SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
15 ta’ Marzu 2018 ( *1 )
“Trade mark tal-Unjoni Ewropea - Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità - Trade mark figurattiva tal-Unjoni Ewropea La Mafia SE SIENTA A LA MESA - Raġuni assoluta għal rifjut - Trade marks li jmorru kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità - Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament (UE) 2017/1001)”
Fil-Kawża T‑1/17,
La Mafia Franchises, SL, stabbilita f’Zaragoza (Spanja), irrappreżentata minn I. Sempere Massa, avocat,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn A. Folliard-Monguiral, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija,
Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato,
li għandha bħala suġġett rikors kontra d-deċiżjoni tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-27 ta’ Ottubru 2016 (Każ R 803/2016‑1), dwar proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità bejn ir-Repubblika Taljana u La Mafia Franchises,
IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)
komposta minn S. Gervasoni, President, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: I. Dragan, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Jannar 2017,
wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ April 2017,
wara li rat ir-risposta tar-Repubblika Taljana ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ April 2017,
wara s-seduta tat-22 ta’ Novembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 |
Fit-30 ta’ Novembru 2006, La Honorable Hermandad, SL, li minnha ssuċċediet ir-rikorrenti, La Mafia Franchises, SL, ippreżentat applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea lill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat (issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat, huwa stess issostitwit bir-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)). |
2 |
It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija t-trade mark figurattiva li ġejja: |
3 |
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 25, 35 u 43 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Prodotti u tas-Servizzi għall-iskopijiet tar-Reġistrazzjoni tat-Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat, u jikkorrispondi, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
|
4 |
L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade Marks Komunitarji Nru 24/2007, tal-11 ta’ Ġunju 2007. It-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata fl-20 ta’ Diċembru 2007, bin-numru 5510921. |
5 |
Fit-23 ta’ Lulju 2015, ir-Repubblika Taljana ressqet talba quddiem l-EUIPO intiża li tiġi ddikjarata invalida t-trade mark ikkontestata fir-rigward tal-prodotti u s-servizzi kollha li għalihom hija kienet ġiet irreġistrata. |
6 |
Il-motiv ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità invokata insostenn ta’ din it-talba kien dak stabbilit fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 2017/1001). Ir-Repubblika Taljana sostniet, essenzjalment, li t-trade mark ikkontestata kienet tmur kontra l-ordni pubbliku u l-moralità, peress li l-element verbali “mafia” jirreferi għal organizzazzjoni kriminali u li l-użu li kien sar minnu fl-imsemmija trade mark biex tissemma katina ta’ ristoranti tar-rikorrenti, minbarra li jipprovoka ċerti sentimenti profondament negattivi, kellu l-effett li “jimmanipula” l-immaġni pożittiva tal-gastronomija Taljana u li jittrivjalizza s-sens negattiv ta’ dan l-element. |
7 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Marzu 2016, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni laqgħet it-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. |
8 |
Fid-29 ta’ April 2016, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. |
9 |
Permezz ta’ deċiżjoni tat-27 ta’ Ottubru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), l-Ewwel Bord tal-Appell tal-EUIPO kkonferma li t-trade mark ikkontestata kienet kuntrarja għall-ordni pubbliku u ċaħdet ir-rikors. |
10 |
Il-Bord tal-Appell ippreċiża, preliminarjament, li n-natura kuntrarja għall-ordni pubbliku tat-trade mark ikkontestata kellha tiġi evalwata fid-dawl tal-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jkun jinsab fit-territorju tal-Unjoni Ewropea jew f’parti minn dan it-territorju, peress li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kellha tiġi annullata jekk motiv ta’ annullament kien jeżisti f’parti biss tal-Unjoni. |
11 |
Sussegwentement, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, minħabba d-daqs tiegħu u l-pożizzjoni tiegħu fit-trade mark ikkontestata, l-element verbali “la mafia” kien jiddomina din it-trade mark. Il-Bord tal-Appell enfasizza li l-Mafja kienet organizzazzjoni kriminali li l-Gvern Taljan kien jiġġieled permezz ta’ leġiżlazzjoni u ta’ miżuri ta’ implementazzjoni speċifiċi. Barra minn hekk, il-Bord tal-Appell fakkar li l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata kienet ukoll għan ewlieni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-Bord tal-Appell reġa’ ppreċiża li l-EUIPO, bħala korp tal-Unjoni Ewropea, kellu jżomm pożizzjoni stretta fil-kawżi li kienu jiksru l-prinċipji u l-valuri bażiċi tas-soċjetà Ewropea, tant li kellha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni, għal ksur tal-ordni pubbliku, ta’ kull trade mark tal-Unjoni Ewropea li tista’ titqies li tappoġġja jew tibbenefika lil organizzazzjoni kriminali. Fi tmiem dan l-eżami, il-Bord tal-Appell qies, minn naħa, li t-trade mark ikkontestata ppromwoviet b’mod manifest l-organizzazzjoni kriminali magħrufa taħt l-isem ta’ Mafja u, min-naħa l-oħra, li l-elementi verbali kollha tat-trade mark ikkontestata kienu messaġġ ta’ konvivjalità u ta’ trivjalizzazzjoni tal-element verbali “mafia”, li b’hekk kien qed jgħawweġ il-gravità mwassla minnha. |
12 |
Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell ikkonferma li t-trade mark ikkontestata ma kellhiex tiġi protetta mill-EUIPO u li din il-konklużjoni ma tistax tiġi influwenzata la mill-fatt li l-element verbali “mafia” spiss kien użat fil-letteratura u fil-films, u lanqas mill-fatt li trade marks oħra tal-Unjoni Ewropea li fihom dak l-element ġew irreġistrati mill-EUIPO. |
It-talbiet tal-partijiet
13 |
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
14 |
L-EUIPO u r-Repubblika Taljana jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
|
Id-dritt
Fuq l-ammissibbiltà tal-provi prodotti għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali
15 |
L-EUIPO jikkontesta l-ammissibbiltà tal-annessi A.7, A.8 u A.9 tar-rikors, kif ukoll l-ammissibbiltà ta’ stampi u ta’ rabtiet li jinsabu fil-punti 44, 46 u 54 tal-imsemmi rikors li jirreferu għal siti internet. Fil-fatt, dawn l-elementi ma ġew prodotti f’ebda stadju tal-proċedimenti quddiem l-EUIPO. |
16 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tas-suġġett tar-rikors previst fl-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2017/1001) il-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid fil-kuntest ta’ tali rikors iċ-ċirkustanzi ta’ fatt fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2005, Sadas vs UASI – LTJ Diffusion (ARTHUR U FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 19, u tad-9 ta’ Frar 2017, International Gaming Projects vs EUIPO – adp Gauselmann (TRIPLE EVOLUTION), T‑82/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:66, punt 16). |
17 |
F’dan il-każ, u kif irrikonoxxiet ir-rikorrenti waqt is-seduta, il-provi msemmija fil-punt 15 iktar ’il fuq ġew ippreżentati għall-ewwel darba fil-kuntest tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk jeħtieġ li dawn il-provi jiġu miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi eżaminata s-saħħa probatorja tagħhom. |
Fuq il-mertu
18 |
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 2017/1001), moqri flimkien mal-Artikolu 7(1)(f) tal-imsemmi regolament. |
19 |
Permezz ta’ dan il-motiv, qabelxejn, ir-rikorrenti ssostni li la l-organizzazzjoni magħrufa taħt l-isem ta’ Mafja u lanqas il-membri tagħha ma kienu inklużi fil-lista ta’ persuni u ta’ gruppi terroristiċi annessa mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK, tas-27 ta’ Diċembru 2001, dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU 2001, L 344, p. 93), li għalihom id-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO jirreferu sabiex tintwera l-projbizzjoni fuq ir-reġistrazzjoni ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea kuntrarji għall-ordni pubbliku li tinsab fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. |
20 |
Sussegwentement, ir-rikorrenti tqis li, skont il-prassi tal-EUIPO u l-ġurisprudenza, trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi analizzata bħala entità sħiħa. Issa, ir-riferiment li fiha t-trade mark ikkontestata mill-element verbali “mafia” ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li din tiġi pperċepita mill-konsumatur medju bħala intiża li tippromwovi jew tappoġġja din l-organizzazzjoni kriminali. Għall-kuntrarju, l-elementi l-oħra li jikkomponu din it-trade mark jimplikaw pjuttost li din tiġi pperċepita bħala forma ta’ parodija jew ta’ riferiment għall-films tas-saga The Godfather. |
21 |
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-prodotti u s-servizzi koperti mit-trade mark ikkontestata ma humiex servizzi “komunikanti”, jiġifieri servizzi li huma intiżi li jiġu użati biex jittrażmettu messaġġ lil ħaddieħor. Għalhekk, it-trade mark ikkontestata ma ġietx irreġistrata bil-għan li tinsulta, tixxokkja jew taggredixxi. Il-pubbliku ġenerali għandu jifhem, għall-kuntrarju, li t-trade mark ikkontestata ġiet irreġistrata għal katina ta’ ristoranti, liema kunċett ma jirreferix għal organizzazzjoni kriminali, iżda għall-films tas-saga The Godfather, u b’mod partikolari l-valuri tal-familja u korporatiżmu li jingħataw prominenza f’dawn il-films. |
22 |
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li numru kbir ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea u trade marks Taljani li jinkludu l-kelma “mafia” ġew regolarment irreġistrati u jipproduċu l-effetti tagħhom. Ir-rikorrenti ssemmi b’mod partikolari, sabiex tispjega dan il-punt, iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Bord tal-Appell tal-EUIPO li hija tgħid għandhom analoġiji ma’ din il-kawża, jiġifieri d-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2012 fil-Każ R 1224/2011–4, dwar l-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea MAFIA II, u d-deċiżjoni tal-7 ta’ Mejju 2015 fil-Każ R 2822/2014–5 dwar l-applikazzjoni għal trade mark tal-Unjoni Ewropea CONTRA-BANDO. |
23 |
L-EUIPO u r-Repubblika Taljana jikkontestaw kull waħda minn dawn l-argumenti. |
24 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, moqri flimkien mal-Artikolu 52(1)(a) tal-istess regolament, it-trade marks li huma kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-moralità għandhom jiġu ddikjarati invalidi. |
25 |
L-interess ġenerali li huwa l-bażi ta’ din ir-raġuni assoluta għal rifjut huwa li tiġi evitata r-reġistrazzjoni ta’ sinjali li jippreġudikaw l-ordni pubbliku jew il-moralità bl-użu tagħhom fit-territorju tal-Unjoni (sentenzi tat-20 ta’ Settembru 2011, Couture Tech vs UASI (Rappreżentazzjoni tal-emblema Sovjetika), T‑232/10, EU:T:2011:498, punt 29, u tas-26 ta’ Settembru 2014, Brainlab vs UASI (Curve), T‑266/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:836, punt 13). Ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea hija kontra din ir-raġuni assoluta għal rifjut b’mod partikolari jekk tkun profondament offensiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, PAKI Logistics vs UASI (PAKI), T‑526/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:564, punt 12). |
26 |
L-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009 ma hijiex ibbażata fuq il-perċezzjoni tal-parti tal-pubbliku rilevanti li ma tixxokkja ruħha b’xejn, lanqas fuq il-perċezzjoni tal-parti tal-pubbliku li tista’ tiġi offiża faċilment, iżda għandha titwettaq abbażi ta’ kriterji ta’ persuna raġonevoli li għandha livelli medji ta’ sensibbiltà u ta’ tolleranza (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 2011, PAKI, T‑526/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:564, punt 12; tad-9 ta’ Marzu 2012, Cortés del Valle López vs UASI (¡Que buenu ye! HIJOPUTA), T‑417/10, mhux ippubblikata, EU:T:2012:120, punt 21, u tal-14 ta’ Novembru 2013, Efag Trade Mark Company vs UASI (FICKEN LIQUORS), T‑54/13, mhux ippubblikata, EU:T:2013:593, punt 21). |
27 |
Barra minn hekk, il-pubbliku rilevanti ma jistax jiġi llimitat, għall-finijiet tal-eżami tar-raġuni għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, għall-pubbliku li għalih jiġu indirizzati direttament il-prodotti u s-servizzi li għalihom tkun saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Fil-fatt, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sinjali msemmija minn din ir-raġuni għal rifjut jixxokkjaw mhux biss il-pubbliku li jiġu indirizzati s-servizzi indikati mis-sinjal, iżda wkoll persuni oħra li, mingħajr ma jkunu kkonċernati mill-imsemmija prodotti u servizzi, ser jkollhom jaffaċċjaw dan is-sinjal inċidentalment fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, Efag Trade Mark Company vs UASI (FICKEN), T‑52/13, mhux ippubblikata, EU:T:2013:596, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-26 ta’ Settembru 2014, Curve, T‑266/13, mhux ippubblikata, EU:T:2014:836, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
28 |
Għandu jitfakkar ukoll li l-pubbliku rilevanti li jinsab fit-territorju tal-Unjoni jinsab, b’definizzjoni, fit-territorju ta’ Stat Membru u li s-sinjali li jistgħu jiġu pperċepiti bħala kuntrarji għall-ordni pubbliku jew għall-moralità ma humiex l-istess fl-Istati Membri kollha, b’mod partikolari minħabba raġunijiet lingwistiċi, storiċi, soċjali jew kulturali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Rappreżentazzjoni tal-emblema Sovjetika, T‑232/10, EU:T:2011:498, punti 31 sa 33). |
29 |
Minn dan isegwi li, sabiex tiġi applikata r-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni biss iċ-ċirkustanzi komuni għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll iċ-ċirkustanzi partikolari għall-Istati Membri individwali li jistgħu jinfluwenzaw il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti li jkun jinsab fit-territorju ta’ dawn l-Istati (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2011, Rappreżentazzjoni tal-emblema Sovjetika, T‑232/10, EU:T:2011:498, punt 34). |
30 |
F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat, kif għamel il-Bord tal-Appell fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade mark ikkontestata hija sinjal kumpless magħmul minn sfond iswed fil-forma ta’ kwadru li fih jinsabu l-elementi verbali “la mafia” u “se sienta a la mesa” miktubin bl-abjad u akkumpanjati fl-isfond ta’ rappreżentazzjoni ta’ warda ħamra. |
31 |
L-element verbali “la mafia”, kemm minħabba l-ispazju li jokkupa kif ukoll minħabba l-pożizzjoni ċentrali tiegħu fit-trade mark ikkontestata, jispikka fuq l-elementi l-oħra. Għalhekk, l-element verbali “se sienta a la mesa” għandu post sekondarju, peress li dan jaqa’ taħt l-element verbali “la mafia” u jidher b’ittri kunsiderevolment iżgħar. L-istess jgħodd għall-aħmar fil-warda li tidher fl-isfond tal-element verbali “la mafia”. |
32 |
Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettaq żball li l-Bord tal-Appell indika, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-element verbali “la mafia” kien dominanti fit-trade mark ikkontestata. |
33 |
Fit-tieni lok, qabelxejn għandu jiġi eskluż l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Mafja ma tidhirx fost l-organizzazzjonijiet terroristiċi msemmija fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li għaliha jirreferu d-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO (parti B, taqsima 4). |
34 |
Fil-fatt, jirriżulta mill-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li l-lista li tinsab fl-Anness tagħha ssemmi biss persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti ta’ terroriżmu. Din il-lista ma għandhiex l-għan li telenka l-persuni, il-gruppi u l-entitajiet involuti f’tipi oħra ta’ attivitajiet kriminali, li tagħha r-riferiment fi trade mark li għaliha ssir applikazzjoni tista’ wkoll tiġġustifika l-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut tar-reġistrazzjoni prevista fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, mill-kliem innifsu tad-direttivi ta’ eżami tal-EUIPO, li jirreferu għall-Pożizzjoni Komuni 2001/931, jirriżulta li l-EUIPO enfasizzat in-natura mhux eżawrjenti ta’ eżempji li jipprovdu dawn id-direttivi ta’ raġuni assolut għal rifjut li jinsabu fl-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009. |
35 |
Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li l-element verbali “la mafia” huwa globalment miftiehem bħala li jirreferi għal organizzazzjoni kriminali li għandha l-oriġini tagħha fl-Italja u li l-attività tagħha kienet estendiet għal Stati oħra minbarra r-Repubblika Taljana, b’mod partikolari fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, huwa magħruf sew li, hekk kif ikkonstata l-Bord tal-Appell fil-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata, li din l-organizzazzjoni kriminali tagħmel użu minn atti ta’ intimidazzjoni, vjolenza fiżika u qtil sabiex twettaq l-attivitajiet tagħha, li jinkludu b’mod partikolari t-traffikar illeċitu ta’ droga, it-traffikar illeċitu ta’ armi, il-ħasil tal-flus u l-korruzzjoni. |
36 |
Il-Qorti Ġenerali tqis li tali attivitajiet kriminali jiksru l-istess valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b’mod partikolari l-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u tal-libertà, kif previsti fl-Artikolu 2 TUE u l-Artikoli 2, 3 u 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-valuri huma indiviżibbli u jifformaw il-wirt spiritwali u morali tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-kriminalità organizzata u l-attivitajiet imsemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq jikkostitwixxu oqsma ta’ kriminalità partikolarment gravi b’dimensjoni transkonfinali, fejn l-intervent tal-leġiżlatur tal-Unjoni hija prevista fl-Artikolu 83 TFUE. Għalhekk, kif jenfasizzaw l-EUIPO u r-Repubblika Taljana, bosta sforzi u ħafna riżorsi ġew użati sabiex tiġi miġġielda l-Mafja mhux biss mill-Gvern Taljan iżda wkoll fil-livell tal-Unjoni, peress li l-kriminalità organizzata tirrappreżenta theddida serja għas-sigurtà kollha tagħha. |
37 |
Fl-aħħar nett, l-element verbali “la mafia” huwa pperċepit b’mod estremament negattiv fl-Italja, minħabba l-preġudizzju gravi, minn din l-organizzazzjoni kriminali, kkawżat għas-sigurtà ta’ dan l-Istat Membru. L-importanza tal-ġlieda kontra l-Mafja fl-Italja hija murija permezz tad-dispożizzjonijiet penali fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, li għalihom jirreferu l-EUIPO u r-Repubblika Taljana, immirati speċifikament lejn is-sħubija f’din l-organizzazzjoni jew l-appoġġ tagħha. L-importanza tal-ġlieda kontra l-Mafja fl-Italja hija barra minn hekk ikkorroborata bil-preżenza fit-territorju ta’ dan l-Istat ta’ diversi korpi pubbliċi speċifikament investiti bil-missjoni li jsegwu u jrażżnu l-attivitajiet illegali tal-Mafja, kif ukoll assoċjazzjonijiet privati li jappoġġjaw lill-vittmi ta’ din l-organizzazzjoni. |
38 |
Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell ġustament qies li l-element verbali “la mafia” tat-trade mark ikkontestata jevoka b’mod ċar fost il-pubbliku rilevanti isem ta’ organizzazzjoni kriminali responsabbli għal ksur partikolarment gravi għall-ordni pubbliku. |
39 |
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-pubbliku rilevanti ma jipperċepixxix fit-trade mark ikkontestata xi rkupru tal-azzjoni kriminali Mafjuża sa fejn din tal-aħħar tat lok għal diversi xogħlijiet fittizji, kemm f’kotba kif ukoll fil-films. Hija żżid li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma għandhiex l-għan li tixxokkja jew toffendi, sa fejn il-prodotti u s-servizzi li hija tindika ma humiex intiżi li jittrażmettu messaġġ lil ħaddieħor, iżda biss li tevoka s-saga ċinematografika The Godfather. Hija tippreċiża li l-kunċett tar-ristoranti tagħha huwa tematiku u relatat ma’ din is-saga u li t-trade mark ikkontestata kisbet reputazzjoni fi Spanja. |
40 |
F’dan ir-rigward, qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li, meta sinjal ikun ta’ natura partikolarment xokkanti jew offensiva, dan għandu jitqies li jkun kuntrarju għall-ordni pubbliku jew il-moralità, ikunu xi jkunu l-prodotti jew is-servizzi li għalihom ikun ġie rreġistrat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2011, PAKI, T‑526/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:564, punt 15). Barra minn hekk, mill-qari tal-inċiżi differenti kollha tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 2017/1001) jirriżulta li dawn jirreferu għall-kwalitajiet intrinsiċi tat-trade mark inkwistjoni u mhux għal ċirkustanzi li jirrigwardaw l-aġir tal-persuna li hija l-applikant għat-trade mark (sentenzi tad-9 ta’ April 2003, Durferrit vs UASI – Kolene (NU–TRIDE), T‑224/01, EU:T:2003:107, punt 76, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Sportwetten vs UASI – Intertops Sportwetten (INTERTOPS), T‑140/02, EU:T:2005:312, punt 28). |
41 |
Għalhekk, minn naħa, il-fatt li r-reġistrazzjoni tat-trade mark ikkontestata ma kellhiex l-għan li tixxokkja jew toffendi, iżda biss li tevoka s-saga ċinematografika The Godfather huwa mingħajr effett fuq il-perċezzjoni negattiva ta’ din it-trade mark mill-pubbliku rilevanti. Barra minn hekk, l-ebda element tat-trade mark ikkontestata ma jevoka din is-saga direttament. |
42 |
Min-naħa l-oħra, ir-reputazzjoni miksuba mit-trade mark ikkontestata u l-kunċett ta’ ristoranti b’tema tar-rikorrenti, marbuta mas-saga ċinematografika The Godfather, ma humiex tal-kwalitajiet intrinsiċi tat-trade mark ikkontestata u għalhekk huma irrilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk it-trade mark ikkontestata tmurx kontra l-ordni pubbliku. |
43 |
Sussegwentement, huwa normali li stejjer fittizji letterarji jew ċinematografiċi jixxokkjaw jew joffendu l-pubbliku jew parti minnu, bl-użu u l-promozzjoni tat-temi li jindirizzaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, FICKEN LIQUORS, T‑54/13, mhux ippubblikata, EU:T:2013:593, punt 33). L‑eżistenza ta’ bosta kotba u films relatati mal-Mafja ma hija bl-ebda mod ta’ natura li tbiddel il-perċezzjoni tagħhom ta’ mġiba ħażina minn din l-organizzazzjoni. |
44 |
Fl-aħħar nett, kif jenfasizza essenzjalment l-EUIPO fir-risposta tiegħu, il-warda ħamra preżenti fit-trade mark ikkontestata tista’ tiġi pperċepita minn parti kbira mill-pubbliku rilevanti bħala simbolu tal-imħabba jew l-ispirtu tal-ftehim, b’kuntrast mal-vjolenza tal-azzjonijiet tal-Mafja. |
45 |
Dan il-kuntrast huwa enfasizzat bil-preżenza tal-frażi “se sienta a la mesa” fit-trade mark ikkontestata. Fil-fatt, din il-frażi tfisser “tpoġġi mal mejda” bl-Ispanjol, u tista’ titqies minn parti kbira tal-pubbliku li tifhem din il-lingwa bħala li tevoka l-kondiviżjoni ta’ ikla. Għalhekk, l-assoċjazzjoni tal-Mafja għall-ideat tal-konvivjalità u ta’ rikreazzjoni mgħoddija permezz tal-kondiviżjoni ta’ ikla tikkontribwixxi trivjalizzazzjoni tal-attivitajiet illegali ta’ din l-organizzazzjoni kriminali. |
46 |
Għaldaqstant, kif isostnu l-EUIPO u r-Repubblika Taljana, l-assoċjazzjoni tal-element verbali “la mafia” mal-elementi l-oħra tat-trade mark ikkontestata hija ta’ natura li tagħti idea globalment pożittiva tal-azzjoni tal-Mafja u, b’dan il-mod, trivjalizzazzjoni tal-perċezzjoni tal-attivitajiet kriminali ta’ din l-organizzazzjoni. |
47 |
Minn dak li ntqal jirriżulta li t-trade mark ikkontestata, ikkunsidrata globalment, tirreferi għal organizzazzjoni kriminali, tagħti stampa pożittiva ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni u, b’hekk, tittrivjalizza l-preġudizzju serju kkawżati minn dik l-organizzazzjoni lill-valuri fundamentali tal-Unjoni msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq. It-trade mark ikkontestata hija għalhekk ta’ natura li tixxokkja jew toffendi mhux biss lill-vittmi ta’ din l-organizzazzjoni kriminali u l-familji tagħhom, iżda wkoll lil kull persuna li, fit-territorju tal-Unjoni, tinstab fil-preżenza tal-imsemmija trade mark u jkollha livelli medji ta’ sensittività u ta’ tolleranza. |
48 |
Għaldaqstant, kien mingħajr ma wettaq żball li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li t-trade mark ikkontestata kienet kuntrarja għall-ordni pubbliku fis-sens tal-Artikolu 7(1)(f) tar-Regolament Nru 207/2009, u b’hekk ikkonferma li din it-trade mark kellha tiġi ddikjarata invalida skont l-Artikolu 52(1)(a) tal-imsemmi regolament. |
49 |
Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata bir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għal diversi trade marks tal-Unjoni Ewropea li jinkludu l-element verbali “mafia” kif ukoll għad-deċiżjonijiet MAFIA II u CONTRA-BANDO bl-għan li jiġi stabbilit li t-trade mark ikkontestata ma tmurx kontra l-ordni pubbliku. Fil-fatt, għandu wkoll jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjonijiet li l-Bordijiet tal-Appell tal-EUIPO huma mitluba jieħdu, skont ir-Regolament Nru 207/2009 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea, jaqgħu taħt l-eżerċizzju ta’ kompetenza limitata u mhux ta’ setgħa diskrezzjonali. Għaldaqstant, il-legalità tal-imsemmija deċiżjonijiet għandha tiġi evalwata unikament abbażi ta’ dan ir-regolament u mhux abbażi ta’ prassi deċiżjonali preċedenti għal dawn (sentenzi tas-26 ta’ April 2007, Alcon vs UASI, C‑412/05 P, EU:C:2007:252, punt 65; tal-24 ta’ Novembru 2005, ARTHUR U FELICIE), T‑346/04, EU:T:2005:420, punt 71, u tas-6 ta’ April 2017, Nanu-Nana Joachim Hoepp vs EUIPO – Fink (NANA FINK), T‑39/16, EU:T:2017:263, punt 84). Minn dan isegwi li la d-deċiżjonijiet tal-EUIPO invokati mir-rikorrenti u lanqas ir-reġistrazzjoni tagħha ta’ trade marks oħra minbarra t-trade mark ikkontestata li jinkludu l-element verbali “mafia” ma humiex tali li jikkontestaw id-deċiżjoni kkontestata. |
50 |
L-istess japplika fir-rigward taċ-ċirkustanza, enfasizzata mir-rikorrenti, li diversi trade marks li jinkludu l-element verbali “mafia” ġew irreġistrati fl-Italja. Fil-fatt, is-sistema ta’ trade marks tal-Unjoni Ewropea hija sistema awtonoma, magħmula minn ġabra ta’ regoli u li ssegwi għanijiet speċifiċi għaliha, u l-applikazzjoni tagħha hija indipendenti minn kull sistema nazzjonali. Konsegwentement, il-kwistjoni jekk sinjal jistax jiġi rreġistrat bħala trade mark tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi evalwata biss abbażi tal-leġiżlazzjoni rilevanti. L-EUIPO u, jekk ikun il-każ, il-qorti tal-Unjoni, għalhekk ma humiex marbuta, minkejja li jistgħu jeħduhom inkunsiderazzjoni, minn deċiżjonijiet meħuda mill-Istati Membri, u dan anki fil-każ fejn dawn id-deċiżjonijiet ikunu ttieħdu b’applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali armonizzata fuq livell tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2013, FICKEN LIQUORS, T‑54/13, mhux ippubblikata, EU:T:2013:593, punt 46; tal-15 ta’ Lulju 2015, Australian Gold vs UASI – Effect Management & Holding (HOT), T‑611/13, EU:T:2015:492, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Jiménez Gasalla vs EUIPO (B2B SOLUTIONS), T‑685/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:438, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Isegwi li la l-EUIPO u lanqas il-qorti tal-Unjoni ma huma marbuta bid-deċiżjonijiet nazzjonali ta’ reġistrazzjoni bħal dawk li tagħmel riferiment għalihom ir-rikorrenti, għalkemm ma huwiex neċessarju li dawn jiġu eżaminati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2015, Compagnie des montres Longines, Francillon vs UASI – Cheng (B), T‑505/12, EU:T:2015:95, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-27 ta’ Ġunju 2017, B2B SOLUTIONS, T‑685/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:438, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
51 |
Minn dan isegwi li r-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni, minn naħa, dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà fir-rigward tar-rikors sħiħ eċċepita mir-Repubblika Taljana u, min-naħa l-oħra, dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet intiż li t-trade mark ikkontestata tiġi ddikjarata valida, eċċepita mill-EUIPO. |
Fuq l-ispejjeż
52 |
Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-EUIPO u mir-Repubblika Taljana. |
Għal dawn il-motivi, IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla), taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Gervasoni Madise da Silva Passos Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Marzu 2018. Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.