|
18.12.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 437/17 |
Appell ippreżentat fit-22 ta’ Settembru 2017 minn OZ mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-13 ta’ Lulju 2017 fil-Kawża T-607/16, OZ vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment
(Kawża C-558/17 P)
(2017/C 437/21)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: OZ (rappreżentant: B. Maréchal, avukat)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Bank Ewropew tal-Investiment
Talbiet
|
— |
tannulla s-sentenza fil-Kawża T-607/16, li tinsab taħt appell, fl-intier tagħha; |
|
— |
tannulla d-deċiżjoni ta’ Dr. Werner Hoyer, President tal-BEI, tas-16 ta’ Ottubru 2015 mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura dwar id-dinjità fuq ix-xogħol mibdija fuq it-talba ta’ OZ tal-20 ta’ Mejju 2015 kontra s-superviżur tagħha, is-Sur F, li ġiet investigata mill-Bord tal-Investigazzjoni, u tannulla r-rapport tal-14 ta’ Settembru 2015 dwar it-talba mressqa minn OZ, li fih l-ilment ta’ OZ ġie miċħud u ġew inklużi rakkomandazzjonijiet mhux xierqa; |
|
— |
tikkundanna lill-BEI għall-kumpens tal-ispejjeż mediċi bħala riżultat tad-dannu sostnut minn OZ għall-ammont ta’ (i) EUR 977 sa llum (VAT inkluża) u (ii) ammont provviżorju ta’ EUR 5 850 għal spejjeż mediċi futuri; |
|
— |
tikkundanna lill-BEI għad-danni morali sostnuti li jammontaw għal EUR 20 000; |
|
— |
tikkundanna lill-BEI għar-rimbors tal-ispejjeż legali għall-proċedura preżenti li jammontaw għal EUR 35 100 (VAT inkluża); |
|
— |
tikkundanna lill-BEI għall-ħlas tal-ispejjeż tal-proċedura fl-appell u quddiem il-Qorti Ġenerali; |
|
— |
tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura dwar id-dinjità fuq ix-xogħol mill-BEI u/jew deċiżjoni ġdida mill-President tal-BEI. |
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-13 ta’ Lulju 2017, OZ vs Il-Bank Ewropew tal-Investiment (Kawża T-607/16) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għal annullament tad-deiċiżjoni tal-President tal-BEI, tas-16 ta’ Ottubru 2015, mogħtija fi ħdan il-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni relatata mad-dinjità fuq ix-xogħol li ngħatat bidu permezz ta’ talba dwar id-dinjità fuq ix-xogħol ta’ OZ tal-20 ta’ Mejju 2015, li tikkonċerna lis-Sur F, fir-rigward ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju sesswali kif investigati mill-Bord tal-Investigazzjoni, u tannulla r-rapport mill-Bord tal-Investigazzjoni tal-14 ta’ Settembru 2015, fir-rigward tat-talba relatata mad-dinjità fuq ix-xogħol imressqa minn OZ fl-20 ta’ Mejju 2015 (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni u r-rapport inkwistjoni”).
Il-kawża tirrigwarda allegazzjonijiet ta’ fastidju sesswali mqajma minn OZ li jirrigwardaw is-superviżur tagħha, is-Sur F, li seħħew bejn l-2011 u l-2014 u wasslu sabiex OZ tagħti bidu għal proċedura formali relatata mad-dinjità fuq ix-xogħol ippreżentata fl-20 ta’ Mejju 2015.
B’konformità mal-proċedura relatata mad-dinjità fuq ix-xogħol, bord tal-investigazzjoni ħareġ rapport, tal-14 ta’ Settembru 2014, li abbażi tiegħu l-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment ta deċiżjoni fis-16 ta’ Ottubru 2015.
L-appellanti ssostni li: (i) kien hemm diversi irregolaritajiet matul il-proċess tal-proċedura ta’ investigazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ ksur li jirrigwarda l-proċess xieraq u smigħ ġust, kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“KDF”) u (ii) kemm ir-rapport u d-deċiżjoni fihom diversi elementi li huma irrilevanti għat-trattament tal-ilment ta’ OZ dwar fastidju sesswali, li jirrigwardaw il-ħajja privata ta’ OZ u għaldaqstant għandhom jitneħħew, jew li huma irrilevanti u jmorru lil hinn mill-portata tal-investigazzjoni.
Wara li pprovat, mingħajr suċċess, tilħaq ftehim bonarju għat-tilwima, b’mod partikolari billi tat bidu għal proċedimenti ta’ konċiljazzjoni bbażati fuq l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment (li fit-22 ta’ April 2016 ġie stabbilit li ma rnexxewx), OZ, tramite l-avukat tagħha, Me Benoit Maréchal, ippreżentat rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea għal annullament tad-deċiżjoni u tar-rapport.
Permezz ta’ sentenza tat-13 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors. Il-Qorti Ġenerali qieset li l-Bank Ewropew tal-Investiment ma kienx wettaq atti illegali fil-konfront ta’ OZ fi ħdan il-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni ta’ fastidju sesswali, u ċaħdet it-talba għad-danni.
OZ qiegħda tippreżenta l-appell preżenti billi tinvoka l-ksur tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, mill-Qorti Ġenrali, u qiegħda tipprova tagħti prova tar-responsabbiltà tal-BEI.
L-ewwel aggravju: ksur tal-proċedura relatata mad-dinjità fuq ix-xogħol u tal-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-KFR: il-prinċipju tad-dritt ta’ OZ għal proċess xieraq, smigħ ġust u proċedimenti ġusti, skont l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, inkiser waqt l-invstigazzjoni tat-talba dwar fastidju.
It-tieni aggravju: ksur tal-Artikolu 8 tal-KEDB u tal-Artikolu 7 tal-KDF: inklużjoni ta’ elementi u kummenti irrilevanti li ġew integrati fir-rapport u fid-deċiżjoni tal-President tal-BEI – ksur tad-dritt ta’ OZ għar-rispett tal-ħajja privata.
It-tielet aggravju: ksur abbażi ta’ ċaħda tal-ġustizzja peress li l-Qorti Ġenerali ma ddeċidietx abbażi tal-fatti u tal-bażi legali indikati.