Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tat-13 ta’ Lulju 2017 –
Saferoad Grawil u Saferoad Kabex
(Kawża C-35/17)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Kuntratti pubbliċi – Prinċipji ta’ għoti ta’ kuntratti – Ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti – Tul tal-validità tal-offerta u tal-garanzija – Proroga mhux prevista espliċitament – Esklużjoni mill-kuntratt”
Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet-Proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi-Direttiva 2004/18-Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-offerenti-Obbligu ta’ trasparenza-Esklużjoni mill-parteċipazzjoni f’kuntratt ta’ operatur ekonomiku li ma osservax obbligu mhux espliċitament previst fid-dokumenti tal-kuntratt jew fil-liġi nazzjonali-Assenza ta’ possibbiltà li tiġi rrettifikata din l-omissjoni-Inammissibbiltà
(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2004/18, Artikolu 2 u Anness VII A, punt 17)
(ara l-punt 18, 19, 21-23, 26, 27 u d-dispożittiv)
Dispożittiv
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi], il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-obbligu ta’ trasparenza għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-esklużjoni ta’ operatur ekonomiku mill-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt għal xogħlijiet pubbliċi wara n-nuqqas ta’ osservanza, minn dan l-operatur, ta’ obbligu li ma jirriżultax espressament mid-dokumenti relatati ma’ din il-proċedura.