23.5.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 207/25


Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Marzu 2022 – Air Canada vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-326/17) (1)

(“Kompetizzjoni - Akkordji - Suq tal-merkanzija bl-ajru - Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità u l-Isvizzera fuq it-trasport bl-ajru - Koordinazzjoni ta’ elementi tal-prezz tas-servizzi ta’ merkanzija bl-ajru (soprataxxa tal-fjuwil, soprataxxa tas-sigurtà, ħlas ta’ kummissjoni fuq is-soprataxxi) - Skambju ta’ informazzjoni - Kompetenza tal-Kummissjoni - Drittijiet tad-difiża - Assenza ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida - Ksur uniku u kontinwu - Irtirar tat-talba għall-klemenza - Ġurisdizzjoni sħiħa”)

(2022/C 207/33)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Air Canada (Saint-Laurent, Québec, il-Kanada) (rappreżentanti: T. Soames, I.-Z. Prodromou-Stamoudi, avukati, u J. Joshua, barrister)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Dawes u H. Leupold, aġenti, assistiti minn G. Peretz, QC)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, essenzjalment, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Kawża AT.39258 – Trasport bl-ajru), sa fejn tirrigwarda lir-rikorrenti, u, sussidjarament, għat-tħassir tal-multa li ġiet imposta fuqha, jew għat-tnaqqis tal-ammont tagħha.

Dispożittiv

1)

L-Artikolu 1(1)(a), (2)(a), (3)(a) u (4)(a) tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Kawża AT.39258 – Trasport bl-ajru) hija annullata sa fejn issostni l-parteċipazzjoni ta’ Air Canada għall-komponent tal-ksur uniku u kontinwu li żżomm ir-rifjut tal-ħlas tal-kummissjonijiet fuq is-soprataxxi.

2)

L-ammont tal-multa imposta fuq Air Canada fl-Artikolu 3(a) tad-deċiżjoni C(2017) 1742 finali hija stabbilita għal EUR 17 952 000.

3)

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll terz tal-ispejjeż ta’ Air Canada.

5)

Air Canada għandha tbati żewġ terzi tal-ispejjeż tagħha stess.


(1)  ĠU C 239, 24.7.2017.