DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

28 ta’ Novembru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Direttiva 2008/48/KE – Proċedura ta’ ordni għal ħlas ibbażata fuq estratt ta’ kotba tal-bank – Impossibbiltà li l-qorti tikkonstata n-natura inġusta eventwali ta’ klawżoli kuntrattwali fl-assenza ta’ rikors mill-konsumatur”

Fil-Kawża C-632/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, Sezzjoni Ċivili, il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

Powszechna Kasa Oszczędności (PKO) Bank Polski S.A. (Varsavja, il-Polonja)

vs

Jacek Michalski

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Powszechna Kasa Oszczędności (PKO) Bank Polski S.A., minn W. Sadowski, adwokat, u minn E. Buczkowska, radca prawny,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herbout-Borczak kif ukoll minn N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2 p. 288) kif ukoll tal-Artikolu 10 u tal-Artikolu 22(1) tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU 2008, L 133, p. 66, u rettifiki ĠU 2009, L 207, p. 14, ĠU 2010, L 199, p. 40, ĠU 2011, L 234, p. 46, u ĠU 2015, L 36, p. 15).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn l-impriża Powszechna Kasa Oszczędności (PKO) Bank Polski S.A (iktar ‘il quddiem “PKO”), stabbiliment bankarju stabbilit f’Varsavja (il-Polonja), u Jacek Michalski, dwar ordni ta’ ħlas ibbażat fuq estratt mill-kotba ta’ PKO u maħruġ minħabba nuqqas ta’ ħlas lura, minn J. Michalski, tal-ammonti mislufa permezz ta’ karta ta’ kreditu maħruġa minn PKO.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 93/13

3

L-erba’ u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13 tippreċiża li “l-qrati jew l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri għandu jkollhom għad-disposizzjoni tagħhom mezz adegwat u effettiv biex jipprevenu li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti tal-konsumaturi”.

4

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

5

Skont l-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

Id-Direttiva 2008/48

6

Il-premessa 31 tad-Direttiva 2008/48 tispeċifika:

“Sabiex il-konsumatur ikun f’pożizzjoni li jkun jaf id-drittijiet u l-obbligi tiegħu skond il-ftehim ta’ kreditu, għandu jkun fih l-informazzjoni kollha meħtieġa b’mod ċar u konċiż.”

7

L-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva jelenka t-tip ta’ informazzjoni li għandu jiġi speċifikat b’mod ċar u konċiż fi kwalunkwe ftehim ta’ kreditu.

8

L-Artikolu 22(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“Safejn din id-Direttiva fiha dispożizzjonijiet armonizzati, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu jew jintroduċu fil-liġi nazzjonali tagħhom dispożizzjonijiet li jiddevjaw minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva.”

Id-dritt Pollakk

9

Il-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili), fil-verżjoni tiegħu applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar’ il quddiem il-“KPC”), jirregola l-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas.

10

L-Artikolu 484(2) u (3) tal-KPC jistipula:

“2.   Il-qorti għandha tiddeċiedi skont il-proċedura ta’ ordni għal ħlas fuq talba bil-miktub tar-rikorrent ifformulata fir-rikors promotur.

3.   Il-kawża għandha tiġi eżaminata in camera. […]”

11

Skont l-Artikolu 485(1) u (3) tal-KPC:

“1.   Il-qorti għandha toħroġ digriet ta’ ħlas meta r-rikorrent jinvoka kreditu ta’ flus […] u li ċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw il-pretensjonijiet tiegħu jiġu stabbiliti mid-[dokumenti] anness[i] mar-rikors […]

[…]

3.   Il-Qorti tista’ toħroġ digriet ta’ ħlas meta bank jinvoka kreditu bbażat fuq estratt tal-kotba kontabbli tiegħu, iffirmat minn persuna awtorizzata biex tirrappreżenta l-bank u li jkollu t-timbru tal-bank, kif ukoll prova tan-notifika lid-debitur ta’ ittra ta’ intimazzjoni għal ħlas.”

12

Skont l-Artikolu 486(1) tal-KPC:

“Jekk ebda raġuni ma tiġġustifika l-adozzjoni ta’ ordni ta’ ħlas, il-President għandu jiffissa seduta, ħlief jekk il-każ ikun jista’ jiġi eżaminat in camera.”

13

L-Artikolu 491(1) tal-KPC jipprovdi:

“Bid-digriet li jkollu ordni ta’ ħlas, il-qorti titlob lill-konvenut, fi żmien ġimgħatejn min-notifika tad-digriet, jagħmel tajjeb għall-kreditu sħiħ, inklużi l-ispejjeż imġarrba, jew inkella li jressaq kontestazzjoni kontra din l-ordni f’dan it-terminu.”

14

L-Artikolu 492(1) tal-KPC jistabilixxi:

“Mal-ħruġ tiegħu, id-digriet ta’ ħlas jitqies li huwa titolu eżekuttiv ta’ garanzija mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi inkluża ordni ta’ infurzar […]”

15

Skont l-Artikolu 493(1) tal-KPC:

“Il-kontestazzjoni għandha titressaq quddiem il-qorti li tkun ħarġet digriet ta’ ordni ta’ ħlas. Il-konvenut għandu jindika, fl-att ta’ kontestazzjoni tiegħu, jekk ikunx qiegħed jikkontesta d-digriet ta’ ordni għal ħlas fl-intier tiegħu jew parzjalment u għandu jressaq il-motivi u l-eċċezzjonijiet imqajma, li għandhom jiġu invokati, taħt piena ta’ inammissibbiltà, qabel id-difiża fil-mertu, kif ukoll qabel ma’ jippreżenta fatti u provi. Il-qorti ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni allegazzjonijiet u provi ppreżentati tard, ħlief jekk il-konvenut juri b’mod konvinċenti li huwa ma għamilx hekk fid-dikjarazzjoni ta’ kontestazzjoni tiegħu, mingħajr ma jista’ jiġi attribwit lilu tort, li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-allegazzjonijiet u tal-provi tardivi ma jwassal għal ebda dewmien fl-eżami tal-kawża jew li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi eċċezzjonali oħra […]”

16

Skont l-Artikolu 494(1) tal-KPC:

“Il-qorti għandha tiċħad kontestazzjoni li tkun ġiet ippreżentata wara l-iskadenza tat-terminu, li d-drittijiet tar-reġistru tagħha ma jkunux tħallsu, jew li tkunx ammissibbli għal raġunijiet oħra, bl-istess mod ta’ kontestazzjoni li l-irregolaritajiet tagħha ma jkunux ġew ikkorreġuti mir-rikorrent fit-terminu mogħti.”

17

Skont l-Artikolu 19(4) tal-Ustawa o kosztach sądowych w sprawach cywilnych (il-Liġi dwar l-Ispejjeż Ġudizzjarji f’Materji Ċivili) tat-28 ta’ Lulju 2005 (Dz. U. 2005, n 167 pożizzjoni 1398, iktar’ il quddiem il-“liġi dwar l-ispejjeż ġudizzjarji”):

“Fil-każ ta’ kontestazzjoni tad-digriet ta’ ordni għal ħlas mogħti skont il-proċedura ta’ ordni, il-konvenut għandu jħallas tliet kwarti mill-ispejjeż ġudizzjarji.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

Fit-21 ta’ Diċembru 2015, PKO kkonkludiet, ma’ J. Michalski, kuntratt għall-ħruġ u l-użu ta’ karta ta’ kreditu.

19

Fid-29 ta’ Marzu 2017, PKO bagħat lil J. Michalski intimazzjoni għall-ħlas tas-somom li huwa stima li kienu dovuti lilu. Peress li dan ma ħallasx dawn l-ammonti, PKO ppreżenta, fis-26 ta’ Mejju 2017, konformement mal-Artikolu 485(3) tal-KPC, rikors sabiex jinkiseb ordni ta’ ħlas quddiem is-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, Polonja), għal ammont ta’ 6788 21 zloty Pollakk (PLN) (madwar EUR 1580), bl-interessi kuntrattwali. Dan ir-rikors kellu miegħu estratt mill-kotba kontabbli ta’ PKO, iffirmat minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-bank, u kellu t-timbru tal-bank, u li kien jinkludi wkoll prova tan-notifika lil J. Michalski tal-ittra ta’ intimazzjoni għall-ħlas.

20

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas ibbażata fuq tali estratt jintuża ta’ spiss minn banek Pollakki, sabiex jinkiseb l-irkupru tal-krediti tagħhom. Din il-prassi tikkonsisti fil-fatt li jinhemeż mar-rikors l-estratt mill-kotba kontabbli, skont l-Artikolu 485(3) tal-KPC, mingħajr ma jiġu prodotti dokumenti oħra li jipprovaw l-eżistenza ta’ kuntratt ta’ kreditu għall-konsum u tal-kundizzjonijiet tal-istess kuntratt.

21

Il-qorti tar-rinviju tfakkar ukoll li l-proċedura għal ordni ta’ ħlas tinkludi, skont id-dritt Pollakk, żewġ fażijiet. Fil-kuntest tal-ewwel fażi u fil-preżenza ta’ kreditu bankarju, il-qorti, sabiex toħroġ digriet ta’ ordni ta’ ħlas, teżamina biss ex officio l-kwistjoni tar-regolarità formali tal-estratt prodott, peress li dan tal-aħħar huwa l-bażi essenzjali li jiġġustifika l-ħruġ ta’ tali digriet. Il-kriterji li jistgħu jiġġustifikaw rifjut li jinħareġ tali digriet jirriżultaw biss mill-formulazzjoni tal-Artikolu 485(3) tal-KPC. Il-kreditur għaldaqstant ma huwiex obbligat jistabbilixxi li konkretament il-bażi tal-kreditu invokat, b’mod partikolari billi jipproduċi l-kuntratt ta’ self għall-konsum.

22

It-tieni fażi ta’ din il-proċedura għandha natura eventwali. Hija tinbeda bil-kontestazzjoni tad-digriet ta’ ordni ta’ ħlas ippreżentata mid-debitur tal-bank, li f’dak il-mument ikun jista’ jqajjem motivi eventwali kontra l-kuntratt li jkun qed jorbtu mal-bank. Bis-saħħa tal-Artikolu 493(1) tal-KPC, moqri flimkien mal-Artikolu 491(1) tal-KPC, il-konsumatur li jikkontesta l-imsemmi digriet għandu josserva terminu ta’ kontestazzjoni ta’ ġimgħatejn u l-formalitajiet meħtieġa għal tali kontestazzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 19(4) tal-liġi dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, l-imsemmi konsumatur huwa marbut li jħallas tliet kwarti tal-ispejjeż ġudizzjarji.

23

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża wkoll li digriet ta’ ordni ta’ ħlas li jkun sar definittiv igawdi mill-awtorità ta’ res judicata u li, bis-saħħa tal-Artikolu 492(1) tal-KPC, jikkostitwixxi titolu eżekuttiv ta’ garanzija, mingħajr ħtieġa ta’ ordni ta’ infurzar.

24

Skont din il-qorti, din il-kawża hija distinta mill-kawżi li taw lok għas-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2012, Banco Español de Crédito (C-618/10, EU:C:2012:349), u tat-18 ta’ Frar 2016, Finanmadrid EFC (C-49/14, EU:C:2016:98), li fihom il-qrati nazzjonali kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom id-dokumenti kuntrattwali li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti, b’mod illi huma kellhom il-possibbiltà li ma japplikawx il-klawżoli inġusti inklużi f’dawn id-dokumenti.

25

Il-qorti tar-rinviju, filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová (C-377/14, EU:C:2016:283, punt 50) għandha dubji dwar jekk il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas implementata fuq il-bażi ta’ estratt mill-kotba kontabbli ta’ bank għandhiex l-effett li tirrendi eċċessivament diffiċli, jekk mhux impossibbli, l-eżerċizzju, mill-konsumatur, tad-drittijiet tiegħu taħt is-sistema ta’ protezzjoni tal-konsumaturi bis-saħħa, b’mod partikolari, tad-Direttivi 93/13 u 2008/48, minħabba, minn naħa, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lill-qorti tal-elementi li juru rabta legali eżistenti bejn il-konsumatur u l-bank, u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment lill-konsumatur tal-integralità tal-oneru tal-prova.

26

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li s-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich I Wydział Cywilny (il-Qorti Distrettwali ta’ Siemianowice Śląskie, Sezzjoni Ċivili, il-Polonja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1), kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48/KE tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/48/KEE, b’mod partikolari l-Artikolu 10 u l-Artikolu 22(1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu l-investigazzjoni minn bank (il-kreditur) fir-rigward ta’ konsumatur (il-persuna li tissellef) ta’ pretensjoni bbażata fuq estratt minn rekords tal-bank iffirmat minn persuna awtorizzata tagħmel dikjarazzjonijiet fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi tal-bank fuq il-proprjetà u li jkollu s-siġill tal-bank, u prova ta’ talba bil-miktub mibgħuta lid-debitur għall-ħlas, fil-kuntest tal-proċeduri ta’ ordni għal ħlas, kif speċifikat fl-Artikolu 485(3) et seq tal-[KPC]?”

Fuq id-domanda preliminari

27

Bis-saħħa tal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

28

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li fis-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C-176/17, EU:C:2018:711), il-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tirrispondi għal domandi analogi magħmula mill-istess qorti tar-rinviju. Issa, l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni adottata f’dik is-sentenza hija wkoll rilevanti għall-finijiet tar-risposta li għandha tingħata għal din l-aħħar domanda.

29

Fil-fatt, minkejja li l-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska (C-176/17, EU:C:2018:711), sa fejn id-digriet ta’ ordni ta’ ħlas inkwistjoni fil-kawża prinċipali ngħata abbażi ta’ estratt mill-kotba kontabbli ta’ bank, skont l-Artikolu 485(3) tal-KPC, u mhux abbażi ta’ ċedola, bis-saħħa tal-Artikolu 485(2) tal-KPC, dawn iż-żewġ kawżi jikkonċernaw l-istess modalitajiet proċedurali, dwar il-proċeduri ta’ ordni ta’ ħlas.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi applikat l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża.

31

Peress li d-Direttiva 2008/48 ma wettqitx armonizzazzjoni fil-qasam tal-estratti tal-kotba kontabbli tal-bank inkwantu element li jippermetti l-irkupru ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu lill-konsumaturi, l-Artikolu 22(1) tagħha lanqas ma huwa applikabbli f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 36).

32

Għaldaqstant, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula biss fir-rigward tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48.

33

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jinħareġ digriet ta’ ordni ta’ ħlas, ibbażat fuq estratt mill-kotba kontabbli ta’ bank, bħala prova tal-eżistenza ta’ kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, meta l-qorti adita b’talba għal ordni ta’ ħlas ma jkollhiex is-setgħa li twettaq eżami tan-natura possibbilment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt, u li tiżgura ruħha li dan tal-aħħar jinkludi l-informazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 10.

34

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li l-klawżoli inġusti użati f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur ma jorbtux lill-konsumatur, fil-kundizzjonijiet stabbiliti fid-drittijiet nazzjonali tagħhom.

35

Minħabba n-natura u l-importanza tal-interess pubbliku li sserraħ fuqhom il-protezzjoni tal-konsumaturi li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inferjorità fil-konfront tal-bejjiegħa jew tal-fornituri, id-Direttiva 93/13 timponi fuq l-Istati Membri, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tagħha, moqri flimkien mal-erbgħa u għoxrin premessa tagħha, li jipprovdu mezzi adegwati u effettivi “biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri” (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 40 u ġurisprudenza ċċitata).

36

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa ex officio n-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, meta tagħmel dan, li tirrimedja l-iżbilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur, u dan bil-kundizzjoni li hija jkollha quddiemha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt meħtieġa għal dan il-għan (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 42 u ġurisprudenza ċċitata).

37

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-istħarriġ tagħha, matul l-ewwel fażi tal-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas, huwa limitat għall-verifika tar-regolarità formali tal-estratt tal-kotba kontabbli tal-bank. Għalhekk, din il-qorti tindika li ma jkollhiex l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ self.

38

Minn dan isegwi li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, qorti nazzjonali ma tistax twettaq l-eżami tan-natura eventwalment inġusta ta’ klawżola kuntrattwali sakemm hija ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha għal dan l-għan (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 47).

39

Barra minn hekk, anki jekk jirriżulta, hekk kif enfasizza l-Gvern Pollakk fl-osservazzjonijiet tiegħu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mill-Artikolu 486(1) tal-KPC, li l-president tal-kulleġġ adit ikun jista’ jistabbilixxi data għas-seduta, sakemm il-kawża ma tkunx tista’ tiġi eżaminata in camera, ħaġa li tippermetti li jiġi eżaminat il-kuntratt ta’ kreditu ta’ konsum ikkonċernat, din is-setgħa tal-President tal-kulleġġ hija suġġetta għall-assenza ta’ provi suffijenti li jiġġustifikaw il-ħruġ ta’ digriet ta’ ordni ta’ ħlas. Issa, skont l-indikazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, tali kundizzjoni ma hijiex issodisfatta fil-kawża prinċipali (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punti 48 sa 50).

40

Fi kwalunkwe każ, għalkemm, bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex toħroġ mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 93/13 il-kriterji li jiddefinixxu l-qafas li jippermetti li tiġi evalwata ex officio l-osservanza tal-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dispożizzjoni, bħall-Artikolu 486(1) tal-KPC, tistax toffrilha, jekk ikun il-każ, tali qafas (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 52)

41

Il-Qorti tar-rinviju tosserva wkoll li l-eżami tar-relazzjoni legali li tirriżulta mill-kuntratt ta’ kreditu għall-konsum għandha sseħħ biss meta l-konsumatur iressaq kontestazzjoni għall-ordni ta’ ħlas.

42

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, minkejja li l-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju tirrigwarda biss l-ewwel fażi tagħha, din il-proċedura għandha madankollu tiġi eżaminata fit-totalità tagħha, billi jiġu inklużi kemm l-ewwel fażi qabel issir il-kontestazzjoni, kif ukoll it-tieni fażi li tiġi wara din il-kontestazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 54).

43

Issa, fl-assenza ta’ armonizzazzjoni mid-dritt tal-Unjoni tal-proċeduri applikabbli għall-eżami tan-natura allegatament inġusta ta’ klawżola kuntrattwali, dawn il-proċeduri jaqgħu taħt l-ordinament ġuridiku intern tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni, madankollu, li l-prinċipju ta’ ekwivalenza u d-dritt għal rimedju effettiv, kif previsti fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġu rrispettati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 57).

44

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, hemm lok jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandha ebda informazzjoni ta’ natura li tqajjem dubju dwar il-konformità ma’ dan il-prinċipju tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 58).

45

F’dak li jirrigwarda d-dritt għal rimedju effettiv, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, li jiġu previsti modalitajiet proċedurali li jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-Direttiva 93/13 kontra l-użu ta’ klawżoli inġusti jimplika rekwiżit ta’ dritt għal rimedju effettiv, li huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Id-dritt għal rimedju effettiv għandu jkun applikabbli kemm fuq il-livell tal-identifikazzjoni tal-qrati kompetenti sabiex jieħdu konjizzjoni tal-kawżi bbażati fuq id-dritt tal-Unjoni kif ukoll fir-rigward tal-modalitajiet proċedurali marbuta ma’ tali kawżi. Għalhekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk proċedura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiksirx dritt għal rimedju effettiv, il-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk il-modalitajiet tal-proċedura ta’ kontestazzjoni li jipprovdi d-dritt nazzjonali ma joħolqux riskju mhux żgħir li l-konsumaturi kkonċernati ma jagħmlux il-kontestazzjoni meħtieġa (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punti 59 u 61).

46

F’dan il-każ, jirriżulta mill-Artikolu 491(1) tal-KPC li t-terminu sabiex issir kontestazzjoni huwa ta’ ġimgħatejn. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 493(1) ta’ dan il-kodiċi, il-konvenut għandu, fl-att ta’ kontestazzjoni tiegħu, jippreċiża jekk huwiex qiegħed jikkontesta d-digriet ta’ ordni ta’ ħlas fl-intier tagħha jew parzjalment u għandu jressaq, taħt piena ta’ inammissibbiltà tagħha, il-motivi u l-eċċezzjonijiet imqajma, kif ukoll jipproduċi l-punti ta’ fatt u l-provi. Tali modalitajiet proċedurali, li għandhom jiġu osservati f’terminu daqshekk qasir, iwasslu għar-riskju mhux żgħir li l-konsumatur ma jagħmilx kontestazzjoni jew li din tkun inammissibbli (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punti 65 u 66).

47

Barra minn hekk, mill-Artikolu 19(4) tal-liġi dwar l-ispejjeż ġudizzjarji jirriżulta li l-konvenut għandu jħallas tliet kwarti tal-ispejjeż ġudizzjarji meta jagħmel kontestazzjoni għad-digriet ta’ ordni ta’ ħlas, b’mod illi l-professjonist ikollu jħallas biss kwart ta’ dawn l-ispejjeż. Dawn l-ispejjeż diġà jistgħu jkunu biżżejjed biex iżommu lill-konsumatur milli jressaq kontestazzjoni. Dan tal-aħħar huwa iktar u iktar ippenalizzat jekk ikollu, fi kwalunkwe każ, iħallas spejjeż tliet darbiet ogħla minn dawk tal-parti l-oħra (sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punti 67 u 68).

48

Barra minn hekk, il-modalitajiet proċedurali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn jeżiġu mill-konsumatur li jipproduċi, f’terminu ta’ ġimgħatejn sa minn meta jirċievi d-digriet ta’ ordni ta’ ħlas, il-punti ta’ fatt u l-provi li jippermettu lill-qorti twettaq l-evalwazzjoni tagħha u, min-naħa l-oħra, jippenalizzawh fil-mod kif jiġu kkalkolati l-ispejjeż ġudizzjarji, iwasslu għal riskju li l-konsumatur inkwistjoni ma jagħmilx il-kontestazzjoni neċessarja (ara, f’dan is-sens, sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punti 69 u 70).

49

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi proċedura li tippermetti l-ħruġ ta’ ordni ta’ ħlas, meta l-qorti adita b’rikors għal ordni ta’ ħlas ma jkollhiex is-setgħa li twettaq eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli tal-kuntratt inkwistjoni, peress li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li ssir kontestazzjoni għal tali digriet ma jippermettux li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jislet minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C-176/17, EU:C:2018:711, punt 71).

50

Fir-rigward tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni telenka l-informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi ftehim ta’ kreditu, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jieħu deċiżjoni informata.

51

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet illi l-eżami ex officio mill-qorti nazzjonali tal-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/48 jikkostitwixxi barra minn hekk mezz xieraq sabiex jintlaħaq ir-riżultat stabbilit fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva u jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fil-premessa 31 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C-377/14, EU:C:2016:283, punt 68, u, b’analoġija, id-digriet tas-16 ta’ Novembru 2010, Pohotovosť, C-76/10, EU:C:2010:685, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-obbligu tal-qorti nazzjonali li teżamina ex officio l-osservanza tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2008/48 jippresupponi li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C-377/14, EU:C:2016:283, punt 70, u, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C-243/08, EU:C:2009:350, punt 32).

52

Peress li, fil-kuntest tal-ewwel fażi tal-proċedura, il-qorti nazzjonali ma jkollhiex l-elementi li jippermettulha tiżgura ruħha mill-osservanza tal-obbligi ta’ informazzjoni tal-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48, billi d-digriet ta’ ordni ta’ ħlas jingħata biss fuq il-bażi tal-eżami formali ta’ estratt mill-kotba kontabbli tal-bank, u billi l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt ta’ kontestazzjoni għal tali ordni ma jippermettux, għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punti 46 sa 48 ta’ dan id-digriet, li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur igawdi taħt din id-Direttiva, l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13, kif ukoll l-Artikolu 10 tad-Dirrettiva 2008/48, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jinħareġ digriet ta’ ordni ta’ ħlas, ibbażat fuq estratt mill-kotba kontabbli ta’ bank, bħala prova tal-eżistenza tal-kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, meta l-qorti adita b’rikors għal ordni ta’ ħlas ma jkollhiex is-setgħa li twettaq eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt u li tiżgura ruħha mill-preżenza tal-informazzjoni indikata fl-imsemmi Artikolu 10, peress li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li ssir kontestazzjoni għal tali digriet ma jkunux jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jislet minn dawn id-direttivi.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, kif ukoll l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti li jinħareġ digriet ta’ ordni ta’ ħlas, ibbażat fuq estratt mill-kotba kontabbli ta’ bank, bħala prova tal-eżistenza tal-kreditu li jirriżulta minn kuntratt ta’ kreditu għall-konsum, meta l-qorti adita b’rikors għal ordni ta’ ħlas ma jkollhiex is-setgħa li twettaq eżami tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt u li tiżgura ruħha mill-preżenza tal-informazzjoni indikata fl-imsemmi Artikolu 10, peress li l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li ssir kontestazzjoni għal tali digriet ma jkunux jippermettu li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet li l-konsumatur jislet minn dawn id-direttivi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.