SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)
3 ta’ Mejju 2018 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità - Trade mark tridimensjonali tal-Unjoni Ewropea - Forma ta’ parti ta’ proteżi tal-ġenbejn - Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea li tirrappreżenta parti ta’ proteżi tal-ġenbejn - Trade mark tal-Unjoni Ewropea li tikkonsisti fi sfumatura ta’ roża - Irtirar tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità u għeluq tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità - Rikors tal-proprjetarju ta’ trade mark intiż għall-annullament tad-deċiżjonijiet ta’ għeluq - Inammissibbiltà tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell - Artikolu 59 tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) 2017/1001)”
Fil-Kawżi magħquda T‑193/17, T‑194/17 u T‑195/17,
CeramTec GmbH, stabbilita fi Plochingen (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn A. Renck u E. Nicolás Gómez, sussegwentement minn A. Renck, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija,
C5 Medical Werks, stabbilita fi Grand Junction, Colorado (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn S. Naumann, avukat,
li għandhom bħala suġġett rikorsi ppreżentati kontra d-deċiżjonijiet tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tal‑15 ta’ Frar 2017 (Każijiet R 929/2016‑4, R 928/2016‑4 u R 930/2016‑4), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn C5 Medical Werks u CeramTec,
IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),
komposta minn A. M. Collins, President, R. Barents u J. Passer (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,
wara li rat ir-rikorsi ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tas‑27 ta’ Marzu 2017,
wara li rat ir-risposti għall-appell tal-EUIPO ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Ġunju 2017,
wara li rat ir-risposti għall-appell tal-intervenjenti ippreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑7 ta’ Ġunju 2017,
wara li rat id-deċiżjoni tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑14 ta’ Diċembru 2017 li tgħaqqad il-Kawżi T‑193/17 sa T‑195/17 għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tad-deċiżjoni f’din l-istanza,
wara s-seduta tas‑17 ta’ Jannar 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
|
1 |
Ir-rikorrenti, CeramTec GmbH, hija l-proprjetarja tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea li ġejjin:
|
|
2 |
Dawn it-trade marks ġew irreġistrati, rispettivament, fl‑20 ta’ Ġunju, fit‑12 ta’ April u fis‑26 ta’ Marzu 2013 mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) abbażi tal-karattru distintiv miksub permezz tal-użu bħala trade marks tal-Unjoni Ewropea għall-prodotti li jaqgħu fil-klassi 10 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal‑15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u li jikkorrispondu għad-deskrizzjoni li ġejja: “Partijiet magħmula miċ-ċeramika għal impjanti għall-osteosinteżi, sostituti għall-uċuħ ortopediċi, retratturi għall-għadam; boċċi għal ġogi tal-ġenbejn, forom/pjanċi għal ġogi tal-ġenbejn u għal partijiet tal-ġogi tal-irkoppa; il-prodotti kollha hawn fuq iċċitati għall-bejgħ lill-manifatturi ta’ impjanti”. |
|
3 |
Fil‑31 ta’ Jannar 2014, l-intervenjenti, C5 Medical Werks, ressqet, bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas‑26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)), talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fir-rigward tat-trade marks tar-rikorrenti (iktar ’il quddiem it-“trade marks ikkontestati”) quddiem l-EUIPO. Dawn it-talbiet kienu bbażati fuq ir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(1)(a) sa (e) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(a) sa (e) tar-Regolament 2017/1001), kull dispożizzjoni moqrija flimkien mal-Artikolu 52(1)(a) ta’ dak ir-regolament (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), kif ukoll fuq ir-raġuni tal-mala fide, fis-sens tal-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(b) tar-Regolament 2017/1001). |
|
4 |
L-intervenjenti ressqet it-talbiet tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità f’risposta għal żewġ azzjonijiet għall-ksur li ġew mibdija mir-rikorrenti abbażi tat-trade marks ikkontestati fil‑11 u fit‑13 ta’ Diċembru 2013 rispettivament, quddiem il-Landgericht Stuttgart (il-Qorti Reġjonali ta’ Stuttgart, il-Ġermanja) u t-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi, Franza). |
|
5 |
Fis‑7 ta’ April 2016, l-intervenjenti informat lill-EUIPO li, fil‑15 ta’ Frar 2016, bi tweġiba għall-azzjonijiet ta’ ksur quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi), hija kienet ressqet kontrotalba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tat-trade marks ikkontestati u li kienet qiegħda tirtira t-talbiet tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-EUIPO, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni legali ulterjuri. |
|
6 |
Fil‑21 ta’ April 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni għalqet il-każijiet u kkundannat lill-intervenjenti għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti għall-finijiet tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
7 |
Fid‑19 ta’ Mejju 2016, ir-rikorrenti ppreżentat tliet appelli kontra d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, li temmew il-każijiet, billi sostniet b’mod partikolari li l-għeluq tal-proċedimenti wara r-rinunzja tal-intervenjenti kien jirrikjedi l-kunsens tagħha, li l-irtirar seħħ fi stadju avvanzat tal-proċedimenti u li hija kienet ġiet miċħuda mill-possibbiltà li tikseb deċiżjoni pożittiva dwar il-validità tat-trade marks ikkontestati. Barra minn hekk, dan l-irtirar jikkostitwixxi abbuż ta’ proċedura. |
|
8 |
Permezz ta’ tliet deċiżjonijiet mogħtija fil‑15 ta’ Frar 2017, rispettivament, fil-Każijiet R 929/2016‑4, R 928/2016‑4 u R 930/2016‑4 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), ir-Raba’ Bord tal-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti bħala inammissibbli, billi kkunsidra li d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal‑21 ta’ April 2016 kienu laqgħu t-talbiet tar-rikorrenti. |
|
9 |
Essenzjalment, il-Bord tal-Appell ikkonstata li d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal‑21 ta’ April 2016 ma kellhom l-ebda konsegwenza negattiva għall-istatus tat-trade marks ikkontestati u li dawn ma kinux jikkostitwixxu “deċiżjoni[jiet] li ma [jilqgħux] il-pretensjonijiet ta’ parti”, sa fejn it-trade marks kienu rreġistrati fir-reġistru tal-EUIPO u fejn l-intervenjenti kienet ġiet ikkundannata għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti. |
|
10 |
Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell qies li t-talbiet tal-irtirar kienu ġew ifformulati f’konformità mar-regoli tal-proċedura u li kellhom l-effett li jċaħħdu l-azzjonijiet għad-dikjarazzjoni ta’ invalidità tas-suġġett tagħhom. Barra minn hekk, l-Artikolu 56(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 2017/1001) ma jippermettix lill-proprjetarju ta’ trade mark li jitlob dikjarazzjoni pożittiva dwar il-validità tat-trade mark tiegħu. |
|
11 |
Barra minn hekk, l-ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 207/2009 jew tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 tat‑13 ta’ Diċembru 1995 li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) (imħassar bir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1430 tat‑18 ta’ Mejju 2017, li jissupplimenta r-Regolament Nru 207/2009 u jħassar ir-Regolamenti Nru 2868/95 u (KE) Nru 216/96 (ĠU 2017, L 205, p. 1)), ma ssostni li l-irtirar tal-parti l-oħra tirrikjedi l-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata. L-argumenti għall-kuntrarju tar-rikorrenti bbażati, minn naħa, fuq it-teorija li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità jkomplu wara rinunzja tat-trade mark ikkontestata u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li l-applikazzjoni tal-prinċipji tad-dritt proċedurali ġeneralment irrikonoxxuti mill-Istati Membri huma prinċipji li għalihom issir referenza fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 107 tar-Regolament Nru 2017/1001), jirrigwardaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk ma humiex komparabbli. |
|
12 |
Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li l-preżentazzjoni, mill-intervenjenti, tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma tistax tkun inġusta, peress li dawn it-talbiet kienu ġew imressqa fl-ewwel lok, u li l-irtirar tagħhom fi stadju iktar tard kien saħansitra inqas probabbli li jkun ta’ natura inġusta. Skont il-Bord tal-Appell, kull “inkonvenjent” marbut mal-ammont tal-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti kien kopert mill-Artikolu 85(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 109(4) tar-Regolament Nru 2017/1001). |
It-talbiet tal-partijiet
|
13 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
14 |
L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
|
15 |
L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
|
16 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati fuq il-ksur tal-Artikoli 59 u 75 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 67 u 94 tar-Regolament 2017/1001), minn naħa, u tal-Artikoli 75 u 83 tar-Regolament Nru 207/2009, min-naħa l-oħra. |
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 59 u 75 tar-Regolament Nru 207/2009
Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ deċiżjoni li ma tilqax it-talbiet ta’ parti
|
17 |
L-ewwel motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell interpretat il-kunċett ta’ deċiżjoni li ma tilqax it-talbiet ta’ parti b’mod żbaljat. Il-Bord tal-Appell ma ħax kont tal-konsegwenzi negattivi marbuta mal-assenza ta’ deċiżjoni definittiva dwar il-mertu, li, bl-awtorità tagħha ta’ res judicata, tipprevjeni li titressaq talba ġdida għal dikjarazzjoni ta’ invalidità konformement mal-Artikolu 56(3) u mal-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 63(3) u l-Artikolu 128(2) tar-Regolament 2017/1001). Għaldaqstant, ir-rikorrenti ġiet imċaħħda mill-interess sabiex jitkomplew il-proċedimenti quddiem l-EUIPO u miċ-ċertezza legali li żżomm lill-intervenjenti milli tippreżenta rikors identiku quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi). |
|
18 |
F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tinvoka b’mod partikolari s-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI (C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punti 39 sa 44), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-konsegwenzi negattivi marbuta mal-assenza ta’ deċiżjoni finali fuq il-mertu, wara rinunzja ta’ trade mark, kienu rilevanti meta jkun qiegħed jiġi evalwat l-interess tar-rikorrenti li jitkomplew l-proċedimenti. |
|
19 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
20 |
Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009, “[k]ull parti fi proċedimenti li tiġi milquta b’mod żvantaġġuż minn deċiżjoni tista’ tappella”. |
|
21 |
Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, meta deċiżjoni tilqa’ l-appell ta’ parti, din tal-aħħar ma għandhiex dritt tippreżenta appell kontra l-imsemmija deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
22 |
Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li r-rikorrent għandu jkollu interess li jara l-annullament tal-att ikkontestat (sentenzi tal‑14 ta’ Settembru 1995, Antillean Rice Mills et vs Il‑Kummissjoni, T‑480/93 u T‑483/93, EU:T:1995:162, punt 59, u tas‑16 ta’ Settembru 2004, Metro‑Goldwyn‑Mayer Lion vs UASI – Moser Grupo Media (Moser Grupo Media), T‑342/02, EU:T:2004:268, punt 44). Tali interess huwa preżenti biss jekk l-annullament ta’ dan l-att jista’, fih innifsu, ikollu konsegwenzi legali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il‑Kummissjoni, 53/85, EU:C:1986:256, punt 21). |
|
23 |
Fil-punti 12 u 14 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-Bord tal-Appell qies, ġustament, li d-deċiżjonijiet li permezz tagħhom id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet għalqet il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma kinux ta’ ħsara lir-rikorrenti, sakemm it-trade marks ikkontestati jibqgħu rreġistrati fir-reġistru tal-EUIPO. Kien ukoll ġust li l-Bord tal-Appell ikkunsidra li, minħabba l-irtirar tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, il-każijiet ma kienx għad għandhom skop u għalhekk ma kienx iktar neċessarju li espliċitament jiċħad dawn it-talbiet. |
|
24 |
Madankollu, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell li ma ħax inkunsiderazzjoni “konsegwenzi negattivi oħra” li l-għeluq tal-proċedimenti neċessarjament jinvolvu. Fil-fatt, hija kisbet riżultat li kien inqas minn dak imsemmi fit-talbiet tagħha, peress li kienet tkun biss deċiżjoni definittiva fuq il-mertu li kienet tippermetti li tiġi evitata talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità oħra milli tkun imressqa mill-istess parti kontra l-istess trade mark abbażi tal-istess argumenti quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi). |
|
25 |
Ir-rikorrenti tibbaża r-raġunament tagħha fuq it-teorija tat-tkomplija tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità wara rinunzja tat-trade mark ikkontestata, kif jirriżulta mis-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI (C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punti 39 sa 44). |
|
26 |
Madankollu, din il-ġurisprudenza ma tapplikax f’dan il-każ, kif ikkonstata ġustament il-Bord tal-Appell fil-punt 19 tad-deċiżjonijiet ikkontestati. |
|
27 |
Fil-fatt, kuntrarjament għal dawn il-każijiet, is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI (C‑552/09 P, EU:C:2011:177), tikkonċerna l-pożizzjoni proċedurali ta’ min jitlob dikjarazzjoni ta’ invalidità, u mhux dik tal-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata. Kif l-EUIPO ġustament ikkonstata, f’dan il-każ kienet it-trade mark ikkontestata, u mhux it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, li ġiet irtirata. |
|
28 |
Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI (C‑552/09 P, EU:C:2011:177), ir-rinunzja tat-trade mark ikkontestata ma kinitx, fiha nnifisha, tali li ċċaħħad minn kull skop l-appell ippreżentat mill-appellanti u li din kien għad kellha interess li tikseb l-annullament kemm tas-sentenza appellata kif ukoll tad-deċiżjoni kkontestata, peress li l-effetti tar-rinunzja u dawk ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità ma humiex l-istess. Fil-fatt, filwaqt li trade mark tal-Unjoni Ewropea li kienet is-suġġett ta’ rinunzja tieqaf milli jkollha effett biss mid-data tar-reġistrazzjoni ta’ din ir-rinunzja, trade mark tal-Unjoni Ewropea li tiġi ddikjarata bħala invalida titqies bħallikieku ma kellha ebda effett mill-bidu, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal‑20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146) (li sar l-Artikolu 55(2) tar-Regolament Nru 207/2009, li huwa stess sar l-Artikolu 62(2) tar-Regolament 2017/1001). Għaldaqstant, ir-rikors jista’ jikseb benefiċċju għar-rikorrenti (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C‑552/09 P, EU:C:2011:177, punti 42 sa 44). |
|
29 |
F’dan il-każ, jekk ir-rikorrenti kienet kisbet iċ-ċaħda tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, din ma kellha l-ebda konsegwenza legali għall-istatus tat-trade marks ikkontestati, liema trade marks jibqgħu rreġistrati fir-reġistru tal-EUIPO, u dan mid-data li fiha huma kienu ġew irreġistrati. |
|
30 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti interpretat is-sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI (C‑552/09 P, EU:C:2011:177) b’mod żbaljat meta ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dik il-kawża, li l-“konsegwenzi negattivi oħra” li jirriżultaw mill-assenza ta’ deċiżjoni definittiva fuq il-mertu kienu rilevanti sabiex jiġi evalwat l-interess ġuridiku fil-kuntest tat-tkomplija tal-proċedimenti. Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat, kif ġie indikat fil-punt 28 iktar ’il fuq, li trade mark li tiġi ddikjarata bħala invalida titqies bħallikieku ma kellha ebda effett mill-bidu, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 54(2) tar-Regolament Nru 40/94, bil-konsegwenzi legali kollha li tali invalidità ġġib magħha. |
|
31 |
Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li kellha interess fit-tkomplija tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità minħabba proċedimenti paralleli quddiem il-qrati nazzjonali jmur kontra l-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li l-interess li l-att ikkontestat jiġi annullat għandu jkun reali u attwali (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il‑Kummissjoni, T‑138/89, EU:T:1992:95, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata) u għandu jiġi evalwat fil-jum meta jiġi ppreżentat ir-rikors (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 1963, Forges de Clabecq vs Haute Autorité, 14/63, EU:C:1963:60, p. 748, u tal‑25 ta’ Marzu 2015, Evropaïki Dynamiki vs AESA, T‑297/09, mhux ippubblikata, EU:T:2015:184, punt 41). Jekk l-interess invokat minn rikorrent jikkonċerna sitwazzjoni legali futura, huwa għandu jistabbilixxi li l-preġudizzju għal din is-sitwazzjoni futura diġà huwa ċert. Għaldaqstant, rikorrent ma jistax jinvoka sitwazzjonijiet futuri u inċerti biex jiġġustifika l-interess tiegħu sabiex jitlob l-annullament tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 1992, NBV u NVB vs Il‑Kummissjoni, T‑138/89, EU:T:1992:95, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
32 |
Fil-fatt, l-annullament tad-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal‑21 ta’ April 2016 ma kienx neċessarjament iwassal għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni favorevoli dwar il-mertu tal-validità tat-trade marks ikkontestati, u għalhekk l-interess li tgħid li għandha r-rikorrenti jikkonċerna sitwazzjoni ġuridika futura u inċerta. |
|
33 |
Mill-istess perspettiva, kif il-Bord tal-Appell ġustament irrileva fil-punt 15 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, il-kwistjoni dwar jekk id-deċiżjoni tilqax it-talbiet tar-rikorrenti għandha tiġi evalwata b’rabta ma’ dawn il-proċedimenti, u mhux b’rabta jew flimkien ma’ proċedimenti oħra. Konsegwentement, għandu jiġi approvat ir-raġunament tal-Bord tal-Appell li l-eżistenza ta’ proċedimenti oħra quddiem il-qrati tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea ma għandhiex effett fuq il-kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà tar-rikorsi quddiemha. |
|
34 |
Fl-aħħar nett, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għall-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-irtirar tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma kellux awtorità ta’ res judicata fil-kuntest tal-proċedura quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi). Fil-fatt, kif ġie rrilevat mill-EUIPO, l-osservazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar it-teorija tal-awtorità ta’ res judicata ġew invokati għall-finijiet ta’ kompletezza u ma għandhomx effett fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata. |
|
35 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-Bord tal-Appell ma wettaqx żball ta’ liġi meta kkonkluda li d-deċiżjonijiet tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħu t-talbiet tar-rikorrenti fis-sens tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
36 |
B’hekk, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda. |
Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti
|
37 |
Fil-punt 54 tar-rikorsi, ir-rikorrenti tistaqsi jekk il-Bord tal-Appell għamilx effettivament referenza għall-kundizzjoni ta’ ammissibbiltà tal-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 207/2009 li tuża l-kunċett “adversely affected” (affettwat b’mod żvantaġġuż), minkejja li hija kienet irreferiet diversi drabi għall-espressjoni “negatively affected” (affettwat b’mod negattiv). |
|
38 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tikkritika lill-Bord tal-Appell talli ma evalwatx biżżejjed l-argumenti dwar il-konsegwenzi negattivi marbuta mal-assenza ta’ deċiżjonijiet finali fuq il-mertu. |
|
39 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw dawn l-argumenti. |
|
40 |
Għandu jitfakkar li l-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi l-obbligu tal-EUIPO li jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tiegħu. Skont il-ġurisprudenza, dan l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu l-istess portata bħal dak li jirriżulta mill-Artikolu 296 TFUE, li skontu r-raġunament tal-awtur tal-att għandu jidher b’mod ċar u inekwivoku, u jkollu bħala għan doppju li jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex jiddefendu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti tal-Unjoni Ewropea teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni (ara s-sentenzi tas‑6 ta’ Settembru 2012, Storck vs UASI, C‑96/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:537, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑2 ta’ April 2009, Zuffa vs UASI (ULTIMATE FIGHTING CHAMPIONSHIP), T‑118/06, EU:T:2009:100, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
|
41 |
Dan huwa l-każ hawnhekk. Fil-fatt, mill-punti 12 sa 16 tad-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll mit-titolu tagħhom, jiġifieri “Appellant not adversely affected”, jirriżulta li l-espressjoni “negatively affected” ġiet użata mill-Bord tal-Appell sabiex jiġi spjegat il-kunċett ta’ deċiżjoni li ma tilqax it-talbiet ta’ parti. Peress li r-rikorrenti kienet kapaċi tibni r-raġunament tagħha dwar dan il-kunċett, b’mod partikolari fil-Parti A tar-rikorsi tagħha, għandu jiġi kkonstatat li din għalhekk fehmet il-ġustifikazzjonijiet mogħtija mill-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward fid-deċiżjonijiet ikkontestati. |
|
42 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Bord tal-Appell talli mmotivat id-deċiżjonijiet ikkontestati b’mod insuffiċjenti f’dak li jirrigwarda l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-assenza ta’ deċiżjoni definittiva fuq il-mertu, peress li t-teorija tat-tkomplija tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità wara rinunzja għat-trade mark ikkontestata, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza (sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2011, Ferrero vs UASI, C‑552/09 P, EU:C:2011:177), ma hijiex applikabbli f’dan il-każ. |
|
43 |
Minn dan isegwi li l-motivazzjoni tal-Bord tal-Appell ippermettiet lir-rikorrenti li tifhem ir-raġunijiet li fuqhom kienu bbażati d-deċiżjonijiet ikkontestati u lill-Qorti Ġenerali li tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-mertu tal-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell f’dan ir-rigward. |
|
44 |
Għalhekk, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandu jiġi miċħud ukoll, u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu. |
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 75 u 83 tar-Regolament Nru 207/2009
Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ prinċipji ta’ liġi proċedurali li jkunu ġeneralment irrikonoxxuti fl-Istati Membri
|
45 |
It-tieni motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell interpreta b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “prinċipji ta’ liġi proċedurali” prevista fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009. |
|
46 |
Ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq dan l-artikolu sabiex jiġi kkunsidrat li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet fir-Regolament Nru 207/2009 rigward l-irtirar unilaterali ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, għandu jiġi applikat prinċipju ġeneralment irrikonoxxut fl-Istati Membri, li skontu ma huwiex possibbli li tintemm it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, irrispettivament mill-istadju tal-proċedimenti. |
|
47 |
Il-Bord tal-Appell kien żbaljat meta eskluda l-applikazzjoni tal-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 għas-sempliċi raġuni li l-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem l-uffiċċji tat-trade marks nazzjonali ma kinux previsti f’ċerti Stati Membri tal-Unjoni u li l-prinċipji applikabbli fil-proċeduri ġudizzjarji ma setgħux jiġu trasposti għall-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell. |
|
48 |
Fi kwalunkwe każ, il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata huwa dejjem meħtieġ meta l-irtirar iseħħ fi stadju avvanzat tal-proċedimenti, u dan sabiex jiġi evitat li l-għeluq tal-proċedimenti jiġi użat b’mod inġust mill-parti li tirrinunzja għall-atti. |
|
49 |
L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti. |
|
50 |
L-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 jipprevedi li, fl-assenza ta’ dispożizzjoni proċedurali fl-imsemmi regolament, fir-regolament ta’ implimentazzjoni, fir-regolamenti dwar miżati jew fir-regoli tal-proċedura tal-Bordijiet tal-Appell, l-EUIPO għandu jimxi fuq il-prinċipji ġeneralment irrikonoxxuti fil-qasam fl-Istati Membri. Din id-dispożizzjoni tapplika biss fil-każ ta’ nuqqas jew ta’ ambigwità tad-dispożizzjonijiet proċedurali (sentenzi tat‑3 ta’ Diċembru 2009, Iranian Tobacco vs UASI – Ad Bulgartabac (Bahman), T‑223/08, mhux ippubblikata, EU:T:2009:481, punt 26, u tat‑13 ta’ Settembru 2010, Travel Service vs UASI – Eurowings Luftverkehr (smartWings), T‑72/08, mhux ippubblikata, EU:T:2010:395, punt 76). |
|
51 |
Għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, jeżistu dispożizzjonijiet proċedurali dwar din il-kwistjoni. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell ġustament isemmi espressament, fil-punt 18 tad-deċiżjonijiet ikkontestati, l-Artikolu 85(3) tar-Regolament Nru 207/2009, li jittratta b’mod espliċitu l-konsegwenzi tal-irtirar ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Dan l-artikolu jipprevedi li l-parti li għandha ttemm proċedimenti bl-irtirar tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità għandha tħallas it-taxxi kif ukoll l-ispejjeż sostnuti mill-parti l-oħra. Kif irrileva ġustament l-EUIPO, l-għan ewlieni ta’ din id-dispożizzjoni jista’ biss jiġi spjegat permezz tar-rieda tal-leġiżlatur li jagħti natura unilaterali lill-irtirar ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
|
52 |
Barra minn hekk, id-Deċiżjoni 2009‑1 tas‑16 ta’ Ġunju 2009 tal-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell dwar l-istruzzjonijiet lill-partijiet fil-proċedimenti quddiem il-Bordijiet tal-Appell ma tipprevedi ebda limitu fuq l-irtirar ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, iżda sempliċement tistabbilixxi fil-Kapitolu II, l-“Ammissibbiltà tal-appell”, Taqsima 1, l-“Irtirar”, punt 3, li l-partijiet jistgħu jirtiraw it-“talba għal annullament” tagħhom. |
|
53 |
Filwaqt li dawn l-istruzzjonijiet ma humiex espressament imsemmija fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009, dawn ġew adottati skont ir-Regoli tal-Proċedura tal-Bordijiet tal-Appell, li għalihom issir referenza fl-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-istruzzjonijiet lill-partijiet fil-kuntest ta’ tilwima fil-qasam ta’ trade marks bl-istess mod għar-Regolament Nru 207/2009 u r-regolament ta’ implimentazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑30 ta’ Jannar 2014, Fercal vs UASI, C‑324/13 P, mhux ippubblikat, EU:C:2014:60, punt 11). |
|
54 |
Għaldaqstant, ir-rikorrenti ma tistax tinvoka dispożizzjonijiet nazzjonali mhux koordinati dwar l-irtirar ta’ talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità quddiem il-Bord tal-Appell u, fl-istess ħin, tinjora l-istruzzjonijiet lill-partijiet, li l-partijiet huma mitluba “jsegwu bir-reqqa sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedimenti”, skont il-punt 2 ta’ dawk l-istruzzjonijiet. |
|
55 |
Fl-aħħar nett, il-punt 7.3.2, taħt it-Titolu D “Kanċellazzjoni”, Taqsima 1 “Kwistjonijiet Proċedurali” tal-linji gwida dwar l-eżami tat-trade marks tal-Unjoni Ewropea jistipula espressament li l-applikant għal annullament jista’ jirtira t-talba tiegħu f’kull stadju tal-proċedimenti u li l-EUIPO għandu jinforma lill-proprjetarju tat-trade mark dwar l-irtirar, itemm il-proċedimenti u jieħu deċiżjoni dwar l-ispejjeż. |
|
56 |
Ċertament, għalkemm dawn il-linji gwida ma jikkostitwixxux atti ġuridiċi vinkolanti, xorta jibqa’ l-fatt li d-Deċiżjoni Nru EX‑16‑7 tad-Direttur Eżekuttiv tal-EUIPO tal‑1 ta’ Frar 2017 dwar l-adozzjoni tal-imsemmija linji gwida ġiet adottata wkoll skont ir-Regolament Nru 207/2009, jiġifieri abbażi tal-Artikolu 128(4)(a) tiegħu (li sar l-Artikolu 157(4)(a) tar-Regolament 2017/1001). |
|
57 |
Minn dan isegwi li l-argumenti tar-rikorrenti f’dan il-każ huma koperti mid-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli, u għalhekk l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 ma jistax japplika f’dan il-każ. |
|
58 |
Anki kieku l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 kien applikabbli, huwa dubjuż li “l-prinċipji ġeneralment irrikonoxxuti fil-qasam” jistgħu jiġu dedotti mid-dispożizzjonijiet u mill-ġurisprudenza nazzjonali dwar il-proċedura ċivili, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat li, minkejja l-garanziji ta’ indipendenza li għandhom kemm huma stess kif ukoll il-membri tagħhom, il-Bordijiet tal-Appell xorta jibqgħu dipartimenti tal-EUIPO u mhux qrati ġudizzjarji (sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2012, Arrieta D. Gross vs UASI – International Biocentric Foundation et (BIODANZA), T‑298/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:113, punt 105). |
|
59 |
Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-intervenjenti wettqet abbuż proċedurali meta rtirat it-talbiet tagħha għal dikjarazzjoni ta’ invalidità fi stadju avvanzat tal-proċedimenti wara li introduċiet kontrotalbiet quddiem it-tribunal de grande instance de Paris (il-Qorti Reġjonali ta’ Pariġi), jeħtieġ li jsiru l-osservazzjonijiet li ġejjin. |
|
60 |
Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 63(1)(a) tar-Regolament Nru 2017/1001), talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bbażata fuq raġuni assoluta ta’ invalidità ma teħtieġx li l-applikant juri interess ġuridiku, sa fejn ir-raġunijiet assoluti għal rifjut ta’ reġistrazzjoni għandhom bħala għan il-protezzjoni tal-interess ġenerali li huwa l-bażi tagħhom. Peress li l-evalwazzjoni tal-EUIPO għandha ssir esklużivament fid-dawl tal-interessi ġenerali li fuqhom huma msejsa l-Artikolu 7(1)(b) u (c) u l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, l-interess ekonomiku potenzjali jew effettiv imfittex mill-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ma huwiex rilevanti u, għaldaqstant, ma jistax jingħad li hija kwistjoni ta’ “abbuż ta’ dritt” imwettaq mill-persuna li tressaq talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Minn dan isegwi li l-kwistjoni tal-abbuż ta’ dritt ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità taħt l-Artikolu 56(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Donaldson Filtration Deutschland GmbH vs ultra air, C‑450/13 P, EU:C:2014:2016, punti 39, 42 u 46). |
|
61 |
A fortiori, l-irtirar mill-intervenjenti tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tagħha ma jistax jiġi analizzat bħala rtirar li jirriżulta minn intenzjoni “li tuża s-sistema b’mod inġust”, kif issostni r-rikorrenti. |
|
62 |
Fi kwalunkwe każ, l-irtirar tat-talbiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità tal-intervenjenti ma jinvolvi l-ebda konsegwenza legali għar-rikorrenti, li tibqa’ l-proprjetarja tat-trade marks ikkontestati. Fil-fatt, hija ma tikkwalifikax għal protezzjoni estiża tat-trade marks irreġistrati. |
|
63 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma pproduċiet l-ebda prova konvinċenti, la fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha u lanqas matul is-seduta, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ abbuż ta’ dritt fir-rigward tagħha. |
|
64 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata. |
Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali
|
65 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni motiv, ir-rikorrenti tilmenta li l-Bord tal-Appell illimitat ruħha li teżamina d-dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli f’ħames Stati Membri, mingħajr ma semmiet l-elementi li hija pproduċiet fir-rigward tal-Istati Membri l-oħra, sabiex tistabbilixxi li l-prinċipju li “rikors għal dikjarazzjoni ta’ invalidità” ta’ trade mark ma jistax, f’ċerti ċirkustanzi, ikun suġġett għal irtirar unilaterali jikkostitwixxi prinċipju tad-dritt proċedurali li huwa ġeneralment irrikonoxxut fl-Istati Membri. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell ma ppreċiżax ir-raġunijiet li minħabba fihom il-proċeduri ġudizzjarji u l-proċedimenti quddiem l-EUIPO ma humiex komparabbli. |
|
66 |
B’dan il-mod, il-Bord tal-Appell naqas milli jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu b’mod korrett, li janalizza t-termini u l-portata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istati Membri differenti u li jeżerċita s-setgħa tiegħu ta’ verifika. |
|
67 |
Peress li l-Artikolu 83 tar-Regolament Nru 207/2009 ma japplikax f’dan il-każ, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali huma ineffettivi. |
|
68 |
Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, it-tieni motiv kollu kemm hu għandu jiġi miċħud, kif ukoll ir-rikorsi kollha kemm huma. |
Fuq l-ispejjeż
|
69 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. |
|
70 |
Peress li r-rikorrenti tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, konformement mat-talbiet tal-EUIPO u tal-intervenjenti. |
|
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
Collins Barents Passer Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑3 ta’ Mejju 2018. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.