26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/20


Appell ippreżentat fl-24 ta’ Diċembru 2017 minn Il-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) fit-13 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża T-572/16, Brouillard vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-728/17 P)

(2018/C 112/27)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Mihaylova, G. Gattinara, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Alain Laurent Brouillard

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Ottubru 2017, Brouillard vs Il-Kummissjoni (T-572/16);

tiċħad ir-rikors tal-ewwel istanza;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha taż-żewġ istanzi.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju huwa bbbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball ta’ liġi u ta’ żnaturament. Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet u jikkonċerna l-punti 36, 39, 43 sa 56 u 62 u 63 tas-sentenza appellata.

Permezz tal-ewwel parti, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-interpretazzjoni tal-avviż tal-kompetizzjoni. Fil-punti 36, 45, 47-56 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat, minn naħa, li l-aġġettiv “sħiħa”, użat fl-espressjoni “formazzjoni ġuridika sħiħa”, inkluża fl-avviż tal-kompetizzjoni, ma kienx jagħmel riferiment għall-kontenut tad-diploma rikjesta u, min-naħa l-oħra, li l-kelma “korrispondenti”, inkluża fl-espressjoni “diploma korrispondenti tal-inqas għal livell ta’ profiċjenza” , ma kinitx tikkorrispondi mad-diploma iżda għall-formazzjoni. Bl-istess mod, il-Kummissjoni tqis li interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika bl-ebda mod ta’ tapoġġja l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali, peress li l-interpretazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni f’kompetizzjoni għandha ssir fid-dawl tad-deskrizzjoni tal-kompiti tal-postijiet previsti, li, skont l-Anness I tal-avviż tal-kompetizzjoni, kienu kompiti ta’ traduzzjoni li għandhom jitwettqu minn “ġuristi bi kwalifiki għoljin ħafna”.

Permezz tat-tieni parti, il-Kummissjoni tinvoka żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3)(c)(i) tar-Regoli tal-Persunal fil-punti 46-49 u 52-53 tas-sentenza appellata. Il-Kummissjoni tqis li din id-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Persunal ma hijiex rilevanti għall-proċeduri ta’ reklutaġġ u, fuq kollox, ma tipprekludix lil amministrazzjoni, waqt l-istabbiliment tal-kontenut ta’ avviż ta’ kompetizzjoni, milli timponi kundizzjonijiet għall-parteċipazzjoni iktar severi mill-kriterji previsti minn dik id-dispożizzjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak meqjus mill-Qorti Ġenerali, avviż ta’ kompetizzjoni ma jistax jiġi interpretat fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regoli tal-Persunal.

Permezz tat-tielet parti, il-Kummissjoni tinvoka żnaturament tal-kontenut tal-master għal għanijiet professjonali tal-Università ta’ Poitiers u tal-att ta’ kandidatura tar-rikorrent fl-ewwel istanza. Il-Kummissjoni tqis li jirriżulta b’mod manifest minn dawn iż-żewġ provi li r-rikorrent ma kellux diploma, li tirrikonoxxi master 2 fil-liġi ta’ ħames snin ta’ studju, kif rikjest mill-avviż tal-kompetizzoni. Għaldaqstant, il-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-punti 39 u 43-44, 52-54 tas-sentenza appellata huma żbaljati.

It-tieni aggravju huwa bbażat fuq l-allegazzjoni ta’ żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tar-regoli li jirregolaw id-delimitazzjoni tas-setgħat ta’ bord tal-għażla tal-kompetizzjoni waqt il-verifika tal-eżistenza ta’ diploma ta’ kandidat. Dan it-tieni aggravju, li jirrigwarda l-punti 37, 52 u 54-56 tas-sentenza appellata, huwa intiż li jikkontesta r-raġunament tal-Qorti Ġenerali li l-bord tal-għażla għandu jaċetta d-diploma tar-rikorrent fl-ewwel istanza sempliċiment abbażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw l-għoti tad-diploma.

It-tielet aggravju, li jikkonċerna l-punti 39, 44, 47-48, 52, 57-61 tas-sentenza appellata, huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbigu ta’ motivazzjoni safejn il-qorti Ġenerali ma indikatx b’mod suffiċjenti fuq il-bażi ta’ liema elementi tal-fajl, ir-rikorrent fl-ewwel istanza kellu diploma li tippermettilu li jissodisfa l-kundizzjoni rikjesta mill-avviż tal-kompetizzjoni. Barra min hekk, il-Qorti Ġenerali tikkontradixxi lilha nnifisha peress li, filwaqt li ddikjarat li l-formazzjoni ġuridika sħiħa u d-diploma li tirrikonoxxi ċiklu sħiħ ta’ studji universitarji kienu żewġ konklużjonijiet differenti, hija kkonstatat l-eżistenza ta’ diploma, mingħajr ma indikat liema element seta’ jitqies bħala li jistabblixxi l-eżistenza ta’ formazzjoni ġuridika sħiħa. Fl-aħħar, il-Qorti Ġenerali ma spjegatx b’mod suffiċjenti għaliex, fis-sentenza li ngħatat fil-Kawża T-420/13, li issa kisbet l-awtorità ta’ res judicata, id-diploma tar-rikorrent ġiet irrifjutata fil-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt ta’ servizzi ta’ traduzzjoni bħala “freelance” għall-amministrazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li din l-istess diploma tista’ issa tiġġustifika li l-istess rikorrenti jinħatar ġurista-lingwista tal-post fid-dipartimenti tat-traduzzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.