-dawl b’mod partikolari tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, din l-istituzzjoni tkun obbligata li titlob kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Ukraini fir-rigward tal-elementi li fuqhom huma bbażati dawn il-proċeduri.(ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu evalwati l-argumenti speċifiċi tar-rikorrent.

Fuq in-natura suffiċjenti tal-informazzjoni pprovduta mill-UPĠ

97

Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill għandu l-oneru tal-prova meta jadotta miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna u li kull deċiżjoni meħuda f’dan il-kuntest għandha tkun ibbażata fuq bażi fattwali li hija biżżejjed solida u li tippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ proċedura kriminali li tikkonċerna lil din il-persuna u li tirrigwarda fatti preċiżi sewwa ta’ misapproprjazjoni ta’ fondi, li tista’ timmina il-fondamenti istituzzjonali u ġuridiċi tal-Ukraina. F’dan il-kuntest, ir-rikorrent jenfasizza li l-misapproprjazzjoni ta’ fondi li huwa akkużat biha fl-ittri tal-UPĠ, b’mod partikolari f’dik tal-25 ta’ Lulju 2016, li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill, tirrigwarda beni immobbli li, min-natura tagħhom stess, għadhom jinsabu fl-Ukraina u ma jistgħux jiġu ttrasferiti barra. Din l-ittra ma tipprovdix biżżejjed dettalji u ma tispjegax kif ir-rikorrent seta’ jikseb is-somma ta’ [kunfidenzjali] ta’ hryvnias Ukraini (UAH) li hija msemmija fihom. Għaldaqstant, din l-allegata misapproprjazzjoni tista’ tiġi bblokkata biss b’azzjonijiet meħuda mill-awtoritajiet Ukraini, b’mod li l-iffriżar ta’ fondi tar-rikorrent deċiż mill-Kunsill ma għandu ebda effett fuq din l-allegata misapproprjazzjoni.

98

Ir-rikorrent iżid li l-Kunsill ma jistax jislet argument rilevanti mill-fatt li l-ittra tal-UPĠ tal-25 ta’ Lulju 2016 issemmi li, matul l-investigazzjoni, beni [kunfidenzjali] ġew issekwestrati fuq it-talba tal-investigatur, permezz ta’ deċiżjonijiet tal-qorti distrettwali [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem il-“qorti distrettwali”) meħuda fl-2014 u fl-2015. Fil-fatt, l-unika informazzjoni li tikkonċerna direttament ir-rikorrent hija dwar is-sekwestru [kunfidenzjali], li ma tistax tikkostitwixxi sostenn konvinċenti għal proċedura kriminali relatata ma’ allegata misapproprjazzjoni ta’ beni immobbli ta’ valur ta’ [kunfidenzjali] ta’ UAH.

99

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, isostni li l-misapproprijazzjoni ta’ fondi li huwa akkużat biha r-rikorrent ikkawżat telf għall-fondi jew għall-assi pubbliċi tal-Istat Ukrain. Fil-fatt, dan tal-aħħar ġie pprivat mid-drittijiet ta’ proprjetà tiegħu, mill-użu u mit-tgawdija tal-fondi jew assi misapproprijati, inkluż id-dħul li dawn tal-aħħar setgħu jiġġeneraw, u dan sal-mument meta jingħata rimedju għal din il-misapproprjazzjoni, pereżempju, permezz ta’ deċiżjoni ta’ qorti li ssir definittiva. Barra minn hekk, il-Kunsill jippreċiża li, permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ottubru 2014, il-qorti distrettwali ordnat is-sekwestru [kunfidenzjali].

100

Il-partijiet jaqblu li, fl-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-Kunsill essenzjalment ibbaża ruħu fuq l-informazzjoni li tinsab fl-ittra tal-UPĠ tal-25 ta’ Lulju 2016 u fuq ir-risposta tal-UPĠ.

101

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din l-ittra tinkludi l-informazzjoni msemmija fil-punt 49 iktar ’il fuq.

102

L-UPĠ indika wkoll li l-fatti deskritti fl-ittra inkwistjoni jikkorrispondu għall-ksur kriminali ddefinit fl-Artikolu 191(5) tal-Kodiċi Kriminali Ukrain, dwar il-misapproprjazzjoni ta’ beni ta’ ħaddieħor permezz ta’ kospirazzjoni minsuġa minn grupp ta’ persuni, relatata ma’ ammont partikolarment għoli.

103

Barra minn hekk, l-UPĠ irreleva li, matul l-investigazzjoni, beni [kunfidenzjali] ġew issekwestrati fuq it-talba tal-investigatur, permezz tad-deċiżjonijiet tal-qorti distrettwali tal-2014 u tal-2015.

104

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill, meta adotta l-atti kkontestati, kellu informazzjoni biżżejjed preċiża f’dak li jikkonċerna l-ksur li r-rikorrent kien issuspettat biha u l-istat tal-proċedura relatat magħha.

105

Fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li, f’dan il-każ, din hija kwistjoni ta’ misapproprijazzjoni ta’ beni immobbli, li ma jistgħux, min-natura tagħha stess, jiġu ttrasferiti barra mill-Ukraina, għandu jiġi osservat li l-kriterju rilevanti ma jipprovdix li, sabiex persuna tkun tista’ tiġi inkluża, għandu jkun jeżisti riskju li l-fondi pubbliċi li hija tkun issuspettata li mmisapproprijat jiġu definittivament ittrasferiti barra. Għalhekk, ir-riferiment għall-misapproprijazzjoni ta’ fondi pubbliċi, fil-każ fejn huwa fondat, huwa biżżejjed, waħdu, sabiex jiġu ġġustifikati l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrent (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kunċett ta’ misapproprjazzjoni ta’ fondi pubbliċi jinkludi kwalunkwe att li jikkonsisti fl-użu illeċitu ta’ riżorsi li jappartjenu lill-kollettiv pubbliku, jew li huma mqegħda taħt il-kontroll tagħhom, għal finijiet kuntrarji għal dawk li huma intiżi għalihom dawn ir-riżorsi, b’mod partikolari għal finijiet privati. Sabiex ikun jaqa’ taħt dan il-kunċett, dan l-użu għandu b’hekk ikollu bħala konsegwenza dannu għall-interessi finanzjarji ta’ dawn il-kollettivitajiet u għalhekk li jkunu kkawżaw dannu li jista’ jiġi evalwat f’termini finanzjarji (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

Tali interpretazzjoni, wiesgħa, tal-kunċett inkwistjoni hija neċessarja sabiex jiġi żgurat l-effett utli tad-Deċiżjoni 2014/119, fid-dawl tat-twettiq tal-għanijiet tagħha ta’ tisħiħ tal-Istat tad-dritt fl-Ukraina. Fid-dawl, barra minn hekk, tan-natura purament kawtelatorja tal-miżura inkwistjoni, il-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ta’ legalità tar-reati u tal-pieni, sanċit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 49(1) tal-Karta, minn naħa, u dak tal-preżunzjoni tal-innoċenza, sanċit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta, min-naħa l-oħra, ma humiex applikabbli f’dan il-każ u ma jistgħux, konsegwentement, jipprekludu tali interpretazzjoni wiesgħa (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 109 u l-ġurisprudenza ċċitata).

108

F’dan il-każ, kif irrimarka ġustament il-Kunsill, il-misapproprjazzjoni ta’ fondi jew ta’ assi pubbliċi deskritta fl-ittra tal-25 ta’ Lulju 2016, sakemm tibqa’ teżisti u sakemm ma tkunx ġiet rimedjata, pereżempju permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja li tkun saret definittiva, tikkawża telf għall-Istat Ukrain, li huwa pprivat mid-drittijiet ta’ proprjetà tiegħu, mill-użu u mit-tgawdija fuq il-fondi jew l-assi misapproprjati, inkluż id-dħul li dawn tal-aħħar jistgħu jiġġeneraw (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

Il-fatt li, wara miżuri restrittivi previsti fl-atti kkontestati, il-fondi tar-rikorrent fl-Unjoni huma provviżorjament iffriżati jikkontribwixxi sabiex jiffaċilita x-xogħol tal-awtoritajiet Ukraini li jirkupraw il-fondi u l-assi misapproprijati, fl-ipoteżi fejn ir-rikorrent jiġi kkundannat, u jikkompletaw il-miżuri adottati fil-livell nazzjonali, bħas-sekwestru tal-beni ordnata mill-qorti distrettwali (ara l-punt 103 iktar ’il fuq) (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110

Fil-fatt, fl-ipoteżi fejn l-akkużi kontra r-rikorrent jiġu rrikonoxxuti bħala fondati mill-qrati Ukraini u li dawn jordnaw l-irkupru tal-fondi misapproprijati, dan tal-aħħar jista’ jsir, b’mod partikolari, bl-użu tal-fondi li r-rikorrent jista’ jkun qiegħed fl-Unjoni. F’dan ir-rigward, ma tantx huwa importanti li jkun magħruf jekk dawn l-eventwali fondi joriġinawx mit-tranżazzjoni li hija s-suġġett tal-investigazzjoni li tinvolvi lir-rikorrent, peress li dak li jimporta huwa li jiġi ffaċilitat l-irkupru mill-Istat Ukrain tal-fondi li qatt ma kellhom jittieħdulu (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 112 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, hemm lok li l-argumenti tar-rikorrent jiġu miċħuda.

112

Fit-tieni lok, ir-rikorrent ifakkar li sostna, quddiem il-Kunsill, li l-fatti li huwa akkużat bihom fl-ittra tal-UPĠ tal-25 ta’ Lulju 2016 imorru lura għas-snin 2006 u 2007 u kienu diġà ġew eżaminati fl-2008, minn qrati Ukraini, li ma kienu sabu xejn illegali. Skont ir-rikorrent, għalkemm huwa minnu li l-Kunsill irreaġixxa għal dawn l-argumenti billi għamel domandi lill-UPĠ f’dan ir-rigward, ir-risposti ta’ dan tal-aħħar madankollu ma kienux sodisfaċjenti, b’mod partikolari f’dak li jikkonċerna l-osservanza tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, b’mod li l-Kunsill ma setgħax jikkunsidra li kellu elementi suffiċjenti sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ ismu fuq il-lista inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kunsill ma jistax jakkużah li ma pproduċiex dokumentazzjoni insostenn tal-argumenti tiegħu, peress li huwa l-Kunsill li għandu jiżgura ruħu li għandu bażi fattwali solida biżżejjed.

113

Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, ifakkar li r-rikorrent, meta sostna li l-fatti li huwa akkużat bihom kienu diġà ġew eżaminati minn qrati Ukraini, ma pproduċiex id-deċiżjonijiet ġudizzjarji rilevanti. F’dan ir-rigward, il-Kunsill iqis li kien proattiv, sa fejn talab informazzjoni addizzjonali lill-UPĠ, li, fir-risposti tiegħu għad-domandi tal-Kunsill, ipprovda l-preċiżazzjonijiet neċessarji u indika, b’mod partikolari, li l-fatti inkwistjoni ma kienux ġew evalwati mill-perspettiva tad-dritt kriminali. L-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem hija għaldaqstant eskluża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill kellu bażi fattwali solida biżżejjed sabiex jiġġustifika ż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tar-rikorrent.

114

Għandu jitfakkar li, wara l-argumenti li r-rikorrent kien invoka fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill (T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166), il-Kunsill bagħat ċerti domandi lill-UPĠ, b’mod partikolari sabiex jivverifika jekk, bħalma jallega r-rikorrent, il-fatti li kien akkużat bihom fil-kuntest tal-proċedura kriminali msemmija f’ittra tal-UPĠ tat-30 ta’ Novembru 2015, li tikkoinċidi ma’ dik imsemmija fl-ittra tal-25 ta’ Lulju 2016, kienux imorru lura għall-perijodu 2006-2007 u jekk kienux diġà ġew eżaminati minn qrati Ukraini.

115

Ir-risposti tal-UPĠ għad-domandi tal-Kunsill jinsabu f’dokument ta’ ħidma tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2016. Skont dan id-dokument, l-ewwel nett, it-tranżazzjoni immobbli marbuta mal-misapproprjazzjoni tal-fondi pubbliċi li huwa akkużat biha r-rikorrent seħħet matul is-snin 2006 u 2007 u ġiet ikkonkretizzata minn ftehim ta’ skambju [kunfidenzjali]:

[kunfidenzjali].

[kunfidenzjali].

[kunfidenzjali].

116

Wara li ntbagħtulu mill-Kunsill ir-risposti tal-UPĠ, ir-rikorrent, permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Jannar 2017, irrisponda, b’mod partikolari, li l-iftehim ta’ skambju [kunfidenzjali] kien ġie rikonoxxut bħala li huwa legali minn diversi deċiżjonijiet ta’ qrati Ukraini fl-2008 u 2009, [kunfidenzjali] u mill-qorti distrettwali, li kollha kkonkludew li ma kienx hemm illegalità. Barra minn hekk, ir-rikorrent innota li, fl-2009, l-UPĠ kien ivverifika l-leġittimità tal-azzjonijiet imwettqa, b’mod partikolari minnu, matul il-konklużjoni tal-imsemmi ftehim u rrikonoxxa l-assenza ta’ illegalità.

117

Il-partijiet jaqblu li l-Kunsill, meta qara l-ittra tar-rikorrent tat-13 ta’ Jannar 2017, ma talabx lill-UPĠ informazzjoni supplementari. F’dan ir-rigward, il-Kunsill isostni li seta’ jillimita ruħu sabiex jibbaża ruġu fuq informazzjoni allegatament ċirkostanzjali li l-UPĠ kien diġà pprovdilu, sa fejn ir-rikorrent ma kienx egħmeż mal-ittra tiegħu d-deċiżjonijiet ġudizzjarji li huwa jsemmi.

118

Ir-rikorrent, min-naħa tiegħu, huwa tal-opinjoni li r-risposti tal-UPĠ kienu ġenerali wisq u ma tantx kienu informattivi. Fil-fatt, skont ir-rikorrent, l-UPĠ, għalkemm ikkonferma li l-atti imputati lir-rikorrent, li jmorru lura għall-2006 u 2007, ġew iġġudikati legali, jafferma li l-investigazzjoni li hija għaddejja attwalment ipprovdiet provi ta’ ħtija, mingħajr ma ppreċiża ebda fatt relatat ma’ din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, l-UPĠ ma jindikax ir-raġunijiet għalfejn l-investigazzjoni l-ġdida hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ne bis in idem.

119

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-elementi li r-rikorrent kien sostna, il-Kunsill kellu jindirizza mill-ġdid lill-UPĠ, b’applikazzjoni tal-prinċipji mfakkra fil-punt 94 u 95 iktar ’il fuq.

120

Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Kunsill, l-elementi li kellu ma kienux jippermettulu li jeskludi li l-proċedura kriminali li kien ibbaża ruħu fuqha għaż-żamma tal-miżuri restrittivi li kienu jikkonċernaw lir-rikorrent kienu jmorru kontra l-prinċijpu ta’ ne bis in idem.

121

F’dan il-kuntest, l-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li, fl-ittra tat-13 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent kien irrefera mhux biss għal deċiżjonijiet ta’ qrati ekonomiċi jew amministrattivi, iżda wkoll għal deċiżjoni tal-qorti distrettwali, jiġifieri l-istess qorti bħal dik li hija msemmija fl-ittra tal-UPĠ tal-25 ta’ Lulju 2016.

122

[kunfidenzjali].

123

It-tielet nett, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ne bis in idem huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li japplika indipendentement minn kwalunkwe test (sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2001, X vs BĊE, T-333/99, EU:T:2001:251, punt 149).

124

F’dak li jikkonċerna l-qrati tal-Istati Membri, dan il-prinċipju huwa rrikonoxxut fl-Artikolu 50 tal-Karta.

125

Barra minn hekk, jaqbel li jsir riferiment għall-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 7 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, intitolat, “Id-dritt li persuna ma tiġix ipproċessata jew ikkastigata darbtejn”, li jipprovdi dawn li ġej:

“1.   Ħadd ma jista’ jkun ipproċessat jew jerġa’ jiġi kkastigat għal darb’oħra fi proċedimenti kriminali taħt il-ġurisdizzjoni tal-istess Stat għal xi reat li dwaru jkun diġà ġie finalment liberat jew misjub ħati skont il-liġi u l-proċedura penali ta’ dak l-Istat.

2.   Id-disposizzjonijiet tal-paragrafu preċedenti ma għandhomx iżommu milli l-każ jerġa’ jinfetaħ skont il-liġi u l-proċedura penali tal-Istat inkwistjoni, jekk ikun hemm provi ta’ xi fatti ġodda jew li jkunu għadhom kif ġew żvelati, jew inkella jekk ikun ħemm xi vizzju fondamentali fil-proċedimenti ta’ qabel, li jista’ jkollhom effett fuq kif jiżvolġi l-każ.”

126

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmi protokoll huwa applikabbli għall-Ukraina.

127

Skont il-ġurisprudenza, huwa possibbli li deċiżjoni, minn awtorità mitluba tipparteċipa fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali fl-ordinament ġuridiku nazzjonali kkonċernat, li jitwaqqfu l-proċeduri kriminali kontra akkużat, taħt ċerti kundizzjonijiet, ikollha l-effett li l-azzjoni pubblika tkun definittivament estinta. F’tali ipoteżi, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi kkunsidrata bħala li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ne bis in idem, u dan minkejja l-fatt li ebda qorti ma tintervjeni fil-kuntest ta’ tali proċedura u li d-deċiżjoni meħuda fit-tmiem tagħha ma għandhiex il-forma ta’ sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Frar 2003, Gözütok u Brügge, C-187/01 u C-385/01, EU:C:2003:87, punti 27 sa 31). Min-naħa l-oħra, il-prinċipju ta’ ne bis in idem ma jistax jiġi applikat għal deċiżjoni li biha awtorità ta’ Stat Membru, wara li teżamina l-merti tal-kawża quddiemha, tagħmel ordni, fi stadju qabel l-inkriminazzjoni ta’ persuna ssuspettata b’reat, li tissospendi l-proċeduri kriminali, fejn id-deċiżjoni ta’ sospensjoni, skont id-dritt nazzjonali ta’ dan l-Istat, ma ttemmx definittivament l-azzjoni pubblika u għalhekk ma tikkostitwixxix ostaklu għal proċeduri kriminali ġodda, għall-istess fatti, f’dan l-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Turanský, C-491/07, EU:C:2008:768, punt 45).

128

Fid-dawl tal-osservazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-informazzjoni li l-Kunsill kellu, abbażi tar-risposti tal-UPĠ, meta adotta l-atti kkontestati, ma kinitx tippermettilu li jistabbilixxi jekk il-proċedura kriminali li tikkonċerna lir-rikorrent, li l-eżistenza tagħha kienet il-bażi għaż-żamma tal-miżuri restrittivi fil-konfront tiegħu, kinitx tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem, peress li l-Kunsill ma kienx jaf x’kien il-kontenut tad-deċiżjoni tal-qorti distrettwali u tad-deċiżjonijiet tal-UPĠ imsemmija mir-rikorrent fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2017.

129

Issa, minkejja li ma huwiex il-Kunsill li għandu jivverifika l-fondatezza tal-proċeduri kriminali pendenti fl-Ukraina (ara l-punti 91 sa 93 iktar ’il fuq), u lanqas ma huwa kompitu tiegħu li jevalwa l-konformità ta’ dawn il-proċeduri mar-regoli proċedurali applikabbli skont id-dritt Ukrain (ara s-sentenza tat-22 ta’ Marzu 2018, Stavytskyi vs Il-Kunsill, T-242/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:166, punt 134), dan madankollu għandu jiżgura li l-proċedura kriminali li fuqha jibbaża ruħu sabiex iżomm miżuri restrittivi fil-konfront ta’ persuna ma tkunx tmur kontra l-prinċipju ta’ ne bis in idem, sakemm il-persuna kkonċernata tipprovdilu elementi li jistgħu jħallu dubju f’dan ir-rigward.

130

Għalkemm huwa minnu li, fl-ittra tiegħu tat-13 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent ma semmiex espressament il-prinċipju ta’ ne bis in idem u lanqas ma pproduċa d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet Ukraini li jistgħu juru li l-proċedura li huwa s-suġġett tagħha tmur kontra dan il-prinċipju, xorta jibqa’ l-fatt li l-informazzjoni li pprovda kienet suffiċjenti sabiex toħloq l-obbligu għall-Kunsill li jitlob lill-UPĠ informazzjoni addizzjonali, fid-dawl ukoll tal-kontenut tar-risposti li dan tal-aħħar kien diġà pprovdilu u li kienu jsemmu, b’mod partikolari, il-fatt li l-awtoritajiet responsabbli mill-proċeduri kienu ddeċidew li ma jiftħux investigazzjoni kriminali (ara l-punt 115 iktar ’il fuq).

131

F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li l-kwistjoni ma hijiex dwar jekk, fid-dawl tal-elementi pprovduti lill-Kunsill, dan kellux itemm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fuq il-lista minħabba l-fatt li l-proċedura kriminali li tikkonċernah kienet tikser il-prinċipju ta’ ne bis in idem, iżda sempliċement dwar jekk kellux jieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi u jwettaq verifiki addizzjonali jew jitlob kjarifiki mingħand l-awtoritajiet Ukraini. Għalhekk, huwa suffiċjenti li l-imsemmija elementi jkunu ta’ natura li jqajmu dubji leġittimi dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjoni u s-suffiċjenza tal-informazzjoni trażmessa mill-UPĠ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2018, Klyuyev vs Il-Kunsill, T-731/15, EU:T:2018:90, punt 242).

132

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fl-adozzjoni tal-atti kkontestati, ir-rikorrent kien is-suġġett tal-miżuri restrittivi inkwistjoni sa minn diversi snin, u dan dejjem minħabba l-eżistenza tal-istess proċedura kriminali mmexxija mill-UPĠ. F’tali kuntest, minn naħa, l-UPĠ kellu, bħala regola, jkun kapaċi jipprovdi lill-Kunsill l-informazzjoni addizzjonali kollha li dan tal-aħħar seta’ jkollu bżonn u, min-naħa l-oħra, il-Kunsill kellu jikkunsidra ruħu li kellu japprofondixxi iktar il-kwistjoni tal-ksur possibbli ta’ prinċipju fundamentali, bħall-prinċipju ta’ ne bis in idem, mill-awtoritajiet Ukraini, għad-detriment tar-rikorrent.

133

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adotta l-atti kkontestati mingħajr ma talab lill-awtoritajiet Ukraini informazzjoni addizzjonali, li huwa biżżejjed sabiex jiġu annullati dawn l-atti f’dak li jikkonċerna lir-rikorrent, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra.

134

Fir-rigward tat-talba mressqa sussidjarjament mill-Kunsill (ara l-t-tieni inċiż tal-punt 36 iktar ’il fuq), intiża, essenzjalment, għaż-żamma tal-effetti tad-Deċiżjoni 2017/381 sal-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata ta’ appell u, fil-każ fejn jiġi ppreżentat appell, sakemm tingħata d-deċiżjoni dwar dan, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2017/381 pproduċiet effetti biss sas-6 ta’ Marzu 2018. Konsegwentement, l-annullament tagħha permezz ta’ din is-sentenza ma għandu l-ebda konsegwenza fuq il-perijodu ta’ wara din id-data, b’mod li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq il-kwistjoni taż-żamma tal-effetti ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 2018, Arbuzov vs Il-Kunsill, T-258/17, EU:T:2018:331, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Fuq l-ispejjeż

135

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kunsill tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti.

136

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-istituzzjonijiet li jintervjenu fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. B’hekk, il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/381 tat-3 ta’ Marzu 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/374 tat-3 ta’ Marzu 2017 li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 208/2014 dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna huma annullati sa fejn Edward Stavytskyi inżamm fuq il-lista ta’ persuni, entitajiet u korpi li għalihom japplikaw dawn il-miżuri restrittivi

 

2)

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti minn E. Stavytskyi.

 

3)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Berardis

Spielmann

Csehi

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-30 ta’ Jannar 2019.

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

( 1 ) Data kunfidenzjali moħbija.