5.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 83/10


Appell ippreżentat fit-28 ta’ Novembru 2017 minn Viridis Pharmaceutical Ltd. mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-15 ta’ Settembru 2017 fil-Kawża T-276/16 – Viridis Pharmaceutical Ltd. vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

(Kawża C-668/17 P)

(2018/C 083/16)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Viridis Pharmaceutical Ltd. (rappreżentanti: C. Spintig, Rechtsanwalt, S. Pietzcker, Rechtsanwalt, M. Prasse, Rechtsanwältin)

Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), Hecht-Pharma GmbH

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.

tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla);

2.

tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali;

3.

tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż tal-appellanti;

Sussidjarjament: tordna li l-ispejjeż jibqgħu rriżervati.

Aggravji u argumenti prinċipali

Permezz ta’ dan l-appell, l-appellanti ssostni li, fis-sentenza appellata tagħha, il-Qorti Ġenerali kisret ir-Regolament dwar it-Trade Mark tal-Unjoni (1) b’diversi modi.

Qabelxejn, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-ewwel alternattiva pprovduta fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament tat-Trade Mark tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li, sabiex jinżammu d-drittijiet ta’ trade mark tal-Unjoni rreġistrata għal prodott mediċinali, l-użu ta’ din it-trade mark jista’ jirriżulta biss mal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni neċessarja skont il-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti mediċinali. Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll l-istess dispożizzjoni meta kklassifikat l-użu ta’ trade mark tal-Unjoni fil-kuntest ta’ studju kliniku mwettaq skont l-Artikolu 8(2)(i) tad-Direttiva 2001/83/KE (2) bħala li huwa intrinsikament neċessarju u għalhekk ma jikkwalifikax bħala użu ġenwin.

Barra minn hekk, l-appellanti tallega ksur tat-tieni alternattiva pprovduta fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament dwar it-Trade Mark tal-Unjoni. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li studju kliniku mwettaq għall-finijiet tal-preparazzjoni ta’ applikazzjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ prodott mediċinali ġdid skont il-leġiżlazzjoni li tirregola l-prodotti mediċinali ma jistax jintuża sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ użu ta’ trade mark meta l-istudju kliniku ntalab ferm wara r-reġistrazzjoni tat-trade mark u/jew meta ma ntużawx il-mezzi finanzjarji meħtieġa sabiex l-istudju inkwistjoni jiġi konkluż kemm jista’ jkun malajr.


(1)  Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017 L 154, p. 1).

(2)  Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69).