16.4.2018 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 134/13 |
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Ottubru 2017 minn Toni Klement mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-211/14 – Toni Klement vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
(Kawża C-698/17)
(2018/C 134/17)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellant: Toni Klement (rappreżentant: J. Weiser, Rechtsanwalt)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)
Talbiet
L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
— |
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-10 ta’ Ottubru 2017 fil-Kawża T-211/14 RENV; |
— |
tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż. |
Aggravji u argumenti prinċipali
Insostenn tal-argumenti tiegħu, l-appellant jinvoka tliet aggravji.
Fl-ewwel aggravju, l-appellanti jsostni nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trademark tridimensjonali inkwistjoni. Is-sentenza appellata ma tipprovdi ebda motivazzjoni għaliex it-trademark tridimensjonali inkwistjoni għandha karattru distintiv partikolarment għoli, minkejja li l-forma tagħha hija purament teknika. F’dan ir-rigward, il-motivazzjoni tas-sentenza ma hijiex ċara u lanqas ma tinftiehem fir-rigward ta’ punt essenzjali, u għalhekk hija vvizzjata minn żball ta’ liġi.
Permezz tat-tieni aggravju, l-appellant isostni li l-motivazzjoni tas-sentenza appellata fir-rigward tal-karattru distintiv tal-element verbali “Bullerjan” miżjud mat-trade mark ikkontestata waqt l-użu, hija kontradittorja u insuffiċjenti. Is-sentenza appellata ma pprovdiet ebda indikazzjoni dwar il-livell ta’ karattru distintiv li l-Qorti Ġenerali tat lill-element verbali miżjud. Fl-assenza ta’ determinazzjoni tal-karattru distintiv tal-element miżjud, ma jkunx possibbli li jiġi evalwat jekk dan tal-aħħar għandux effett fuq il-karattru distintiv tat-trade mark ikkontestata. Minbarra dan, is-sentenza appellata hija, f’dan ir-rigward, kontradittorja. F’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali tqis, minn naħa, li l-element verbali jista’ jiffaċilita d-determinazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti, iżda tafferma, min-naħa l-oħra, li tali element ma għandux effett fuq il-karattru distintiv tat-trademark tridimensjonali kkontestata. Il-faċilitazzjoni tad-determinazzjoni tal-oriġini kummerċjali u l-assenza ta’ effett fuq il-karattru distintiv madankollu jeskludu lil xulxin reċiprokament.
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellant isostni li fid-determinazzjoni tal-karattru distintiv tat-trademark tridimensjonali kkontestata ġie applikat kriterju legali żbaljat. Sabiex jiġi ddeterminat il-grad ta’ karattru distintiv ta’ trademark tridimensjonali, il-forma protetta għandha tiġi pparagunata mal-forom eżistenti fis-suq. Madankollu, il-Qorti Ġenerali, fil-motivazzjoni tagħha, ma tibbażax ruħha fuq dawn tal-aħħar, iżda fuq “forma ta’ forn inġenerali”. Forma ġenerika simili, madankollu, ma teżistix.