26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/11


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Verwaltungsgericht Berlin (il-Ġermanja) fis-6 ta’ Diċembru 2017 – ExxonMobil Production Deutschland GmbH vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-682/17)

(2018/C 112/15)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Verwaltungsgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: ExxonMobil Production Deutschland GmbH

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Domandi preliminari

1)

Impjant li jimmanifattura prodott li l-produzzjoni tiegħu ma taqax taħt l-attivitajiet imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE (1) (bħal, f’dan il-każ, il-produzzjoni tal-kubrit) u li, fl-istess waqt, iwettaq l-attività ta’ “kombustjoni ta’ karburanti f’impjanti b’potenza termali totali ta’ iktar minn 20 MW”, liema attività hija suġġetta għall-obbligu ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra skont l-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE, jikkostitwixxi impjant ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87/KE, fil-każ fejn faċilità sekondarja fl-istess impjant tipproduċi wkoll elettriku għall-imsemmi impjant u proporzjon (żgħir) ta’ dan l-elettriku jingħata lin-netwerk pubbliku tal-elettriku bi ħlas?

2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

Fil-każ fejn impjant bħal dak deskritt fl-ewwel domanda jkun impjant ta’ produzzjoni tal-elettriku fis-sens tal-Artikolu 3(u) tad-Direttiva 2003/87/KE, dan l-impjant ikun eliġibbli għal allokazzjoni ta’ kwoti għas-sħana konformement mad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE (2), anki meta s-sħana tissodisfa l-kundizzjonijiet elenkati fl-Artikolu 3(c) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE iżda ma taqax fil-kategoriji msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 10a(1), fl-Artikolu 10a(3) u fl-Artikolu 10a(4) tad-Direttiva 2003/87/KE, jiġifieri sħana li tirriżulta mill-kombustjoni ta’ gass tal-iskart għall-produzzjoni tal-elettriku, tisħin distrettwali u koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja?

3)

Jekk allokazzjoni ta’ kwoti għas-sħana prodotta fl-impjant inkwistjoni tkun possibbli fid-dawl tar-risposti għall-ewwel żewġ domandi preliminari:

Is-CO2 irrilaxxat fl-atmosfera bħala parti mill-ipproċessar tal-gass naturali (fil-forma ta’ gass aċiduż) matul il-“proċess Claus”, fejn is-CO2 inerenti fil-gass naturali huwa sseparat mit-taħlita ta’ gass, jikkostitwixxi emissjonijiet li jirriżultaw, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, mill-proċess imsemmi fil-punt (v) tal-Artikolu 3(h)?

a)

Emissjonijiet jistgħu jokkorru, fis-sens tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, “minħabba” proċess li fih is-CO2 inerenti fil-materja prima huwa fiżikament isseparat mit-taħlita ta’ gass u rrilaxxat fl-atmosfera, minkejja li dan il-proċess fih innifsu ma jagħtix lok għal diossidju tal-karbonju addizzjonali, jew din id-dispożizzjoni neċessarjament teżiġi li s-CO2 irrilaxxat fl-atmosfera jokkorri l-ewwel darba minħabba dan il-proċess?

b)

Hemm “użu” fis-sens tal-punt (v) tal-Artikolu 3(h) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE, meta l-gass naturali fl-istat oriġinali tiegħu jintuża għall-produzzjoni tal-kubrit matul il-“proċess Claus” u li, f’dan il-kuntest, is-CO2 inerenti għall-gass naturali huwa rrilaxxat fl-atmosfera mingħajr ma jkun parti mir-reazzjoni kimika tal-proċess? Jew inkella t-terminu “użu” jimplika neċessarjament li l-karbonju huwa parti minn, jew saħansitra huwa neċessarju, għar-reazzjoni kimika li tkun seħħet?

4)

Fil-każ li r-risposta għat-tielet domanda tkun fl-affermattiv: meta impjant suġġett għall-obbligu ta’ skambji ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra jissodisfa kemm il-kundizzjonijiet materjali sabiex jikkostitwixxi subimpjant suġġett għal parametri referenzjarji ta’ sħana kif ukoll il-kundizzjonijiet sabiex jikkostitwixxi subimpjant b’emissjonijiet tal-proċess, liema huwa l-parametru referenzjarju għal allokazzjoni ta’ kwoti ta’ emissjoni ta’ gassijiet serra gratuwiti? Id-dritt għal allokazzjoni ta’ kwoti abbażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana jipprevali fuq id-dritt għal allokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-proċess jew inkella, minħabba l-prinċipju ta’ speċjalità, id-dritt għal allokazzjoni ta’ emissjonijiet tal-proċess jipprevali fuq id-dritt għal allokazzjoni ta’ kwoti abbażi tal-parametru referenzjarju tas-sħana u tal-parametru referenzjarju ta’ kombustibbli?


(1)  Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta’ April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 130, p. 1).