Kawżi magħquda C-142/17 u C-143/17

Manuela Maturi et

vs

Fondazione Teatro dell’Opera di Roma,

Fondazione Teatro dell’Opera di Roma

vs

Manuela Maturi et

u

Catia Passeri

vs

Fondazione Teatro dell’Opera di Roma

(talbiet għal deċiżjoni preliminari,
imressqa mill-Corte suprema di cassazione)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2006/54/KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà temporanja għall-ħaddiema fil-qasam tal-ispettaklu li jkunu laħqu l-età tal-irtirar li jibqgħu attivi sal-età preċedentement prevista għad-dritt għall-pensjoni, stabbilita bħala 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel”

Sommarju – Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) ta* 7 ta' Frar 2018

Politika soċjali – Ħaddiema rġiel u ħaddiema nisa – Aċċess għall-impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol – Ugwaljanza fit-trattament – Direttiva 2006/54 – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà temporanja għall-ħaddiema fil-qasam tal-ispettaklu li jkunu laħqu l-età tal-irtirar li jibqgħu attivi sal-età preċedentement prevista mil-leġiżlazzjoni preċedenti għad-dritt għall-pensjoni – Iffissar f’livelli differenti, skont is-sess, tal-età li tagħti dritt għal din il-pensjoni – Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess – Inammissibbiltà

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2000/31, Artikoli 2(1)(b) u 14(1)(ċ))

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64, tat-30 ta’ April 2010, ikkonvertit fil-Liġi Nru 100, tat-29 ta’ Ġunju 2010, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-ħaddiema impjegati bħala żeffiena, li jkunu laħqu l-età tal-irtirar stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni bħala 45 sena kemm għan-nisa u kif ukoll għall-irġiel, ikollhom il-possibbiltà li, matul perijodu tranżitorju ta’ sentejn, jagħmlu għażla li tippermettilhom li jkomplu bl-attività professjonali tagħhom sa l-età limitu sa meta jistgħu jibqgħu attivi prevista mil-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ preċedentement, stabbilita bħala 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel, tistabbilixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess ipprojbita minn din id-direttiva.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/54 tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, id-diskriminazzjonijiet direttament ibbażati fuq is-sess u, min-naħa l-oħra, dawk imsejħa “indiretti”, fis-sens li tal-ewwel ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn għan leġittimu. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjonijiet, kriterji jew prassi li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjonijiet indiretti jistgħu ma jkunux jaqgħu fil-klassifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni jekk ikunu “ġustifikat[i] b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex tintlaħaq din il-mira [jkunu] xierqa u meħtieġa” (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist, C-356/09, EU:C:2010:703, punt 41).

Għaldaqstant, differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata mir-rieda li l-ħaddiema kkonċernati ma jkunux esposti għall-bidla f’daqqa, f’sens restrittiv, tar-regoli preċedenti dwar il-fakultà li dawn jibqgħu attivi.

(ara l-punti 38-40 u d-dispożittiv)