DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

7 ta’ Frar 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2006/54/KE – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-possibbiltà temporanja għall-ħaddiema fil-qasam tal-ispettaklu li jkunu laħqu l-età tal-irtirar li jibqgħu attivi sal-età preċedentement prevista għad-dritt għall-pensjoni, stabbilita bħala 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel”

Fil-Kawżi magħquda C‑142/17 u C‑143/17,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Corte suprema di cassazione (il-Qorti ta’ Kassazzjoni, l-Italja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-15 ta’ Frar 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Marzu 2017, fil-proċeduri

Manuela Maturi,

Laura Di Segni,

Isabella Lo Balbo,

Maria Badini,

Loredana Barbanera

vs

Fondazione Teatro dell’Opera di Roma,

u

Fondazione Teatro dell’Opera di Roma

vs

Manuela Maturi,

Laura Di Segni,

Isabella Lo Balbo,

Maria Badini,

Loredana Barbanera,

Luca Troiano,

Mauro Murri (C-142/17),

u

Catia Passeri

vs

Fondazione Teatro dell’Opera di Roma (C‑143/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn E. Levits, President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Berger (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-5 ta’ Lulju 2006, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU 2006, L 204, p. 23), u tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn diversi ħaddiema impjegati bħala żeffiena mal-Fondazione Teatro dell’Opera di Roma (iktar’ il quddiem il-“Fondazzjoni”) fir-rigward tat-tkeċċija tagħhom minħabba l-fatt li huma kienu laħqu l-età limitu sa meta jistgħu jibqgħu attivi.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2006/54, intitolat “Għan”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li jkun implimentat il-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

Għal dan il-għan, hi fiha dispożizzjonijiet biex jiġi implimentat il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’relazzjoni ma’:

(a)

l-aċċess għall-impjiegi, inkluża l-promozzjoni, u t-taħriġ vokazzjonali;

(b)

il-kondizzjonijiet tax-xogħol, inkluża l-paga;

(ċ)

l-iskemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali.

Hi fiha wkoll dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li din l-implimentazzjoni tkun aktar effettiva permezz ta’ l-istabbiliment ta’ proċeduri xierqa.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-defnizzjonijiet li ġejjin:

(a)

‘diskriminazzjoni diretta’: fejn persuna waħda tiġi trattata minħabba s-sess b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi trattata, ġiet trattata jew kieku tiġi trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli;

(b)

‘diskriminazzjoni indiretta’: fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika li mad-dehra jkunu newtrali jkunu jpoġġu lil persuni ta’ sess partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni tas-sess l-ieħor, ħlief jekk dik id-dispożizzjoni, kriterju jew prattika tkun oġġettivament ġustifikata b’għan leġittimu, u l-mezzi biex jintlaħaq dak l-għan huma xierqa u meħtieġa;

[…]”

5

Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija Direttiva 2006/54, intitolat “Azzjoni posittiva”:

“L-Istati Membri jistgħu izommu jew jadottaw mizuri fis-sens ta’ l-Artikolu 141(4) tat-Trattat bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol.”

6

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi:

“M’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fis-settur pubbliku jew f’dak privat, inklużi l-korpi pubbliċi, b’relazzjoni għal:

[…]

(ċ)

Impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol, inlużi sensji, kif ukoll paga kif previst fl-Artikolu 141 tat-Trattat”.

Id-dritt Taljan

7

Skont il-leġiżlazzjoni Taljana, il-ħaddiem li jkun laħaq l-età tal-irtirar jista’ jitkeċċa ad nutum mill-persuna li timpjegah, mingħajr ma din tal-aħħar tkun obbligata tipprovdi ġustifikazzjoni f’dan ir-rigward.

8

Skont il-qorti tar-rinviju, l-età tal-irtirar tal-ħaddiema tas-settur tal-ispettaklu li jaqgħu fil-kategorija ta’ żeffiena kienet ta’ 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel. Hija tesponi li l-Artikolu 3(7) tad-Digriet‑Liġi Nru 64, tal-30 ta’ April 2010, ikkonvertit fil-Liġi Nru 100, tat-29 ta’ Ġunju 2010, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem id-“Digriet‑Liġi Nru 64/2010”), emenda dawn il-limiti tal-età għall-ħaddiema taż-żewġ sessi, billi stabbilixxa limitu ta’ età komuni sabiex dawn jinżammu attivi sal-età ta’ 45 sena magħluqa.

9

Din id-dispożizzjoni introduċiet ukoll għall-benefiċċju ta’ dawn tal-aħħar għażla tranżitorja, applikabbli għal perijodu ta’ sentejn li kienu jiddekorru mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjoni, li permezz tagħha huma setgħu jibqgħu attivi wara din l-età limitu komuni. Għaldaqstant, l-imsemmija ħaddiema impjegati għal żmien indeterminat li laħqu jew qabżu l-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid setgħu jkomplu l-attività professjonali tagħhom sal-età massima għall-irtirar li kienet fis-seħħ preċedentement, jiġifieri 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel, billi jagħmlu l-imsemmija għażla, li tiġġedded kull sena, fi żmien xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjoni jew mill-inqas tliet xhur qabel l-akkwist tad-dritt definittiv għall-pensjoni.

Il-kawżi prinċipali u d-domanda preliminari

10

Preliminarjament, għandu jiġi ppreċiżat li l-kawżi prinċipali huma bejn, minn naħa, il-ħaddiema impjegati bħala żeffiena u żeffiena, u, min-naħa l-oħra, il-Fondazzjoni, il-persuna li timpjegahom. Madankollu, kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u kif ġie kkonfermat mill-qorti tar-rinviju wara talba għal kjarifika mill-Qorti tal-Ġustizzja, is-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta’ sess maskili ma għandha l-ebda impatt fuq id-domandi magħmula f’dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Għalhekk, f’dan il-każ għandha tiġi kkunsidrata biss is-sitwazzjoni tal-ħaddiema nisa ikkonċernati.

11

Dawn tal-aħħar kienu impjegati mill-Fondazzjoni sal-31 ta’ Marzu 2014, data li fiha tkeċċew minħabba li huma kienu laħqu l-limitu tal-età tal-irtirar. It-terminazzjoni tal-kuntratt tax-xogħol hija bbażata fuq l-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64/2010.

12

Huma adixxew lit-Tribunale di Roma (il-Qorti ta’ Ruma, l-Italja) b’rikors intiż għall-annullament tat-tkeċċija tagħhom, għar-reintegrazzjoni tagħhom fil-postijiet tax-xogħol tagħhom u għall-kundanna tal-persuna li timpjegahom għal kumpens għad-dannu kkawżat. Huma qiesu li t-tkeċċija tagħhom kienet illegali, minħabba li huma kienu għamlu l-għażla li tippermettilhom ikomplu bl-attività professjonali tagħhom, prevista fl-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64/2010, li tiġġedded kull sena mill-inqas 3 xhur qabel ma tintlaħaq l-età legali limitu sa meta dawn jistgħu jibqgħu attivi.

13

Il-Qorti adita laqgħet l-azzjonijiet.

14

Wara l-appell ippreżentat mill-Fondazzjoni, il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma, l-Italja) ċaħdet it-talbiet tal-ħaddiema inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Din il-qorti kkunsidrat li l-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64/2010 ma kienx jikser id-dritt tal-Unjoni, għar-raġuni li, filwaqt li baxxiet għal 45 sena l-età tal-irtirar, din id-dispożizzjoni tat lill-membri tal-persunal li laħqu din l-età qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjoni jew matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Lulju 2010 u l-1 ta’ Lulju 2012, id-dritt li jibbenefikaw mill-età limitu sa meta dawn jistgħu jibqgħu attivi prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ preċedentement, jiġifieri 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel.

15

Skont il-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma), il-leġiżlatur nazzjonali kellu l-intenzjoni li jintroduċi modalitajiet ta’ aċċess gradwali għall-età limitu ġdida sa meta jistgħu jibqgħu attivi għall-ħaddiema li, inkwantu kienu viċin din l-età ġdida, kienu esposti għat-tibdil f’daqqa, f’sens restrittiv, tar-regoli preċedenti. Għalhekk, skont din il-qorti, ma teżisti ebda inkompatibbiltà bejn ir-regola inkwistjoni u l-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni, anki jekk titqies in-natura tranżitorja tad-dispożizzjoni u taċ-ċirku ristrett tad-destinatarji.

16

Il-ħaddiema nisa inkwistjoni fil-kawża prinċipali ressqu appell kontra din is-sentenza quddiem il-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni, l-Italja) billi invokaw b’mod partikolari l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64/2010 mal-Artikolu 157 TFUE, l-Artikolu 21 tal-Karta u d-Direttiva 2006/54.

17

Il-Fondazzjoni ressqet ukoll appell quddiem il-qorti tar-rinviju mis-sentenza tal-Corte d’appello di Roma (il-Qorti tal-Appell ta’ Ruma), tal-14 ta’ Ottubru 2015.

18

Filwaqt li enfasizzat li s-soluzzjoni għat-tilwim fil-kawżi prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-kunċett ta’ “nondiskriminazzjoni bbażata fuq is-sess”, previst fid-Direttiva 2006/54 u fl-Artikolu 21 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64/2010 huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati mir-rikorrenti.

19

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Corte suprema di cassazione (il-Qorti Suprema ta’ Kassazzjoni) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, f’kull waħda mill-kawżi, id-domanda preliminari li ġejja:

“Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess, previst fid-Direttiva 2006/54 u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (Artikolu 21), jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali prevista fl-Artikolu 3(7) tad-[Digriet-Liġi Nru 64/2010], skont liema ‘għall-ħaddiema tas-settur tal-ispettaklu li jaqgħu fil-kategorija ta’ żeffiena, l-età tal-irtirar għandha tkun dik tal-45 sena ta’ età kronoloġika kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, u għandu japplika għall-ħaddiema li huma koperti b’mod sħiħ bis-sistema kontributorja jew bis-sistema mħallta, il-koeffiċjent ta’ konverżjoni previst fl-Artikolu 1(6) tal-Liġi Nru 335, tat-8 ta’ Awwissu 1995, dwar l-età massima. Għas-sentejn sussegwenti għad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, il-ħaddiema msemmija fil-paragrafu preċedenti, impjegati għal żmien indeterminat u li jkunu għalqu jew qabżu l-età tal-irtirar, huma mogħtija għażla, li tiġġedded kull sena, li jibqgħu fis-servizz. Din l-għażla għandha tiġi eżerċitata permezz ta’ talba formali li għandha tiġi ppreżentata lill-[ente nazionale di previdenza e assistenza per i lavoratori dello spettacolo (ENPALS) (l-Organu Nazzjonali ta’ Previdenza u ta’ Assistenza għall-Ħaddiema tal-Ispettaklu)] f’terminu ta’ xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni jew mill-inqas tliet xhur qabel il-kisba tad-dritt definittiv għall-irtirar [pensjoni], u dan mingħajr preġudizzju għall-età tal-irtirar massima ta’ 47 sena għan-nisa u ta’ 52 sena għall-irġiel?’”

20

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ April 2017, il-Kawżi C-142/17 u C-143/17 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

Fuq id-domanda preliminari

21

Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għal tali domanda ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

22

Hemm lok li din id-dispożizzjoni tiġi applikata fil-kuntest ta’ dawn il-kawżi.

23

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64/2010, li bis-saħħa tagħha l-ħaddiema, impjegati bħala żeffiena, li jkunu laħqu l-età tal-irtirar stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni bħala 45 sena kemm għan-nisa u kif ukoll għall-irġiel, ikunu jistgħu, għal perijodu tranżitorju ta’ sentejn, jagħmlu għażla li tippermettilhom li jkomplu jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom sal-età limitu sa meta jistgħu jibqgħu attivi prevista mil-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ preċedentement, stabbilita bħala 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel.

24

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kwistjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-pensjoni tal-irtirar, minn naħa, u dik tal-kundizzjonijiet għat-terminazzjoni tar-relazzjoni tax-xogħol, min-naħa l-oħra, huma distinti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist, C‑356/09, EU:C:2010:703, punt 24).

25

Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 jipprovdi li l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għal dak li jirrigwarda il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija jimplika l-assenza ta’ kwalunkwe diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq is-sess fis-settur pubbliku jew privat, inklużi l-organi pubbliċi.

26

F’dan ir-rigward, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “tkeċċija”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, kunċett li għandu jinftiehem f’sens wiesa’, it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba li l-ħaddiem ikun laħaq l-età limitu sa meta jista’ jibqa’ attiv stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, fl-ambitu ta’ politika ġenerali tal-irtirar mix-xogħol ġestita minn persuna li timpjega, anki jekk dan l-irtirar iwassal għall-għoti ta’ pensjoni tal-irtirar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist, C-356/09, EU:C:2010:703, punt 26).

27

Minn dan isegwi li kawża, bħal dawk inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li fihom il-ħaddiema nisa kkonċernati, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, ġew imġiegħla ex officio jirtiraw mix-xogħol mill-persuna li timpjegahom minħabba li kienu laħqu l-età limitu sa meta setgħu jibqgħu attivi, tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija, fis-sens tal-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist, C-356/09, EU:C:2010:703, punt 27)

28

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà qieset, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE tad-9 ta’ Frar 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fir-rigward ta’ aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali u promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 187) li tħassret mid-Direttiva 2006/54, li politika ġenerali ta’ tkeċċija li tinvolvi t-tkeċċija ta’ impjegata għas-sempliċi raġuni li hija tkun laħqet jew qabżet l-età meta hija jkollha dritt għal pensjoni tal-irtirar, li hija differenti għall-irġiel u għan-nisa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess li hija pprojbita mid-Direttiva 76/207 (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist, C-356/09, EU:C:2010:703, punt 28).

29

Tali interpretazzjoni hija wkoll applikabbli għal leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hija dik li tidher fl-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64/2010, li tipprovdi li l-ħaddiema li jkunu laħqu l-età limitu sa meta jistgħu jibqgħu attivi jistgħu, matul perijodu tranżitorju, jagħmlu għażla li tippermettilhom li jkomplu bl-attività professjonali tagħhom, fejn l-età li fiha l-kuntratt ta’ xogħol għandu jintemm b’mod definittiv tkun differenti skont jekk il-ħaddiem ikkonċernat ikunx raġel jew mara.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, konformement mal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, ikun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna waħda tkun ittrattata inqas favorevolment fuq bażi ta’ sess minn kif persuna oħra hija, kienet jew tista’ tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli.

31

F’dan il-każ, jirriżulta mill-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64/2010, li, għal perijodu ta’ sentejn li beda jiddekorri b’effett mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, iż-żeffiena impjegati għal żmien indeterminat li laħqu jew qabżu l-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid, ngħataw il-possibbiltà li jagħmlu l-għażla li jkomplu bl-attività professjonali tagħhom, li tiġġedded kull sena, fi żmien xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija dispożizzjoni jew mill-inqas tliet xhur qabel l-akkwist tad-dritt definittiv għall-pensjoni, sa l-età limitu għall-irtirar li kienet fis-seħħ preċedentement, jiġifieri 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel.

32

Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-modalitajiet tal-eżerċizzju tal-għażla inkwistjoni jiddependu fuq is-sess tal-ħaddiema.

33

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, f’kuntest bħal dak irregolat mill-imsemmija dispożizzjoni, il-ħaddiema ta’ sess femminili li għandhom 45 sena jew iktar jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, għal dik tal-ħaddiema ta’ sess maskili tal-istess kategorija ta’ età.

34

L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u, għaldaqstant, in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tas-suġġett u tal-għan tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, fejn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għal dan l-għan, il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, BB construct, C-534/16, EU:C:2017:820, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Fil-kawżi prinċipali, il-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi d-differenza fit-trattament inkwistjoni għandha l-għan li tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom tintemm ir-relazzjoni tax-xogħol tal-ħaddiema kkonċernati.

36

Issa, f’dan il-kuntest, ebda ċirkustanza li tista’ tikkostitwixxi għas-sitwazzjoni tal-ħaddiema ta’ sess femminili kwalità speċifika meta mqabbla ma’ dik tal-ħaddiema ta’ sess maskili ma tista’ tiġi identifikata. Għaldaqstant, il-ħaddiema ta’ sess femminili kkonċernati jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54, ma’ dik tal-ħaddiema ta’ sess maskili tal-istess età fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol. Konsegwentement, tali dispożizzjoni tistabbilixxi differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq is-sess.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, differenza fit-trattament ibbażata direttament fuq is-sess bħalma hija dik stabbilita mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/54 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist, C-356/09, EU:C:2010:703, punt 42).

38

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-Direttiva 2006/54 tagħmel distinzjoni bejn, minn naħa, id-diskriminazzjonijiet direttament ibbażati fuq is-sess u, min-naħa l-oħra, dawk imsejħa “indiretti”, fis-sens li tal-ewwel ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn għan leġittimu. Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 2(1)(b) tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjonijiet, kriterji jew prassi li jistgħu jikkostitwixxu diskriminazzjonijiet indiretti jistgħu ma jkunux jaqgħu fil-klassifikazzjoni ta’ diskriminazzjoni jekk ikunu “ġustifikat[i] b’mod oġġettiv minn mira leġittima, u l-mezzi biex tintlaħaq din il-mira [jkunu] xierqa u meħtieġa” (sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Kleist, C-356/09, EU:C:2010:703, punt 41).

39

Għaldaqstant, differenza fit-trattament bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma tistax tiġi ġġustifikata mir-rieda li l-ħaddiema kkonċernati ma jkunux esposti għall-bidla f’daqqa, f’sens restrittiv, tar-regoli preċedenti dwar il-fakultà li dawn jibqgħu attivi.

40

Għalhekk, għad-domanda mressqa, għandha tingħata r-risposta li l-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64/2010, li bis-saħħa tagħha l-ħaddiema impjegati bħala żeffiena, li jkunu laħqu l-età tal-irtirar stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni bħala 45 sena kemm għan-nisa u kif ukoll għall-irġiel, ikunu liberi, matul perijodu tranżitorju ta’ sentejn, li jagħmlu għażla li tippermettilhom li jkomplu bl-eżerċizzju tal-attività professjonali tagħhom sa l-età limitu sa meta jistgħu jibqgħu attivi prevista mil-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ preċedentement, stabbilita bħala 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel, tistabbilixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess ipprojbita minn din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

41

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 14(1)(ċ) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 3(7) tad-Digriet-Liġi Nru 64, tat-30 ta’ April 2010, ikkonvertit fil-Liġi Nru 100, tat-29 ta’ Ġunju 2010, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fid-data tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li bis-saħħa tagħha l-ħaddiema impjegati bħala żeffiena, li jkunu laħqu l-età tal-irtirar stabbilita minn din il-leġiżlazzjoni bħala 45 sena kemm għan-nisa u kif ukoll għall-irġiel, ikollhom il-possibbiltà li, matul perijodu tranżitorju ta’ sentejn, jagħmlu għażla li tippermettilhom li jkomplu bl-attività professjonali tagħhom sa l-età limitu sa meta jistgħu jibqgħu attivi prevista mil-leġiżlazzjoni li kienet fis-seħħ preċedentement, stabbilita bħala 47 sena għan-nisa u 52 sena għall-irġiel, tistabbilixxi diskriminazzjoni diretta bbażata fuq is-sess ipprojbita minn din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.